Il-verdett tal-KE dwar l-Air Malta: Bżonn ta’ ċarezza min-naħa tal-Gvern
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li l-Air Malta qed toffri li ċċedi slots f’Heathrow, Gatwick, Manchester, Frankfurt, Munich, Stuttgart, Amsterdam, Ginevra u Catania sall-2013. Iżda meta The Times ħarġet rapport b’din l-informazzjoni, il-Gvern caħad. Issa hemm bżonn ċarezza dwar x’ verament se jiġri.
Dan qalu l-Kelliem Ewlieni għat-Turiżmu u l-Air Malta Dr Gavin Gulia waqt konferenza stampa b’reazzjoni għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li tefa’ dubji fuq ir-rapport ta’ ristrutturar tal-Air Malta li ressaq il-Gvern.
Dr Gulia qal li l-ewwel kellna rapport f’The Times jgħid li se jinqatgħu slots u rotot profitabbli għal Malta. Imbagħad il-Gvern ċaħad u saħansitra l-Air Malta qalet li l-bejgħ ta’ slots lanqas huma msemmija fil-pjan ta’ ristrutturar tal-Kummissjoni Ewropea, u issa l-Kummissjoni Ewropea qed titkellem dwar il-pjan li jinqatgħu dawn l-islots.
Xi ħadd għandu jiċċara dan kollu, sostna Dr Gulia.
Dr Gulia qal li l-PL irid li Air Malta ssalva u tikber u li nittamaw li l-proċess ikollu eżitu pożittiv.
Iżda kieku r-rapport sar tajjeb mall-ewwel, kien jiġi iffrankat iż-żmien li huwa essenzjali f’dan l-istadju.
Xi ħadd irid jerfa responsabbiltà minn issa tal-proċess ta’ dan ir-rapport, qal Dr Gulia.
Huwa qal li l-pożizzjoni li ninsabu fiha hija ironika li nafu x’ inhi r-reazzjoni tal-Kummissjoni iżda ma nafux x’inhu l-kontenut tar-rapport li ntbagħat mill-Gvern Malti.
Sostna li huwa pożittiv li nirrimarkaw li l-Kummissjoni Ewropea qed taċċetta l-argument li f’pajjiż fil-periferija tal-Ewropa bħal ma hija Malta, il-konnessjoni bl-ajru, u għalhekk anki r-rwol tal-Air Malta, huma essenzjali.
Iżda l-Kummissjoni Ewropea qed turi li għandha dubji dwar kemm il-projections tal-Gvern li s-suq tal-Air Malta se jikber b’ 5.6% huma realistiċi meta hawn il-kriżi ekonomika fejn is-swieq li minnhom ġejjin it-turisti bilkemm qed jiċċaqalqu u l-ekonomija Maltija mhux mistennija tikber daqs kemm qed jgħid il-Gvern.
Gavin Gulia qal li hemm żball bażiku ukoll li l-inflazzjoni tal-ispejjeż ma ġietx inkluża fir-rapport. Il-Kummissjoni qed tistaqsi wkoll kemm il-bejgħ ta’ sussidjarji tal-Air Malta se jsir b’ mod miftuħ u trasparenti.
