Għaqal u responsabbilta’ fil-finanzi pubbliċi

Il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Isla tixhed għaqal fit-tmexxija u responsabbilta’ tal-fondi pubbliċi, fejn ma tonfoqx dak li m’għandekx.
Sostna dan il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat fi żjara li għamel dalgħodu fl-Isla bħala parti mill-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-10 ta’ Marzu. 

Dr Muscat irrefera għall-każ ta’ tender ta’ erba’ toroq li kellu jiġi irtirat minħabba li l-offerta tal-kuntrattur kienet se taqbeż l-allokazzjoni li kellu l-Kunsill. Saħaq li l-iktar ħaġa faċli biex tiġbor il-voti hija li taqbad tonfoq il-flus, imbagħad ibati l-konsegwenzi l-kunsill ta’ wara. Iżda l-għaqal jitlob mod ieħor.

Dr Muscat qal li Gvern ġdid se jara li jkun jista’ jgħin lil kull kunsill, f’kull lokalita’, bi kwalunkwe maġġoranza, u ma joqgħodx iħares lejn il-maġġoranza politika fil-kunsill, iżda lejn il-mertu.

Il-Mexxej Laburista ħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin biex iqabblu l-manifesti taż-żewġ partiti, sabiex jaraw id-differenza. Fuq naħa għandek manifest tal-Partit Laburista bi 17-il proposta konkreta. Fuq in-naħa l-oħra numru ta’ stqarrijiet u intenzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista li ftit li xejn jissarrfu fil-konkret.

Fakkar fil-proposta tal-Partit Laburista li fi spazji pubbliċi jiġu installati cameras ta’ cctv f’rispett lejn il-privatezza tal-individwu, sabiex ikollna aktar sigurta’ u nipprevjenu l-vandaliżmu.

Min-naħa tiegħu s-sindku tal-Isla Joe Casha spjega kif f’din il-leġislatura saru diversi attivitajiet, u anke korsijiet ta’ taħriġ fl-użu tal-computer, li minnhom gawdew ir-residenti ta’ kull eta’. Semma’ kif il-Kunsill Lokali rebaħ l-ewwel premju fit-turiżmu akwatiku, fl-iskema kulturali tal-Unjoni Ewropea.

Irrefera wkoll għat-tender li ħareġ għal erba’ toroq, li kellu jiġi rtirat minħabba li l-offerta tal-kuntrattur kienet se taqbeż il-fondi li kellu allokati l-Kunsill Lokali. Huwa spjega li diġa’ ħarġu l-permessi għax-xogħlijiet ta’ restawr tas-swar madwar l-Isla, filwaqt li se jsiru wkoll xi xogħlijiet fi Ġnien tal-Gardjola.