Il-problema tal-pazjenti fil-kurriduri għadha għaddejja
Minkejja li l-Ministru tas-saħħa Joe Cassar u s-CEO tal-Mater Dei ħarġu jiftaħru li solvew il-problema tal-pazjenti fil-kurriduri, ir-realta’ hija ferm ‘il bogħod, hekk kif din il-problema reġgħet tfaċċat.
F’Konferenza tal-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei, il-Kelliema Ewlenija tal-Partit Laburista għas-Saħħa Dr Marie Louise Coleiro Preca spjegat kif dalgħodu kien hemm madwar 50 pazjent fil-kurriduri tal-Emerġenza, filwaqt li f’Area 2, li kienet maħsuba biex tilqa’ sa 6 pazjenti, dalgħodu kien fiha 24 pazjent.
Dan kollu jikkonferma kemm l-Isptar Mater Dei qed jitmexxa b’management by crisis, saħqet il-Kelliema Laburista, li appellat lill-Gvern biex ikun onest, jirrikonoxxi l-falliment tal-politika tiegħu u jidħol sew fil-problema biex isib soluzzjoni fit-tul.
Dr Coleiro Preca qalet li minflok ma l-Gvern qed ikun veritier miegħu nnifsu u jibda jaħdem fuq pjan strateġiku, qiegħed iwaħħal it-tort fuq l-anzjani. Saħqet li mhuwiex aċċettabbli lill-aktar nies vulnerabbli tas-soċjeta’, qed inneżżgħulhom id-dinjita’.
Hija sellmet lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, u qalet li kieku mhux għad-dedikazzjoni tagħhom, naraw ħafna traġedji fl-Isptar State of the Art.
Dr Coleiro Preca semmiet numru ta’ każijiet li jaslu għandha ta’ kuljum, li jixhdu s-sitwazzjoni imwegħra li teżisti fl-Isptar. Fosthom ta’ nisa se jwelldu, li jintbagħtu lura d-dar biex jirritornaw l-isptar aktar tard.
Fakkret fil-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jkollna Sptar tar-Rijabilitazzjoni, liema sptar kellu jinbena mal-Isptar San Vinċenz. Minflok, qed jintuża l-Isptar Karen Grech. Madanakollu Dr Coleiro Preca saħqet li Karen Grech jista’ jilqa’ fih biss anzjani għaliex mhuwiex attrezzat biżżejjed biex jgħin fir-rijabilitazzjoni taż-żgħażagħ.
Il-Kelliema Laburista rreferiet ukoll għar-riforma fil-Kura Primarja. Fakkret kif fl-aħħar Budget, il-Gvern qal li se jsaħħaħ iċ-ċentri tas-saħħa, meta kien l-istess Gvern Nazzjonalista li żarmhom. Hija qalet li l-kura primarja hija prijorita’ għall-Partit Laburista.
Dwar il-problema tal-Waiting Lists, Dr Coleiro Preca qalet li għal sempliċi test tal-MRI, in-nies qed idumu jistennew mat-tmien xhur, għat-test tan-nervituri, l-EMG, sena u nofs. Żiedet tgħid li llum hemm waiting list twila wkoll fis-dentistrija. Hawnhekk fakkret kif ftit tas-snin ilu, in-nies li jkollhom bżonn is-servizz tad-dentist kienu jinqdew miċ-ċentri tas-saħħa mifruxa ma’ Malta u Għawdex, iżda wara li nbena l-Mater Dei, il-Gvern iċċentralizza dan is-servizz u issa n-nies qed ikollhom jistennew fil-waiting list.
