Insaħħu l-customer care fil-Kunsilli Lokali
Kunsilli Lokali bi tmexxija Laburista jsaħħu s-servizz ta’ customer care offrut mill-Kunsill billi jiġu introdotti protokolli ċari li permezz tagħhom, kull resident li jressaq ilment, jingħata tweġiba fi żmien ħamest ijiem. Il-Kunsill Lokali jidderiġi lir-resident mal-Awtoritajiet u d-Dipartimenti, fejn il-kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ tiegħu.
Sostna dan il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat fi żjara li għamel f’Ħal Qormi bħala parti mill-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-10 ta’ Marzu.
Dr Muscat qal li b’hekk il-Kunsilli Lokali jkunu verament għodda kontra l-burokrazija, u favur il-familji. Faħħar ix-xogħol li sar mill-Kunsill Lokali bi tmexxija Laburista f’Ħal Qormi fejn introduċa s-sistema ta’ customer care biex taqdi aħjar l-interessi tar-residenti.
Il-Mexxej Laburista qal li għal-leġislatura li jmiss, il-Partit Laburista huwa kommess li jwettaq il-proġett tal-heritage trail u picnic site f’tal-Blat. Se jaħdem ukoll fuq l-upgrading tal-Housing Estate, fejn inkisbu madwar €300,000 f’fondi mill-UE.
Dr Muscat irrefera wkoll għall-proġet fi Pjazza tal-Gran Mastru fejn bi sħubija mal-privat se jsir embellishment tal-pjazza u faċilitajie ta’ parkeġġ taħt l-art. B’hekk, żied jgħid Dr Muscat, inkunu qed ngħinu lill-familji u lin-negozji billi nagħmlu lil Ħal Qormi aktar aċċessibbli.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Jesmond Aquilina qal li l-ewwel prijorita’ tal-Kunsill kienet it-toroq, hekk kif illum 90% tat-toroq f’Ħal Qormi huma bit-tarmak.
Irrefera għal proġetti infrastrutturali oħra, fosthom fil-pjazza ta’ Triq Dun Gwakkin Schembri, fejn sar pavimentar ġdid u ġie installat dawl li jikkonsma inqas enerġija u diversi ġonna u spazji pubbliċi madwar Ħal Qormi kollu li ġew irranġati.
Sar ukoll xogħol f’oqsma oħra bħal dak sportiv, kulturali u anke fil-qasam taż-żgħażagħ. Qal li ċ-ċertifikat ta’ suċċess ingħata wkoll mill-Awditur Ġenerali hekk kif il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien wieħed mit-tliet Kunsilli Lokali li ma kienux ikkritikati fir-rapport tiegħu. Jesmond Aquilina ħabbar ukoll li bi sħubija mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ġie żviluppat kors tal-piroteknika li minnu se jgawdu ż-żewġ każini ewlenin f’Ħal Qormi.
Is-Sindku semma’ l-bżonn li Ħal Qormi jkun hemm child care centre, u night shelter għall-anzjani, proġetti li huma inklużi fil-programm elettorali tal-Partit Laburista għall-Belt ta’ Ħal Qormi.
