GonziPN jerġa’ jieħu l-€500 żieda wara l-elezzjoni
Jekk GonziPN jerġa’ jiġi elett, se jerġa’ jieħu ż-żieda skandaluża ta’ €500 fil-ġimgħa li kien ħa bil-moħbi tal-poplu.
Dan qalu Lawrence Gonzi l-bierah fil-Parlament meta ddikjara li ssospenda din iż-żieda, sakemm pajjiżna jkun f’sitwazzjoni li jista’ jiġġustifikaha.
Meta kien qed jitkellem dalgħodu fl-Isla, il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li issa l-Prim Ministru bidel id-diska, għax s’issa kien qed jgħidilna li ssospenda din iż-żieda sal-aħħar tal-leġislatura.
Dr Muscat irrimarka li GonziPN ma neħħiex iż-żieda, iżda ffriżaha, u jekk jerġa’ jiġi elett, se joħroġ jgħid li l-ekonomija sejra tajba, biex jerġa’ jieħu din iż-żieda li għadu jiddefendi sal-lum.
Il-pożizzjoni tal-Partit Laburista hija għal kollox differenti, għaliex iżomm l-onorarja fil-livell li kienet fl-2008. Nemmnu fit-twaqqif ta’ kummissjoni magħmula mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali, sabiex tistabbilixxi hi l-livell ta’ remunerazzjoni, u ma jkunux aktar il-politiċi li jiddeċiedu kemm għandhom jitħallsu. Joseph Muscat ma jippermettix deċiżjonijiet bħal dik taż-żieda ta’ €500 fil-ġimgħa.
