Gvern ġdid ma jħarisx lejn l-orjentazzjoni politka tal-Kunsilli Lokali
Il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat sejjaħ bħala gravi u inkwetanti ħafna li l-Prim Ministru jagħti x’jifhem li se jgħin lill-Kunsilli Lokali skont l-orjentazzjoni politika tagħhom.
Meta kien qed jitkellem fi żjara li għamel f’Ħaż Żebbuġ bħala parti mill-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-10 ta’ Marzu, Dr Muscat qal li dikjarazzjonijiet bħal ma għamel Lawrence Gonzi l-bieraħ fil-Mosta, huma tal-passat, u wieħed jistenna minn Prim Ministru, li jgħin lill-Kunsilli Lokali, jkunu xi jkunu.
Dr Muscat iddikjara li Gvern Ġdid ma joqgħodx iħares lejn min hu fil-maġġoranza, u se jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Kunsilli Lokali kollha.
Il-Mexxej Laburista qal ukoll li l-fatt li GonziPN qed jibbaża l-kritika u l-kampanja tiegħu biss fuq il-lokalita’ tal-Mosta, huwa ċertifikat ta’ suċċess għall-Kunsilli Lokali kollha l-oħra bi tmexxija Laburista. Dan filwaqt li saħaq li l-fatt li l-Gvern ma xoljiex il-Kunsill Lokali tal-Mosta għaliex ma kienx hemm l-elementi neċessarji, jikkonferma l-fjask li kien hemm fil-Kunsill ta’ Tas-Sliema b’maġġoranza Nazzjonalista, hekk kif dan ġie xolt.
Dr Muscat faħħar ix-xogħol impressjonanti li sar minn Kunsill Lokali bi tmexxija Laburista f’Ħaż Żebbuġ, minkejja d-diffikultajiet kollha li seta’ ltaqa’ magħhom. Saħaq li fadal ħafna xi jsir, iżda jinsab persważ li t-triq ‘il quddiem hija pożittiva hekk kif il-Kunsill huwa konxju ta’ dak li jixtiequ r-residenti.
Meta kien qed jitkellem dwar il-proġett tal-infetti, Dr Muscat qal li dan eżempju tajjeb ħafna ta’ Public Private Partnership, fejn il-Kunsill Lokali jieħu l-inizjattiva u jfittex sħab mill-privat biex ikun jista’ jiżviluppa art f’ċentru għall-ġid tar-residenti.
Il-proġett jikkonsisti f’ċentru sportiv, flimkien ma’ club house għat-team tal-futbol ta’ Ħaż Żebbuġ, faċilitajiet ta’ parkeġġ, post ta’ rikreazzjoni għall-familji, kif ukoll regolarizzazzjoni aħjar tal-monti, biex jonqos l-inkonvenjent fuq ir-residenti.
Sabiex ikun jista’ jsir dan il-proġett, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ se jkun qed jitlob lill-Gvern biex jestendi ċ-ċens li għandu minn 45 sena, għal 99 sena.
Dr Muscat qal li proġett bħal dan huwa essenzjali biex jinstab bilanċ aħjar bejn l-isfidi tal-kommunita’ kummerċjali tal-lokal, u s-sidien tal-monti.
Il-Mexxej Laburista fakkar fil-wegħda tal-Partit Laburista li Kunsilli Lokali bi tmexxija Laburista jwaqqfu forum permanenti biex issir konsultazzjoni u diskussjoni bejn il-Kunsill Lokali u l-kommunita’ kummerċjali, bil-għan li jinħoloq aktar xogħol li jkun sostenibbli.
Is-Sindku tal-lokal Alfred Grixti spjega kif il-ħidma kollha tal-Kunsill se tkun miġbura fi ktieb li se jitqassam lir-residenti kollha, u jinkludi fih ix-xogħol kollu li sar, ritratti tal-proġetti, kif ukoll il-minuti kollha tal-laqgħat tal-Kunsill.
Grixti rrefera wkoll għal wegħda oħra tal-Partit Laburista li rappreżentanti tar-residenti jkunu nvoluti fl-għażla tal-għoti ta’ tenders tal-Kunsill. Saħaq li din is-sistema diġa’ titħaddem mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ, fejn twaqqaf bord indipendenti magħmul mir-residenti.
Huwa faħħar l-armonija u l-istabbilta’ li tirrenja fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ, fejn 95% tad-deċiżjonijiet ittieħdu b’mod unanimu. Semma’ wkoll kif fl-aħħar erba’ snin il-Kunsill Lokali investa maż-2 miljuni u mitejn elf Ewro fit-toroq, kif ukoll irnexxielu jiġbor mat-€800,000 f’fondi addizzjonali.
