49 Kunsill Lokali jbatu l-konsegwenzi fl-allokazzjoni minħabba l-burokrazija
Fil-perjodu tal-bidu t’Ottubru, il-Kunsilli Lokali irċivew parti mill-allokazzjoni tagħhom li ssoltu jirċievu. Minkejja dan, bosta kienu dawk il-Kunsilli Lokali li man-notifika tal-allokazzjoni tagħhom irċivew ukoll notifika oħra li tnaqqsulhom il-fondi għax kienu bgħatu l-management accounts tard. Il-Kunsilli li tnaqqsulhom il-fondi kienu 49:
Il-Belt Valletta, l-Imdina, il-Birgu, Bormla, Ħaż-Żebbug, Ħaż-Żabbar, Ir-Rabat (Għawdex), Is-Siġġiewi, iż-Żejtun, Ħ’Attard, B’Kara, Ħad-Dingli, il-Fgura, il-Florjana, il-Fontana, Għajnsielem, Għargħur, l-Għasri, Ħal Għaxaq, il-Gżira, l-Iklin, il-Kalkara, Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imqabba, l-Imsida, il-Munxar, in-Nadur, in-Naxxar, Paola, tal-Pieta’, il-Qala, ir-Rabat (Malta), San Ġiljan, San Ġwann, San Lawrenz, Sannat, Santa Luċija, Swieqi, Iż-Żebbuġ u l-Imtarfa.
Aktar minn 70% tal-Kunsilli Lokali bgħatu l-Accounts awditjati tard. Iktar milli jippenalizza lir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet, il-Gvern kellu jara’ x’qed iwassal għal dan ir-riżultat.
Meta wieħed jindaga sew isib li numru sostanzjali minn dawn il-Kunsilli kellhom raġunijiet validi għaliex għamlu dan u anki kienu talbu permess lid-Dipartiment sabiex jibgħatu l-accounts tagħhom tard. Id-Dipartiment approva iżda minkejja dan, xorta waħda, b’mod awtomatiku, sar it-tnaqqis mill-allokazzjonijiet rispettivi.
Fost uhud mir-raġunijiet li l-management accounts intbgħatu tard, hemm dawk ta’ riżorsi umani.
Nofs il-Kunsilli Lokali li ġew ippenalizzati, bgħatu l-unaudited accounts tagħhom fil-ħin. Dan ifisser li ma kienx hemm nuqqas min-naħa tagħhom. Kien ir-rapport tal-Awditur li wasal tard minħabba ċirkostanzi li ma kienx hemm kontroll fuqhom.
Minkejja dan, u minkejja wkoll li d-Dipartiment kien infurmat dwar dawn il-problemi, dan xorta waħda ħass Ii kellu jimxi b’dan il-mod mal-Kunsilli Lokali kollha. Ċertament li m’għandux kulħadd jintefa’ f’keffa waħda iktar u iktar meta d-Dipartiment kien jaf b’dawn il-problemi. Allaħares il-Gvern kellu jimxi mad-Dipartiment bl-istess mod li hu qed jimxi mal-Kunsilli Lokali f’dan il-każ.
Minkejja li bosta Kunsilli Lokali oġġezzjonaw formalment għal dan it-tnaqqis u d-Dipartiment kellu jidħol biex jara kull każ fuq il-merti tiegħu, s’issa l-ebda Kunsill Lokali għadu ma ħa risposta dwar l-oġġezzjoni tagħhom.
Dan kollu jqajjem diversi mistoqsijiet, hekk kif l-intenzjoni tal-Gvern tidher li hija biss li jnaqqar l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali taħt kull forma ta’ skuża. Wieħed jistaqsi għalfejn il-Gvern qed jagħżel li jitfa’ lil kulħadd f’keffa waħda, għad-detriment tar-residenti, u jekk dan huwiex wieħed mill-modi li bih il-Gvern se jkun qed inaqqas l-€40 miljun min-nefqa tiegħu, kif mitlub mill-Unjoni Ewropea.
