Xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà politika fi Trasport Malta
L-aħħar każ ta’ tixħim fi Transport Malta huwa wieħed minn sensiela li saru f’din l-awtorità li hija dominju ta’ GonziPN. Kellna każijiet ta’ korruzzjoni wieħed wara l-ieħor u taħwid fit-tmexxija ta’ din l-awtorità biex ma nsemmux is-sistema ta’ trasport pubbliku. Il-ħuta minn rasha tinten u dan juri nuqqas serju fit-tmexxija ta’ GonziPN. B’hekk xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dan l-aħħar skandlu.
Dan qalu l-Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt laqgħa taħt it-tinda Għaqal fit-Tmexxija, f’Ħal Safi.
Dr Muscat qal li dak li ħareġ fis-sigħat li għaddew fejn ħareġ racket ta’ korruzzjoni ieħor f’din l-awtorità għandu jinkwieta ħafna lil kulħadd b’mod partikolari lit-taxpayers li huma qed iħallsu mit-taxxi tagħhom għal dan it-taħwid kollu fi Transport Malta.
Semma kif qabel kien hemm il-każ tal-korruzzjoni fil-liċenzji tal-karozzi, korruzzjoni fil-liċenzji tad-dgħajjes u apparti dawn kien hemm każijiet oħra bħall-każ tas-Superyachts fejn kien hemm persuna li ppruvat tixxaħħam u każ fejn is-segretarju privat ta’ Ministru jammetti li ħa flus biex jirranġa t-taxxa lil kuntrattur. F’dawn il-każi ħadd ma refa’ responsabbiltà politika.
Il-Partit Laburista, fil-każ ta’ Transport Malta se jkun qed jara li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dan id-diżastru f’din l-awtorità.
Air Malta
Dr Muscat tkellem dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta.
Huwa qal li l-Partit Laburista jittama u jemmen li l-Gvern se jasal fi qbil dwar dan il-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea, iżda sadanittant qed jintilef il-ħin prezzjuż minħabba l-iżbalji li saru. Irridu naraw ukoll fuq liema livell u x’se jkun ifisser dan il-ftehim.
Joseph Muscat qal li hemm ċertu punti li qajjmet il-Kummissjoni Ewropea dwar żbalji bażiċi ma tistennix li jkunu saru minn min jiehu nofs miljun ewro paga.
Anke f’dan il-każ, xi ħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir u x’wassal għal dan id-dewmien. Fost dawn, qal Dr Muscat, il-Kummissjoni Ewropea mhijiex qed temmen li l-market share tal-Air Malta se jkollu tkabbir ta’ 5.6%.
Semma kif The Times kienet ħarġet tgħid li l-Air Malta se tnaqqas l-islots u rotot profitabbli. Il-Gvern ħareġ jinnega u 24 siegħa wara ħareġ ir-rapport tal-Kummissjoni li jgħid li l-Air Malta qed tipproponi tnaqqis fir-rotot profitabbli u slots ta’ ajruporti.
Qal li l-Partit Laburista qed jesiġi li din il-kwistjoni tkun iċċarata.
Li wieħed iċedi dawn l-islots f’ajruporti prinċipali jfisser li nitilfu ass prinċipali u jippreġudika il-qasam tat-turiżmu u l-ekonomija u allura rridu ċ-ċarezza, qal Dr Muscat.
Joseph Muscat sostna wkoll li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu bħalissa huma kruċjali u se jolqtu lill-ħaddiema tal-Air Malta, imma anke lil kull min jiddependi mit-turiżmu.
Dr Muscat qal li l-PL la ġie kkonsultat u lanqas infurmat u allura ninsabu f’sitwazzjoni assurda fejn ġiet ippubblikata r-reazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal dokument tal-Gvern Malti, iżda dak id-dokument għadu ma ġiex ippubblikat mill-Gvern.
Diskriminazzjoni bejn Kunsilli
Joseph Muscat tkellem dwar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li qal li jekk il-Mosta jkollha kunsill lokali b’maġġoranza ta’ GonziPN jgħinha mill-Gvern.
Saħaq li din it-tip ta’ attitudni ma hijiex aċċettabbli minn xi ħadd li jkollu r-responsabbiltà ta’ Prim Ministru.
Qal li l-mod kif qed tmexxi l-kampanja ta’ GonziPN hija waħda negattiva ħafna u ħlief negattività ma smajniex. Metri l-Partit Laburista qed imexxi kampanja pożittiva u jitkellem dwar is-suċċessi tal-Kunsilli Lokali.
Dr Muscat qal li l-manifest ta’ GonziPN huwa kollu retorika filwaqt li l-Partit Laburista qed jippreżenta proposti konkreti. Dan juri li l-Partit Laburista meta jasal il-waqt jippreżenta l-proposti tiegħu li jkunu konkreti u jistgħu jitwettqu.
Qal li Partit Laburista qed jipproponi li l-Kunsilli Lokali jkollhom rwol iktar attiv fil-ħolqien tax-xogħol fil-komunità u dan billi jinħoloq forum permanenti li fuq bażi regolari il-Kunsill Lokali jikkonsulta mar-rappreżentanti tal-komunità kummerċjali tal-lokal biex flimkien niġġieldu l-burokrazija u ngħinu biex jitkattar il-ġid u x-xogħol. B’hekk ngħinu lis-self-employed u negozji żghar filwaqt li jiffaċilitaw biex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol sostenibbli.
Dr Muscat tkellem kif il-Partit Laburista ma ddejjaq xejn juri għaqal u jerfa’ r-responsabbiltà tan-nuqqasijiet li saru fil-Kunsill Lokali tal-Mosta, minkejja li lejn l-aħħar ħadem ħafna iktar. Dan b’differenza għas-sistema GonziPN li ma hi terfa’ l-ebda responsabbiltà għad-diżastru f’San Pawl il-Baħar u Swieqi fost l-oħrajn.
Huwa qal li filwaqt li l-Partit Laburista kien resposabbli u qal li jistenna standards aħjar fil-Mosta, il-Partit Nazzjonalista qed joffri l-istess Sindku li falla fil-Mosta u faqa’ l-finanzi tal-istess lokalità apparti li ma ħadimx u kellu każijiet serji taħtu ta’ taħwid fil-finanzi tal-Kunsill.
Id-differenza fil-Mosta qed joffriha l-Partit Laburista billi qed jippreżenta nies ġodda u team ġdid.
Dr Muscat ħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti sehmu fil-kunsilli u jiġbor il-vot.
Huwa ħeġġeġ lin-nies ta’ Ħal Safi biex jagħtu sinjal għal bidla fuq livell lokali u jagħtu l-ewwel preferenza lill-kandidati tal-Partit Laburista.
