Skip to content

aħbarijiet

May 1, 2022

“Aħna l-akbar xhieda ta’ Gvern li lill-ħaddiem jipproteġieh kemm jista’ u ma jgħakksux.” – il-PM

“Illum ninsab determinat iktar minn qatt qabel li nibqgħu forza b’saħħitha favur ix-xogħol, favur il-ħolqien tiegħu u fuq kollox favur min jaħdmu, favur il-ħaddiem. Li nistgħu ngħidu bi kburija hu li minkejja li fl-aħħar tliet snin ma ċċelebrajnix jum il-ħaddiem fil-pjazez, lill-ħaddiem iċċelebrajnih ma’ kull jum li għadda. Iċċelebrajnih bid-deċiżjonijiet li ħadna biex inħarsulu l-impjieg. Biex ma nitfgħux fuqu piżijiet ġodda.” 

Hekk beda l-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Belt Valletta fejn bagħat messaġġ ieħor ċar ta’ kuraġġ u fiduċja. 

“Ftit ġimgħat ilu kont qed nitkellem magħkom ta’ kuljum dwar il-futur. Dwar x’futur ridna għal pajjiżna.  Issa l-mument li l-futur inwettquh. Għax hekk għażel il-poplu Għawdxi u Malti.  Warrab fil-ġenb il-politika tal-passat.  Ma ħallix min jaqtalu qalbu. U għażel din il-fażi ġdida li wegħdnikom. Se tkun din ir-Rebbiegħa il-bidu ta’ dan il-perjodu sabiħ għal pajjiżna.”

Il-Prim Ministru semma wkoll kif minn għada se jkunu tneħħew kwazi għal kollox ir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija għax filwaqt li se jibqa’ jsir minn kollox biex saħħet in-nies tibqa’ prijorita’, irridu wkoll li l-Maltin jieħdu ħajjithom lura. 

“Quddiem l-isfidi ġodda li qed taffaċċja d-dinja aħna rridu nkunu mutur ta’ ġid. F’dan il-mument il-ħaddiem jeħtieġ l-opportunità, u l-ħarsien… 

Il-Prim Ministru aċċerta li dawn l-opportunitajiet qed jingħataw u se jibqgħu jingħataw. Spjega kif illum pajjiżna għandu anqas minn elf persuna tirreġistra għax-xogħol. Kisba għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan huwa l-aqwa legat ta’ dan il-moviment: Ix-xogħol. U x-xogħol ma ġiex mix-xejn. Sar permezz ta’ investiment dirett barrani li ġie attirat lejn Malta, investiment dirett barrani li espanda f’Malta, proġetti kbar fil-manifattura, investiment ġdid f’niċeċ ġodda bħal farmaċewtika, avjazzjoni u setturi kbar oħra. “Uliedna għandhom quddiemhom futur sabiħ.”

Robert Abela emfasizza li filwaqt li se jibqgħu jinħolqu dawn l-opportunitajiet, irridu nibqgħu nappoġġjaw lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u liż-żgħażagħ li qed jibdew familja u lill-istudenti. 

“M’aħna se ninjoraw ir-realtà ta’ ħadd! Huwa minnu li s-soluzzjonijiet mhux faċli. Imma qed nieħdu sensiela ta’ deċiżjonijiet biex inħarsu x-xogħol, u nħarsu l-ħaddiem.” 

Il-Prim Ministru semma wkoll id-differenza ewlenija bejn amministrazzjoni Nazzjonalista. “Taħt amministrazzjoni Nazzjonalista is-sors tat-tbatija kien il-Gvern.Taħt amministrazzjoni Laburista is-sors tas-sostenn huwa l-Gvern. Aħna Gvern tal-poplu – li jemmen fil-poplu – u li jaħdem għalih.U għax nagħmlu dan, għax ninvestu u mhux nixxaħħu, għax l-ispiża qlibniha f’investiment, minflok pajjiżna jmur lura, pajjiżna ikun jista’ jibqa’ miexi ‘l quddiem.” 

Robert Abela qal ukoll li dan hu Gvern li jkun tarka għall-familji u n-negozji. 

“Mijiet ta’ miljuni iddirezzjonajnihom lejn is-settur tal-enerġija biex inżommu l-istabbiltà fil-prezzijiet tad-dawl u l-fjuwil. L-ikbar industriji f’pajjiżna qed niffrankawlhom miljuni kbar b’dawn id-deċiżjonijiet. Nagħmlu dan għax irriduhom jibqgħu jinvestu fikom. Għax hekk nitkellmu magħhom b’wiċċna minn quddiem dwar x’qed joffri pajjiżna, u għaliex għandhom isaħħu hawn l-investiment taghhom. 

Iżda, mhux biss. Sa din il-ġimgħa stess il-Kabinett tal-Ministri approva għajnuna diretta lill-importaturibiex inżommu stabbli l-prezz tad-dqiq li jintuża f’bosta affarijiet essenzjali. Għajnuna li tlaħħaq il-miljuni bil-kundizzjoni ċara li tagħmel tajjeb  għall-effett tal-gwerra, u ma jgħollux il-prodotti essenzjali.  Dan wara li fl-aħħar xhur konna diġa’ għenna bis-sahha lill-importaturi tal-gwież. Dak kollu li l-Gvern jista’ jagħmel se jagħmlu. B’għaqal, u bl-użu tal-finanzi tal-pajjiż b’responsabbiltà.” 

Il-Prim Ministru sostna wkoll kif illum li l-Ewropa għaddejja mill-ogħla inflazzjoni fl-istorja tagħha, l-inflazzjoni ta’ pajjiżna hi nofs il-medja Ewropea. 

“Dak hu l-ikbar xhieda ta’ gvern li lill-ħaddiem jipproteġieh kemm jista’, u ma jgħakksux. Wara kollox bħalma ġara fil-pandemija. Ma tkunx tista’ telimina l-effetti kollha, vera. Imma għandkom is-serħan il-moħħ ta’ gvern bil-prijoritajiet ġusti.”

Il-mof kif kibret l-ekonomija Maltija fl-aħħar xhur, id-dħul tal-Gvern mar ukoll aħjar milli mistenni. Il-piż tad-dejn nazzjonali waqa’ taħt is-60%. 

“Hekk wiegħdna li nagħmlu fil-manifest elettorali Malta Flimkien. U dan hu riżultat li diġa’ ksibnih u se nibnu fuqu.

Il-bażi tal-programm tagħna tibqa’ l-ekonomija. Biex fuqha nibnu l-kumplament. 

Jekk inkomplu noħolqu l-ġid inkunu nistgħu inqassmuh aktar.

Jekk inkomplu noholqu x-xogħol inkunu nistgħu noffru servizzi soċjali aħjar.

Jekk inkomplu nattiraw l-investiment inkunu nistgħu inkabbru l-investiment pubbliku.

Mingħajr ekonomija soda, ma nistgħux inwettqu l-qalba diġitali.

Mingħajr ekonomija soda, ma nistgħux intejjbu l-ambjent u nagħtu lill-poplu seba mitt miljun ewro fi spazji ġodda ħodor.

Mingħajr ekonomija soda, ma nistgħux innaqqsu t-taxxi għal kulħadd, intejjbu l-pensjonijiet u ndaħħlu l-garanzija għat-tfal.

Mingħajr ekonomija soda, ma nkunux nistgħu nagħmlu bidliet, kif se ngħamlu biex il-ġenituri, b’mod partikolari dawk ġodda jkunu jistgħu igawdu aktar lill-uliedhom. Għax il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja nqisuh bħala kruċjali.” 

Il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ ta’ għaqda. Li nibqgħu magħqudin bħala Partit u bħala pajjiż. Akbar ma huma l-isfidi, aktar il-bżonn li nkunu magħqudin. 

“Lesti biex niġġeddu u nibqgħu noħorġu b’ideat ġodda. Hekk biss nibqgħu l-futur. Flimkien irridu nkomplu fit-triq li bdejna tant snin ilu. Pajjiż aktar ġust. Pajjiż aktar ħanin. Għawdex u Malta isbaħ. Għawdex u Malta fejn kulħadd jista’ jaspira u jikseb dak li jaspira. Għawdex u Malta Flimkien.”

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin