“Jekk nibqgħu flimkien, xejn u ħadd ma jista’ jwaqqaf il-progress.” – il-PM

“Aħna rridu li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu mhux biex niftaħru b’kemm ġibna maġġoranza, iżda biex fuq kollox intejbu għall-aħjar il-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.”  

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista filwaqt li fakkar kif irridu nżommu f’moħħna kemm huwa kruċjali t-tiġdid u l-bidla biex nibqgħu noffru tmexxija kredibbli u soda għal pajjiżna. 

“Minn ħsibijiet ċari mxejna għal proposti definiti fil-manifest Malta Flimkien. U fil-kampanja tajt il-kelma tiegħi li kundizzjoni waħda kien hemm biex dawn l-elf proposta jsiru elf kisba ġdida.Nhar is-26 ta’ Marzu dik il-kundizzjoni twettqet. Għalhekk issa hija fuqna r-responsabbiltà li nwettqu dawk l-elf proposta. Irridu narawhom jibdew ikunu implimentati. Iva, issa l-mument tal-implimentazzjoni. Internament, mal-Kabinett u l-grupp parlamentari, bl-appoġġ anke tal-amministrazzjoni u t-tim li ħadem fuq il-manifest, bdejna minnufih naħdmu dwar dan. Għax waħda mill-iktar affarijiet li trid tibqa’ tiddistingwina minn forzi politiċi oħra hija dik li aħna partit, li mill-Gvern dejjem inwettqu dak li nwiegħdu.” 

Fl-istess waqt, il-Prim Ministru sostna wkoll li fl-istess waqt irridu naraw fejn stajna ddiżapuntajna nies li appoġġjawna fl-imgħoddi. 

“Dan hu proċess li internament diġà bdejnih. Kif tafu bdejnih bil-laqgħat li għamilna fl-aħħar ġimgħat. Laqgħat twal b’ħafna ħsibijiet imma fuq kollox b’awto-kritika ġenwina u b’saħħitha. Dan hu proċess li nkompluh u nestenduh fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Irridu nisimgħu, inkunu umli u nikkomunikaw.”  

Robert Abela esprima s-sodisfazzjon għall-kuraġġ li wera dan il-Partit b’diversi riformi fosthom iż-żieda fir-rappreżentanza femminili fil-Parlament. 

“Ifisser li wasalna? Le. Imma żgur li żrajna ż-żerrieġħa. Għax jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-partit hi li fil-ġlidiet għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, qatt ma kien passiv iżda, dejjem kien protagonist.” 

Il-Prim Ministru qal ukoll kif l-ottimiżmu se jkun ir-riċetta tal-futur fejn mill-bidu nett kien il-partit tal-progress, id-dawl li jiġġieled id-dlam. 

Intom parti importanti minn dawn il-bidliet. Il-partit hu għodda importanti.  Li nitlob mingħandkom hu biex tibqgħu tkunu l-vuċi tal-komunitajiet tagħkom. Il-kelma tiegħi hi li t-tmexxija tagħna se tibqa’ ffokata fuq il-pajjiż, fejn infittxu s-soluzzjoni għall-futur u nibqgħu nkunu l-partit tal-aspirazzjoni. Ħaddieħor quddiem l-isfidi jagħżel li jaqta’ l-qlub, aħna ndaħħlu t-tama. 

Robert Abela temm b’appell biex f’Jum il-Ħaddiem ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw dan il-jum u nibagħtu messaġġ ċar li dan hu partit li jibqa’ joħloq l-opportunitajiet. 

“U allura l-istedina tiegħi hi biex nhar il-Ħadd li ġej ningħaqdu lkoll il-Belt biex wara tliet snin inkunu nistgħu niċċelebraw Jum il-Ħaddiem flimkien. Se tkun l-ewwel darba minn meta fdajtuni bħala mexxej tal-Partit Laburista li niċċelebraw kif jixraq Jum il-Ħaddiem. Hemm se nibgħatu messaġġ pożittiv. Nibagħtu messaġġ li dan jibqa’ l-partit tax-xogħol li jgħin lil min jaħdem u lil min joħloq l-opportunità biex wieħed jaħdem. 

Nibqgħu nibagħtu messaġġ li dan hu pajjiż fejn se nkomplu naħdmu flimkien għall-futur sabiħ.” 

“L-ikbar ħelsien li rrid nara llum hu l-ħelsien mill-politika tal-firda, il-mibegħda u l-konfront.”


“Emmintu fis-saħħa tagħkom u għażiltu l-għajta ta’ Malta Flimkien. U għax ma ħallejtux il-passat ibeżżagħkom mill-futur, erġajtu tajtuna l-fiduċja tagħkom biex inkomplu nġeddu lil dan il-pajjiż.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Birgu waqt ċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien fejn irrimarka kif is-snin li għaddewna minn esperjenzi simili għal dawk ta’ mitt sena ilu meta bdiet it-triq lejn il-ħelsien.  

“Faqqgħet pandemija li qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja tagħna. Id-differenza kienet li din id-darba l-poplu Malti kellu bażi soda u rajh f’idejh. Iżda, fuq kollox sab fina tmexxija li kienet miegħu u li se tibqa’ miegħu.”

Il-Prim Ministru spjega kif quddiem l-effetti ta’ kriżi dinjija, minflok l-għexerien ta’ eluf qiegħda, illum għandna l-anqas ammont ta’ nies qiegħda fl-istorja, ftit aktar minn elf persuna. “Il-Gvern qed ikun tarka għall-familji u negozji, b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro dedikati biex l-effett tal-kriżi internazzjonali jkunu kkontrollati.”

Ftit sigħat wara li ħabbar il-kabinett tal-Gvern, Robert Abela rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-fiduċja li wera fil-Partit Laburista. 

“Dik il-fiduċja se nsarrfuha f’iktar xogħol. Għalikom, iżda fuq kollox biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur isbaħ u biex b’dak li nagħmlu nagħtu ġieħ lil dawk li qabilna tant ħadmu għal dan il-ġens. Għandna pjan ċar fuqiex inwettqu din il-ħidma. Elf proposta li diġa’ tlaqna bil-ħidma biex nibdew inwettquhom.” 

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar jisħaq l-importanza li jibqa’ jara Partit Laburista li jkun ta’ skrutinju għall-ħidma tal-Gvern. 

“Ejja nkunu aħna l-ewwel li naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Hemm l-umiltà. U tkellimt magħkom diġa’ dwar kif fuq din l-umiltà rrid nibnu din il-leġiżlatura. Għax ikbar mhi l-fiduċja iktar irridu nkunu saqajna mal-art. 

Flimkien ma sħabi. Flimkien magħkom. Se nkomplu nibnu l-pajjiż.

Għalhekk ibqgħu miegħi kif kontu waqt il-kampanja li għadha kemm intemmet.

Flimkien nistgħu nwettqu affarijiet kbar.

Xejn ma jista jwaqqaf lil dan il-moviment sakemm jibqa magħqud.

Magħqud biex ikompli jwettaq il-ħolm taż-żgħażagħ tagħna.

Magħqud biex ikompli jsostni lill-familji u n-negozji tagħna.

Magħqud biex ikompli jagħti l-wens lill-anzjani tagħna.

Ejja nżommu lil Għawdex u Malta l-ewwel u qabel kollox.

Flimkien l-aħna huwa aqwa mill-jiena.

Għalhekk ibqgħu isilfu l-fiduċja tagħkom lil dan il-moviment.

Ibqgħu emmnu fis-saħħa tal-għaqda tagħna.

Malta flimkien

Il-futur sabiħ.

Il-futur issa f’idejna lkoll.”

“Aħna ngħixu għal bidla. Sodi u ottimisti għal futur isbaħ għal pajjiżna.” – il-PM

Imħabbra skema ta’ rifużjoni għal spejjeż marbuta ma’ mediċini tal-IVF

“L-għażla tan-nies se tkun fuq it-track record tagħna. Fuq il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Fuq min irriforma dan il-pajjiż. Kull ġimgħa li tgħaddi qed inkunu pass eqreb lejn il-ġid ta’ pajjiżna. Meta jasal il-mument tal-għażla rridu mmorru sodi. Nistgħu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għax Malta pajjiż sod, ambizzjuż, nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor ħażin iżda għax aħna tajbin.” 

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista waqt attivita’ politika f’Ħal Tarxien fejn spjega kif filwaqt li ħaddieħor mehdijin fil-partiġġjaniżmu u attakki bla bażiu moħħhom biss biex iħarsu lura  għax m’għandhom l-ebda idea għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż, dan il-Gvern huwa ffukat biex jibqa’ jagħti direzzjoni ‘l quddiem.  

“Ġimgħa kkaratterizzata mill-inawgurazzjoni f’Ħas-Saptan, proġett tal-aqwa teknoloġija għal-laqgħat importanti li kellna fi Franza fejn tkellimna fuq is-settur marittimu. Kellna implimentazzjoni ta’ aktar riġenerazzjoni fil-housing estates, tlestija ta’ investiment fil-qasam tas-saħħa u komplejna nagħmlu miżuri tal-budget fejn ma ninjoraw ir-realtajiet ta’ ħadd.”

Il-prinċipju ewlieni wara dan kollu hu li “ma nkunu qatt merfugħin min-nies għax l-ideali tagħna minfejn tlaqna, mill-moviment tal-ħaddiema, għadhom u jibqgħu integrali fit-twemmin tagħna.” 

Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern indirizza r-realtajiet ta’ persuni għall-ewwel darba.

“Waħda mir-realtajiet siekta hi dik tal-infertilita’. Koppji jgħidulek kemm kien importanti li l-Gvern jagħmel tibdiliet fil-liġi. In-norma fil-passat mhux daqstant ‘il bogħod kienet li ridt titlaq barra mill-pajjiż. Illum bdilna dik ir-realta’ u tajna l-opportunitajiet f’pajjiżna. Infakkar kemm kien hemm biex din il-bidla jagħmel minn kollox jirreżistiha. Aħna wettaqna r-riformi u ma bżajniex mill-bidla.”

Robert Abela saħaq ukoll kif inħasset il-ħtieġa li miżura li ħabbarna fil-budget inwettquha llum qabel għada. L-ispiża fil-mediċini tal-IVF hi aktar iebsa għal dawk li jgħaddu minnha iżjed minn darba. Semma kif jirrikonixxu l-għajnuna li ngħatat mill-Gvern li hi ħafna aktar minn ta’ pajjiżi oħra iżda l-piż finanzjarju xorta huwa wieħed sostanzjali. “Għalhekk li għal dawn il-koppji, l-arloġġ itektek l-agħar ħaġa għalihom għax kull ġurnata tgħodd. Għalhekk b’mod immedjat ħadna d-deċiżjoni li sakemm dan il-proċess tal-procurement, nagħtu rifużjoni tal-ispiża tal-mediċina tal-IVF f’forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu għaddejjin mill-proċess tal-IVF sa meta mistennija jaslu l-mediċini f’nofs Ġunju ta’ din is-sena.  Din il-miżura għalhekk tidħol fis-seħħ minnufih u tmur lura għall-ewwel ta’ Jannar. La darba tajna l-kelma li l-mediċini tal-IVF se jkunu bla ħlas, hekk se jsir. Dal-piż finanzjarju se nerfgħuh aħna wkoll.”

Il-Prim Ministru żied  li hemm weġgħat oħrajn weġgħat li nwegħdkom li m’aħniex se ninjorawhom. 

Oppożizzjoni ankrata mal-passat

“Partit Laburista fil-gvern li jemmen fin-nies u Partit Nazzjonalista ankrat fil-passat. Li kieku qegħdin huma jmexxu l-pajjiż illum, jagħmlu kif għamlu fl-2008 fejn minkejja l-isfidi interazzjonali, serrħu raskom li ma kienu qed jgħinu lil ħadd.

Oppożizzjoni mfixkla quddiem il-mod kif dan il-Gvern baqa’ dejjem ikollu l-prijoritajiet it-tajbin. Perfetti m’aħniex imma meta ġejna għad-deċiżjonijiet il-kbar, dejjem ħadna l-aqwa deċiżjonijiet għan-nies.” 

Robert Abela qal li l-Oppożizzjoni trid teħodna lura. “Jien ngħidilhom li m’għandhomx ċans għaliex għalina l-futur u t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż huma l-aktar ħaġa importanti. La sfukajtuna waqt pandemija u wisq anqas fiż-żmien sabiħ li ġej għal pajjiżna. Aħna qegħdin hawn biex nieħdu ħsieb il-futur għax għandna pjan għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Aħna nwettqu dak li nwiegħdu filwaqt li ma nkunux suppervi.” 

Dwar ir-riforma tal-kannabis, il-Prim Ministru qal li jekk Bernard Grech imexxi dan il-pajjiż, se jibdilha. “kemm felħu kontra din il-liġi. Iridu jerġgħu jixħtuna lura. Xejn ma sabuha tajjeb din il-liġi. Ħaġa waħda nesew. Qalulna li sraqna proposta tagħhom. Irid jipprova jintogħgob ma’ kulħadd u dik hija l-agħar ħaġa li tista’ tagħmel fil-politika.”

Dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment ukoll sieq naħa u sieq oħra. “Dik mhux konsistenza. Pubblikament lanqas nista’ ngħodd il-verżjonijiet li bidel. Daqqa qal li se jżommha tant li beda jitkellem favur din l-iskema iktar minn kemm faħħarniha aħna imbagħad ftit tal-jiem wara qal li din l-iskema tagħmel ħsara lil pajjiżna.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa inkonsistenti. Meta waħdu jitkellem mod u meta jiġbdulu l-ispag jitkellem mod ieħor. Ma jridx jagħti sehmu għal pajjiżna. 

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni ibeżżgħu bil-Greċja filwaqt li l-esperti ekonomiċi jesprimu l-fiduċja tagħhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna. “Mingħalihom jippruvaw jisfukawna minfuq ħidmietna bħala Gvern għax ma jridux li dan il-moviment jibqa’ jgħin lin-nies.”

“L-għatx tagħna jibqa’ għal bidla. Aħna ngħixu għal bidla. Aħna magħqudin, irridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor mehdi fil-passat iżda għax aħna noffru viżjoni u futur isbaħ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

“Għawdex se jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li se jieħu dan il-Gvern” – il-PM

Se nibqgħu nkunu ta’ spalla għan-negozji

“Kburi li nistgħu nitħaddtu dwar il-futur tal-gżira. Nistgħu nitkellmu dwar dan għax l-istrateġija fl-aktar mumenti diffiċli ħadmet… Għawdex xogħol u investiment bla preċedent. Għal kull miżura li għamilna f’Malta biex nappoġġjaw lin-nies, rajna li f’Għawdex tkun iktar ġeneruża biex nipproteġu lil din il-gżira. Għawdex baqa’ miexi ‘l quddiem mhux staġnat ħabba l-pandemija.” 

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista waqt merħba sabiħa fin-Nadur, Għawdex fejn emfasizza kif fl-aħħar sentejn fil-gżira Għawdxija spikkaw il-miżuri għaqlin fejn issarrfu fl-anqas livelli ta’ qgħad, fl-anqas rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol u l-aktar numru ta’ Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess tant li f’pandemija nħolqu 2,000 impjieg ġdid.

Fost l-akbar proġetti li saru fil-Gżira Għawdxija fl-aħħar xhur, il-Prim Ministru semma kif il-proġett tal-Fast Ferry kien game changer, it-tieni fibre optic cablem, ir-reverse osmosis fejn Għawdex ma baqax dipendenti fuq Malta għall-ħażna tal-ilma, Gvern li fehem is-sensittivita’ tal-iżvilupp f’Għawdex tant li nċentiva lin-nies b’miżuri relatati max-xiri ta’ propjeta’. 

“Dan kollu frott il-politika ekonomika tal-Gvern li adotta mill-2013 ‘l hawn. Mexxejna bħala Team wieħed li juri kif flimkien u fuq kollox magħqudin nistgħu nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar.” 

Minkejja l-pandemija, il-pjan tal-Gvern kien li jibqa’ għaddej bil-proġetti kollha li kellu pjanati u jinvestu iktar bis-saħħa fin-nies. “Minflok il-kelma awsterita’ bħal ta’ qabilna, daħħalna l-kelma investiment… In-negozji dawk l-aktar milquta se nibqgħu ngħinuhom sakemm huwa meħtieġ.”

“Minn dejjem għidna li l-pandemija ma rridux narawha bħala sprint imma bħala maratona. Kemm konna bilgħaqal li qassamna dak il-war chest biex fl-aktar mumenti ta’ sostenn, nagħtu dak kollu li meħtieġ.”

Robert Abela saħaq kif dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu bil-populiżmu jew ibbażati fuq social media. 

“Mil-lat ta’ saħħa, dejjem nimbuttaw għal rata ta’ vaċċinazzjoni għolja. It-tilqima m’hemmx dubju li hija s-soluzzjoni tal-pandemija. Żidna r-rata ta’ vaċċinazzjoni u għax irnexxielna, issa qegħdin f’qagħda li din il-ġimgħa se nħabbru kif mill-ewwel ġimgħa ta’ Frar se nneħħu aktar restrizzjonijiet. Pajjiżna jrid ikompli fit-triq tal-irkupru li qabad.”

Oppożizzjoni populista u bla kreddibilta’

Id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ċara. Ma’ dan il-Gvern taf fejn qiegħed. Mal-Oppożizzjoni qatt ma tkun taf fejn qiegħed. 

Il-Prim Ministru spjega l-inkonsistenza ta’ Bernard Grech din id-darba mil-lat ta’ saħħa. “Mela l-ewwel qal li jaqbel mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. Imbagħad bidel fehmtu u qal li inkwiżizzjoni fuq il-libertajiet tan-nies. Irrealizza li l-istrateġija tagħna kienet li nlaqqmu kemm nifilħu nies malajr ħa niġu lura għan-normalita’. U dik ma jridhiex… Issa qal li bis-saħħa tiegħu se jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Qalilna wkoll li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni. Riduna mmorru f’lockdown. Meta nidejna l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomiku, ħlief biża ma bdewx ixerrdu.”

Hawnhekk il-Prim Ministru emfasizza kif lin-negozji se jtihom garanzija li se jsibuh dejjem warajhom biex jirreżistu abbozzi ta’ liġijiet li ma jaqblu xejn ma’ xi ħadd li għandu aspirazzjoni li jmexxi pajjiż. Liġijiet li l-għan ewlieni tagħhom hu li jdaħħlu l-biża’, inċertezza u jipparalizzaw l-ekonomija. 

“L-isfidi se naqilbuhom f’opportunitajiet. Prinċipju wieħed – l-interess nazzjonali. Biex tista’ taħdem fl-interess nazzjonali, irid ikollok pjan. Aħna nibqgħu l-uniku partit li dejjem u f’kull waqt iħares l-interess nazzjonali.”

Spjega wkoll kif Bernard Grech fi Strasburgu ma staħax ma jgħidx kelma waħda favur pajjiżna. “Meta tkun qiegħed f’dawn il-fora, il-populiżmu ma taħdimx bih. Trid tkun sod. Hemmhekk sustanza u fatti.Ma jridx li l-poplu Malti jgawdi mill-fondi Ewropej għal dan il-proġett u hemm ħafna fondi Ewropej li huma disponibbli għal dan il-proġett. Proġett nazzjonali li se ngawdu minnu kollha kemm aħna.”

Il-governanza kienet pilastru ieħor fundsamentali f’dawn l-aħħar sentejn. Robert Abela qal ukoll kif f’pajjiżna tirrenja demokrazija vibbranti fejn kulħadd huwa kontabbli għal għemilu u l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu għall-ġustizzja biss u għall-ebda għan ieħor. 

“Ma nistax nibqa’ sieket li l-istituzzjonijiet iridu jaqdu dan. In-nies bir-raġun tippretendi li mmexxu bl-eżempju, tippretendu l-ogħla standards imma tippretendu wkoll li l-istituzzjonijiet jaqdu biss il-funzjonijiet tagħhom. Kull awtorita’ ma tistax tiġi tterrorizzata minn xi ħadd biex jikkundizzjonawlhom id-deċiżjonijiet tagħhom inkluż min pubblikament ma jiddejjaqx juri li qed tinqabeż il-linja anke fl-aktar istituzzjonijiet sensittivi f’pajjiżna. 

“Ir-reazzjoni tagħna nserrħilkom raskom li se tkun ta’ aktar u aktar ħidma għall-ġid tal-poplu Malti. Gvern jgħin lill-istituzzjonijiet kollha biex jiffaċilita d-deċiżjonijiet tagħhom u għalhekk l-appell tiegħi – Aħna qegħdin hawn għan-nies, se nibqgħu nitkellmu u niddefendu lin-nies.”

“Irridu sena ta’ tkattir ta’ xogħol, fiduċja u investiment.” – il-PM

“Din trid tkun sena oħra fejn inkomplu nkattru x-xogħol. U dan nagħmluh billi quddiem l-isfidi nidħlu b’saħħa u mhux noqgħodu idejna fuq żaqqna. U hawn għandna pjan ċar ħafna. Il-pjan dwar Malta li rridu għal uliedna, li ressaqna ‘l quddiem f’Ottubru u issa tibda tintensifika l-implimentazzjoni tiegħu.”

Waqt intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela sostna kif l-investituri jafu li għad hemm żmien sabiħ ġej għal pajjiżna. 

“Tul il-pandemija kollha tkellimna kif ridna nieħdu ħsieb is-saħħa tan-nies, iżda wkoll il-kwalita’ ta’ ħajja Għax dejjem fhimna l-konsegwenzi mifruxa tal-pandemija. L-għajxien ta’ kulħadd, u huwa proprju dan li rridu nissalvagwardjaw f’dan il-mument. Is-sena li għaddiet bdejna t-triq tal-irkupru u din is-sena rridu nsostnuha.”

Il-Prim Ministru saħaq kif din kienet ir-riċetta ewlenija biex intlaħaq il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. 

“Aħna differenti minn min dak li jiġri barra kien jużah biss bħala skuża biex jgħakkes lill-poplu. Aħna dak nafu li jkollu impatt ukoll fuq pajjiżna għax Malta mhix f’bozza, imma naħdmu biex ; l-ewwel dak l-impatt ma nżiduhx b’piżijiet ġodda u għalhekk għamilna baġit wara ieħor bla taxxi u t-tieni biex fejn nistgħu u kemm nistgħu nwieżnu. U qed nagħmlu dan b’saħħa kbira.”

Robert Abela semma wkoll kif madwar l-Ewropa u madwar id-dinja komplew jisplodu lprezzijiet tal-enerġija u anke l-prezzijiet ta’ ċertu materja prima essenzjali. “Taqra’ f’pajjiżi żviluppati bħalna kif iż-żidiet fil-prezzijiet qed iżidu pressjonijiet kbar fuq il-familji u fuq l-anzjani. U huma dawn l-affarijiet li mas-saħħa jħassbuna u kontinwament irridu nindirizzaw.”

Il-PM sostna kemm l-għajnuna tal-Wage Supplement kienet game changer u kif ġiet estiża wkoll għal dan ix-xahar. “Il-Wage Supplement se jiġi estiż lil hinn minn Jannar f’ċertu setturi. U se nibqgħu għalhekk nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa b’għaqal u fil-mument opportun.”

Il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar xhur, dan il-Gvern ta’ f’għajnuna diretta lill-familji u negozji total ta’ erbgħa biljun ewro li permezz tagħhom ġew salvati madwar nofs l-impjiegi fis-settur privat. Il-budget għas-sena d-dieħla minnu nnifsu fih l-akbar investiment fis-saħħa u fl-edukazzjoni. L-akbar investiment fl-ambjent. L-akbar investiment fis-servizzi soċjali. 

“Kemm hu sabiħ li tippjana, tagħti kelma u żżomha. In-nies magħna jafu fejn qegħdin.”

Fl-istess żmien li madwar l-Ewropa qed jibdew jiżdiedu t-taxxi u l-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali, f’pajjiżna bħalissa għandna l-anqas piż tat-taxxi fl-istorja u għandna l-orħos prezz tal-elettriku u tad-diżil fiż-żona ewro. “Dan mhux kumbinazzjoni, iżda għax ħadna l-passi. Naqqasna t-taxxa fuq il-fjuwil ftit ġimgħat ilu biex f’dan il-mument ma nxekklux l-irkupru. Għax aħna dejjem man-nies.”

Fl-istess waqt, il-vaċċin u l-booster għenuna biex nadottaw strateġija fejn naħdmu biex inżidu l-immunità fil-komunità minflok ikollna nieħdu restrizzjonijiet drastiċi kif ħadu pajjiżi oħra.

“Il-vaċċin tana sajf u ħarifa viċin in-normalità. Jeħtieġ li jkollna l-kumplament tax-xitwa, iżda fuq kollox rebbiegħa jekk jista’ jkun aħjar minn dawk li diġa’ għexna fl-aħħar xhur. Hekk insostnu l-irkupru ekonomiku, hekk inkomplu l-ħajja soċjali tagħna. Hekk nieħdu ħsieb is-saħħa tal-Maltin.”

Kap tal-Oppożizzjoni li ma jistax jieħu passi kontra min poġġieh fil-kariga.

“Kap tal-Oppożizzjoni li jiddefendi l-evażjoni tat-taxxa. Għax qabel xejn m’għandux awtorita morali għax hu hekk dejjem għamel u t-tieni nett għax ma jistax jieħu passi kontra min poġġih fil-kariga. Iġifieri l-ewwel problema li għandu hi ta’ kredibbilta.”

Il-Prim Ministru spjega kif jekk kien hemm gvern li għamel rekord ta’ liġijiet li saħħew is-saltna tad-dritt kien dan il-Gvern. Rekord ta’ liġijiet. Rakomandazzjonijiet li kienu ilhom isiru snin inkluż minn deputati tal-Partit Nazzjonalista meta kienu fil-gvern għamilnihom realta’ dan il-Gvern u l-istess se jkompli jagħmel fiż-żmien li ġej inkluż b’rabta mal-inkjesta pubblika. 

“Sa minn meta kienet ippublikata l-inkjesta, ltqajt diversi drabi mal-familja Caruana Galizia. Kellna diskussjonijiet ta’ rispett. M’hemmx dubju li forsi ma taqbilx dejjem, imma għalhekk tikkonsulta biex tifhem qabel imbagħad tieħu d-deċiżjonijiet fl-interess tal-pajjiż. L-istess tkellimna mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u individwi fl-istess ħin li fassalna numru ta’ emendi leġiżlattivi li għaddejnihom waqt din il-konsultazzjoni biex ikollna rispons għalihom. Bla ħabi, bl-ikbar trasparenza.”

Robert Abela qal ukoll kif m’hemmx dubju li dan se jkun il-gvern li se jkompli jsaħħaħ il-governanza f’pajjiżna. Sar ħafna. Għamilna rekord ta’ riformi. Iżda, se nagħmlu iktar. 

Irridu soċjeta’ mibnija fuq l-imħabba.

“Fil-messaġġ tal-bidu tas-sena għidt li la f’qalbna, la f’dak li niktbu u wisq inqas fl-azzjonijiet tagħna m’għandu jkun hemm post għal mibgħeda. U kien ta’ dispjaċir għalija nara li fl-aħħar jiem kellna iktar minn każ wieħed li xehdu l-kontra.”

Bħala leġiżlaturi fl-aħħar snin, Robert Abela spjega kif  saru bidliet importanti. Jekk insemmu l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u r-ratifika tal-konvenzjoni ta’ Istanbul u għadd ta’ inizjattivi oħra. Jekk insemmu d-drittijiet ta’ persuni lgbtiq+ għamilna inizjattiva wara oħra u liġi wara oħra. U lkoll tejbu l-ħajja tan-nies. Peró dawn qatt ma jkunu biżejjed jekk mhux akkumpanjati minn bidla fil-kultura. 

“Jien nemmen li r-rabja li tinbet għal ċertu aġir hija proprju riflessjoni tal-fatt li dak l-aġir ma jissimbolizzax x’soċjetà aħna. Itappan għal mument dak li nemmnu fih, imma għandu jservi biex lkoll niftakru x’responsabbiltà għandna. Irridu nuru b’mod attiv li nemmnu u se naħdmu għal iktar rispett, għal soċjetà fejn kulħadd iħossu sigur. Mil-lingwaġġ għall-attitudni, ħadd la minħabba l-ġeneru xi orjentazzjoni sesswali, jew minħabba xi razza m’għandu jħossu inqas sigur. U jien l-ewwel wieħed irrid nitkellem iktar fuq hekk… Aħna rridu soċjeta’ mibnija fuq l-imħabba.” 

Sentejn ta’ privileġġ 

“Il-privileġġ li kull ġurnata tax-xogħol nidħol għaliha biex inkun ta’ servizz għal pajjiżi li tant inħobb u għaċ-ċittadini li l-esperjenzi tagħhom huma l-enerġija tiegħi, b’mod partikolari fl-iktar mumenti diffiċli.” 

Hekk spjega dawn is-sentejn Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta. 

“Għaż-żmien li ġej hemm ħafna iktar riżultati sbieħ x’niksbu basta naħdmu f’għaqda flimkien. Inħares ‘il quddiem biex issa din il-ġimgħa nissoktaw bil-ħidma parlamentari, ninawguraw proġetti li lestejna u nniedu oħrajn ġodda għaliex għad hemm ħafna potenzjal x’nilħqu flimkien.” 

Il-K.E. b’opinjoni pożittiva dwar il-budget għas-sena d-dieħla

F’intervista fuq ONE, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif il-Kummissjoni Ewropea tat opinjoni pożittiva dwar il-budget li l-gvern ressaq għas-sena d-dieħla. Dan wara li bħal kull sena l-baġit ikun tressaq għall-evalwazzjoni tal-esperti tal-Kummissjoni Ewropea. 

“F’rakkomandazzjoni esperta tagħha waslet għal tliet konklużjonijiet. L-ewwel waħda li Kummissjoni Ewropea uriet li taqbel mat-tbassir tal-Gvern fejn jidħol tkabbir ekonomiku. Dak huwa punt importanti ħafna.  Uriet ukoll li taqbel mal-miri fiskali kif imħabbra fil-baġit u ndikat ukoll li l-esperti tagħha huma tal-opinjoni li dak imħabbar fil-baġit jista’ jintlaħaq. Dawn huma aħbarijiet li jimlewk b’sens ta’ sodisfazzjon kbir u jinċentivawk fik iktar rieda biex tkompli għaddej bil-ħidma tiegħek,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela.  

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif is-suq tax-xogħol huwa l-aqwa kejl dwar kemm pajjiżna qed jipprovdi l-opportunitajiet u r-riżultati qed juru li dan l-għan qed jintlaħaq.  

“Illum għandna sa din il-ġimgħa, il-persuni li jinsabu fuq ir-reġistru tal-qgħad huma 1,254. Qed nitkellmu kważi full employment, minkejja li kellna tbassir ta’ iktar minn 50,000 persuna bla xogħol. Taf kemm kienu l-persuni qiegħda fi żmien gvern nazzjonalista fil-gvern? Aktar minn sitt darbiet din iċ-ċifra.” qal il-Prim Ministru li fakkar li dak iż-żmien ma kienx hawn pandemija. Hawn emfasizza l-bżonn tal-edukazzjoni u x-xogħol biex il-familji jimxu ‘l quddiem. 

“Nemmnu fl-importanza tal-edukazzjoni. Nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jimxi ‘l quddiem… Imbagħad tara l-importanza li qed nagħtu fit-tieni aspett tad-dinja tax-xogħol,” żied il-Prim Ministru li għamel referenza għal setturi differenti fosthom dak tal-manifattura, it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji. “Settur li tant kien kruċjali għal ekonomija tagħna f’dawn l-aħħar snin. Illum qed nerġa’ nibgħat dan il-messaġġ b’saħħtu li aħna nqisuh bħala importanti ferm għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Mhux biss se nippreservaw dak li għandna sal-lum, imma se nibqgħu niddefenduh dan is-settur biex inkomplu inkabbruh,” qal il-Prim Ministru li spjega kif hemm konverġenza bejn dak li jemmen li għandu jkun il-futur il-gvern u nies fis-settur innifsu. 

Appell għall-booster 

Il-Prim Ministru ssokta bl-appell tiegħu biex kull min jirċievi l-appuntament tal-booster jikkonkorri għalih biex hekk nibqgħu niġġieldu l-pandemija. 

Il-Prim Ministru spjega kif f’dawn l-aħħar xhur rnexxilena ngħixu qrib in-normalità għax kellna suċċess fil-mod kif irnexxilna namministraw il-vaċċin. Spjega kif pajjiżi li waqgħu lura fir-rata ta’ vaċċinazzjoni hemm sitwazzjoni fejn l-uniku ħaġa li jistgħu jagħmlu l-gvernijiet hija li jżidu r-restrizzjonijiet. “Ir-rata ta’ 93% u iżjed fl-għoti tal-ewwel doża jew żewġ dożi tal-vaċċin fissret li kellna rata ta’ stabbli kemm ta’ nies li daħlu l-isptar u dawk il-persuni li jirċievu kura l-ITU baqa’ taħt kontroll,” qal il-Prim Ministru li fisser kif bis-saħħa tal-vaċċin kien hemm mijiet ta’ ħajjiet li kienu salvati. “Inkunu wasalna jekk in-nies jibqgħu jikkonkorru għal booster dose,” żied il-Prim Ministru li qal li jkun żball jekk min jirċivi l-appuntament ma jmurx. Filwaqt li mat-teħid tal-vaċċin iridu jibqgħu jkunu osservati r-restrizzjonijiet li hemm fis-seħħ.  “Jekk naħdmu b’dan l-element ta’ responsabbiltà nistgħu nibqgħu nippriservaw dak li għandna. Imbagħad tara wkoll id-deċiżjonijiet li bħala gvern noħduhom b’mod tempestiv. Kellna id-deċiżjoni importanti ħafna li malli feġġet il-biża’ ta’ varjant ġdid tkellimt mad-Deputat Prim Ministru u ħadna deċiżjoni mill-ewwel,” qal il-Prim Ministru b’referenza għat-twaqqif ta’ vjaġġar minn diversi pajjiżi fl-Afrika. 

Riformi li juru d-differenza mill-Oppożizzjoni 

Fl-intervista l-Prim Ministru kien mistoqsi dwar dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-użu responsabbli tal-Kannabis u hawn spjega fid-dettall il-prinċipji ta’ din il-liġi filwaqt li rrimarka l-inkonsistenza tal-oppożizzjoni. Referenza wkoll lejn il-prijorita ambjentali li għandu l-gvern bi proġetti u inizjattivi ġodda. 

“Qed nuru b’mod ċar li meta nitkellmu fuq tema ambjentali mhux qed nitkellmu biss imma l-kliem qed insostnuh bil-fatti u dik nemmen li hija d-differenza ewlenija li hemm bejn il-gvern u l-oppożizzjoni. L-oppożizzjoni meta kienet fil-gvern ħadet l-agħar deċiżjonijiet ambjentali, aħna gvern li filwaqt li nirrikonoxxu li kien hemm fejn stajna konn aħjar f’dan is-settur illum qed nagħtu prijorita massima,” kompla l-Prim Ministru li tkellem dwar il-bżonn ta’ spazji miftuħa u l-ftuħ tal-ewwel parti tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-Prim Ministru spjega wkoll l-inizjattivi biex tinċentiva n-nies jixtri u jirrestawraw postijiet fil-qalba tal-irħula. “L-approach jibqa’ wieħed konsistenti. Aħna dak il-gvern li jemme li n-nies trid tinċentivahom lejn l-għażliet li trid tieħu lill-pajjiż. Ta’ qabilna kienu jikkastigaw,” qal il-Prim Ministru. 

Mistoqsi dwar għaliex in-nies għandhom jgħinu lill-Partit Laburista fil-maratona ġbir ta’ fondi tal-Ħadd li ġej, il-Prim Ministru tenna li l-Partit Laburista huwa l-partit li baqa jemmen fin-nies u jinvesti. “Nemmen li n-nies għandhom jibqgħu jgħinu lill-Partit Laburista biex inkunu nistgħu nibqgħu naħdmu f’din il-ħidma ta’ iktar investiment fin-nies. M’hemmx dubju li l-Partit Laburista huwa dak il-partit li dejjem ġab l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox,” sostna l-Prim Ministru li temm jemfasizza d-differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna. “Irridu naħdmu differenti biex in-nies ikunu ġustifikati fl-għażla tagħhom li jafdaw lilna,” qal il-Prim Ministru.

Inġeddu Malta Flimkien biex noffru kwalità ta’ ħajja aħjar

F’diskors fi tmiem il-konferenza bit-tema Inġeddu Malta Flimkien, il-Prim Ministru Robert Abela spjega fid-dettall il-mod kif il-Partit Laburista jrid jibqa’ jaħdem biex iġedded lil pajjiżna. 

Tiġdid li jrid ikun il-garanzija li biex iċ-ċittadini Għawdxin u Maltin jesperjenzaw kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Dan għandu jkun rifless fil-budget li l-gvern se jippreżenta f’Ottubru. 

“Se noffru kwalità ta’ ħajja aħjar, b’budget ieħor bla taxxi, budget ieħor li se jwieżen lil min waqa’ lura, budget ieħor li se joffri tama ġdida liż-żgħażagħ, budget ieħor li jżid il-pensjonijiet. Li se jagħti inċentivi għall-investiment, iktar xogħol ta’ kwalità lill-Maltin u l-Għawdxin u li jħalli aktar flus fil-but tan-nies. Imma fuq kollox, li nsaħħu l-ambjent naturali u anke l-ambjent ta’ fejn ngħixu,” qal il-Prim Ministru. 

Budget li dwaru l-Prim Ministru tenna li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu l-kredenzjali li jwettaq. Budget li se jkompli jinvesti fil-familji Maltin u Għawdxin. 

“Bħalma għamilna qabża fl-ekonomija, bħalma għamilna qabża fis-servizz tas-saħħa, bħal ma għamilna qabża fl-infrastruttura ta’ Malta, l-qabża li jmiss se tkun li nagħmlu Malta isbaħ u iktar nadifa, għalina u għal uliedna,” kompla jsostni l-Prim Ministru. 

Tkellem dwar il-ħtieġa li tkompli l-bidla, li ssir il-konsultazzjoni u li fuq kollox jittieħdu d-deċiżjonijiet. 

“Minn fejn stajna nqasna li nikkonsultaw biżżejjed, irridu nieħdu t-tagħlimiet. Li hu żgur li daqskemm hu importanti li nikkonsultaw, daqstant ieħor li niddeċiedu,” qal il-Prim Ministru. 

Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar temi li jeħtieġ li jkollna diskussjoni dwarhom bħala poplu wieħed. Fosthom dwar it-trasport tal-massa. “Lesti nibdlu l-mod kif ngħixu? Li nużaw it-trasport tal-massa flok il-karozza privata tagħna? Lesti nagħmlu sagrifiċċji ħabba inkonvenjent waqt li qed tinbena l-metro? Lesti iżda, fuq kollox, li nimmodernizzaw pajjiżna?”

Il-Prim Ministru Abela żied ukoll li l-aktar mistoqsija importanti li jeħtieġ li titwieġeb permezz ta’ djalogu maċ-ċittadini, hi xi prezz se jħallsu ulied uliedna jekk niddeċiedu li nibqgħu kif aħna. 

Fuq it-tema tal-ambjent, Dr Abela spjega l-prijorità li qed jingħata b’referenza għan-negozji f’pajjiżna.

“Bl-istess mod il-kumpaniji l-kbar qed inħeġġuhom jagħmlu investiment akbar biex juzaw makkinarju aktar effiċjenti. Bħala Gvern għandna l-inċentivi. L-industrija hija magħna fil-qalba għal pajjiż aktar nadif, aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. U wieħed li jkun ferm aktar attraenti għal investiment gdid.” 

Pajjiżna jeħtieġ li jkompli jiġġedded ukoll fejn jidħlu riformi anke jekk diġa’ saru ħafna riformi. 

“Irridu naraw ukoll li tibda’ diskussjoni sħiħa dwar riforma elettorali serja, biex l-għażla tan-nies tirrifletti aħjar is-soċjetà li qed ngħixu fiha. Forsi tgħiduli, imma ahna mhux tajjeb qegħdin fil-voti? La qegħdin sew, għalfejn nibdew din id-diskussjoni? U nweġibkom li dan mhux il-moviment li jikkuntenta ruħu li jirbaħ lill-Partit l-ieħor. Dan huwa moviment li jikkuntenta ruħu meta jwettaq bidliet maturi li jħallu impatt pożittiv  fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista kien ċar, li minkejja dak kollu li twettaq hemm iktar x’nagħmlu biex inkomplu nġeddu lil Malta. Tiġdid li l-Partit Laburista, se jwettqu bil-qalb soċjali li tħaddem il-Partit. 

“Malta u Għawdex tagħna. Maltin u Għawdxin li jinħabbu. Pajjiż ġust – f’kollox. Fil-ġustizzja. Fl-ekonomija. Fl-ambjent. Fil-ġustizzja soċjali.  Din hija Malta tal-futur. Aħna l-futur. Inġeddu, għax ma nafux nieqfu nimxu ‘il quddiem. Malta, għax din l-art inħobbuha. Flimkien, għax mingħajrkom m’aħna xejn. Għalhekk l-istedina biex tingħaqdu miegħi, tingħaqdu magħna. Tkunu intom l-istilel ta’ Tim Malta biex Inġeddu Malta Flimkien.”

Se nagħtu lil Għawdex rekord ta’ fondi Ewropej

  • Il-Mexxej Laburista Robert Abela jitkellem fuq proġetti ambizzjużi għall-ġżira Għawdxija

Matul konferenza f’Għajnsielem bit-tema ‘Inġeddu Għawdex u l-ambjent li ngħixu fih’, il-Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-gżira Għawdxija se tibbenefika minn nefqa rekord ta’ 162 miljun ewro f’fondi ewropej li permezz tagħhom se jsiru proġetti urbani sostenibbli li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin. Dan għal perjodu ta’ fondi ewropej għall-perjodu 2021-2027. Dan hu ferm iktar mill-fondi allokati għall-perjodu 2014-2020. 

Il-proġetti li se jsiru b’dawn il-fondi iridu jkomplu jikkumplimentaw dak li diġà qed isir fil-gżira Għawdxija. 

Fost oħrajn il-Prim Ministru semma t-tlestija tar-riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Qortin li dalwaqt jasal lejn tmiemu u għalhekk se jkun pazju ieħor li se jkun jista’ jitgawda mill-familji fi ftit tal-ġimgħat oħra. Simili għal dak li sar b’Wied Fulija f’Malta. 

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-konnettività bl-ajru u bil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer u kif il-fast ferry u l-introduzzjoni tar-raba’ vapur tejbet it-traġitt bejn Malta u Għawdex. Iżda mhux se nieqfu hawn, saħaq il-Mexxej Laburista Robert Abela, hekk kif qal li beda jiġi esplorat biex ir-raba’ vapur ikun aqwa u jkun l-ewwel vapur fil-flotta tal-Gozo Channel li jkun aktar ambjentali u b’emissjonijiet iktar baxxi. 

Dwar il-konnettività bl-ajru, il-Mexxej Laburista tenna l-impenn tiegħu li l-air link bejn iż-żewġ gżejjer issir. “Se ssir b’mod sostenibbli billi ma tittieħed ebda art agrikola. Kif wettaqna s-servizz tal-fast ferry nwettqu s-servizz tal-air link,” qal il-Prim Ministru. Qal li Għawdex għandu jaħres lejn dan il-proġett mhux biss biex Għawdex jibbenefika permezz ta’ aċċessibilità aħjar imma wkoll permezz ta’ ħolqien ta’ niċeċ ġodda u attivitajiet ekonomiċi ġodda bħalma huma l-possibilità ta’ skola ta’ taħriġ tal-ajru, riċerka fuq drones u oħrajn. 

Dan kollu jagħmel parti mill-politika tal-Partit Laburista għal Għawdex, qal il-Mexxej Laburista, ibbażata fuq tliet pilastri ewlenin, il-qalba diġitali, l-investiment għal gżira ħielsa mill-karbonju u l-kwalità tal-ħajja. Hekk biss nistgħu nġeddu lil Għawdex u l-ambjent li ngħixu fih, temm jgħid il-Mexxej Laburista.

L-intervent tal-Prim Ministru segwa numru ta’ interventi oħra li kienu ġejjin minn fost imsieħba soċjali, għaqdiet mhux governattivi, akkademiċi u membri ta’ kunsilli lokali.

“L-għaqal li wrejna fl-aħħar snin kien il-bażi biex fi kriżi dinjija ngħinu n-nies.” – il-PM

“Fl-aħħar jiem iktar minn 6000 negozju rċieva assistenza fuq il-kera ta’ 1.6 miljun ewro. Sal-aħħar ta’ Settembru se nkunu qiegħdin inħallsu l-assistenza fuq nofs il-kontijiet tad-dawl tan-negozji fix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu – fl-eqqel tal-irkupru ekonomiku.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio filwaqt li semma kif din il-ġimgħa kienet ġimgħa oħra fejn baqa’ jitwettaq programm qawwi ta’ rkupru permezz ta’ inċentivi għan-negozji li qed isarrfu biex nipproteġu l-impjiegi.

“Fl-istess ħin qed inkomplu nħeġġu l-investiment b’mod qawwi. Malta Enterprise nediet skema li tgħin lin-negozji b’self li jitla’ miljun miljun ewro fuq investiment ġodda – kemm f’tagħmir u biex in-negozji jifirxu fi swieq ġodda kemm f’Malta imma wkoll barra, kif ukoll biex jinvestu f’teknoloġija iktar ġdida favur diġitalizzazzjoni tan-negozji u f’apparat u makkinarju li jkun iktar sostenibbli fl-enerġija u l-ambjent.  U dawn it-tip ta’ inċentivi se jibqgħu…Għalhekk għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif dan wassal biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv għaliex il-Gvern appoġġja l-investiment f’pajjiżna. “Għax aħna dak li nagħtu lin-nies nagħtuhbis-serjetà, mhux b’nofs qalb. Dak li nagħtu lin-nies huwa tagħhom biex igawduh huma u -familji tagħhom.”

Robert Abela semma wkoll l-injezzjoni ekonomika permezz tal-vouchers. “Sal-ġimgħa l-oħra kienu ntefqu €33 miljun minn dawn il-vouchers. €2.4 miljun f’Għawdex. Kellna injezzjoni fl-ekonomija ta’ €2.6 miljun fil-ġimgħa.  Meta n-nies jużaw dawn il-vouchers l-effett tagħhom ikunu saħansitra qed ikabbruh.”

Dawn huma t-tip ta’ inizjattivi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejħilhom ħela ta’ flus jew tberbiq.

“U kliemhom jixhed li dan hu dak li jemmnu. Meta xhur ilu qalilna li dak li qed nagħmlu fil-pandemija kien tberbiq għidt forsi għadu ma fehem xejn. Li diġa’ hi problema għal xi ħadd li jrid imexxi l-pajjiż. Imma l-aħħar ġimgħat u anke l-Ġimgħa meta qal li dan gvern ħali għax ħadem b’dan il-mod allura wrew li dawn għadhom jemmnu fl-awsterità. Onestament, l-kredibilita tal-Oppożizzjoni fil-kamp ekonomiku naħseb ilha li ntilfet. Imkien aktar ma tispikka l-fisazzjoni tagħhom fuq in-negativiżmu.” 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll kif ġimgħa wara ġimgħa, l-Oppożizzjoni b’mod kostanti jippruvaw irewwħu d-dwejjaq anke fuq is-settur finanzjarju. 

“Tafu kemm żdied il-valur miżjud fis-servizzi finanzjarji? B’€35 miljun, filwaqt li kull jum bħala medja żdied impjieg full-time. 

Għax tal-PN jieħdu pjaċir jitkellmu fuq jekk xi ħadd jgħalaq. Imma mhux fuq il-ħafna iktar li jiftħu u jikbru. Filwaqt li huma għaddejjin b’mod kostanti jippruvaw irewwħu d-dwejjaq, il-bqija tal-poplu u l-komunitá kummerċjali għaddejjin jaħdmu bla nifs biex nibnu prosperita ġdida. Din ġimgħa stess sirna nafu li matul is-sena tal-pandemija kellna żieda ta’ disat elef bis-settur privat jkun il-mutur biex inħolqu dawn l-opportunitajiet.”

Robert Abela spjega kif iż-żieda fl-impjiegi ma kinitx l-unika aħbar tajba. 

Din il-ġimgħa sirna nafu li n-numru ta’ passiġieri li f’Awwissu użaw l-ajruport qabeż l- 400,000, 65% aktar minn sena ilu. Sirna nafu li f’Awwissu nxtrat propjeta residenzjali tiswa €240 miljun, €65 miljun aktar minn sena ilu. Sirna nafu li f’Lulju l-produzzjoni tal-manifattura kienet 8% aktar minn sena ilu. Dawn huma n-numri li jimlewna bil-kunfidenza. Qalulna li ma tlaqnix niġru! Imma n-nies jafu li Malta qabdet it-triq tal-irkupru b’saħħa u l-uniku persuna li qalulu li ‘hes running on the spot’ huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni. Għalkemm mid-dehra issa anke b’lura qed jiġri…Imma ‘l hinn min-numri, il-kunfidenza ta’ dan il-poplu u r-rieda li dejjem itejjeb lil pajjiżu hija dik li tagħtini s-saħħa lili u lill-moviment tagħna kollu kemm hu. Saħħa u rieda li nġeddu aktar lil pajjiżna.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif din il-ġimgħa stess mal-Prim Ministru Libjan tkellem dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol u investiment dirett barrani. 

“Sar progress ukoll fuq il-ħidma li kienet qed issir bejn iż-żewġ pajjiżi fejn tidħol il-konnettitività bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan huwa l-ewwel pass biex ir-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi żżid il-momentum.  Aktar kmieni din is-sena rajna ajruplani tal-Air Malta jerġgħu jinżlu fi Tripli wara waqfa ta’ numru ta’ snin mhux ħażin. Matul iż-żjara tal-Ġimgħa għamilna pass ieħor għaliex gie ffirmat ftehim bejn l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili bejn iż-żewġ pajjiżi biex ikunu jistgħu jibdew it-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi. Bhala Prim Ministru jien inħares ‘il quddiem biex Malta tkun wieħed minn tal-ewwel pajjiżi, jekk mhux l-ewwel, li ser tkun qed terġa’ tiftaħ bieb għal negozjanti, studenti u familji Libjani sabiex jagħmlu investiment f’Malta u fl-Unjoni Ewropea.”

Inġeddu Malta Flimkien

“Il-politika hi għodda biex inwettqu l-ġid…Tmiem il-ġimgħa li ġej se jkun weekend ta’ attiviżmu politiku li jixhed is-sabiħ tal-Partit Laburista. Is-sabiħ li tkun attiv f’partit politiku.”

Il-Prim Ministru sostna kif is-sabiħ tal-politika hu li ġġib bidliet pożittivi.  “U allura nieħdu gost naraw lil nies mid-diversi setturi tas-soċjetà jingħaqdu magħna għad-diversi inizjattivi li għandna u temi li se nitrattaw.  Mill-ambjent, għas-saħħa, għal kultura u s-saħħa.  L-ideat il-kbar li bidlu lill-pajjiżna fl-aħħar snin nibtu mill-Partit Laburista. Iċ-child care b’xejn, ir-riformi biex għamilna suq tax-xogħol li jaħdem u joħloq l-opportunitajiet, il-bidliet biex għamilna rivoluzzjoni fid-drittijiet ċivili lkoll nibtu mill-attiviżmu politiku. Dak hu s-sabiħ li tkun involut fil-partiti. Dak hu s-sabiħ tal-politika. Li toħlom, tipproponi u tista’ tbiddel.”

“U jaqa’ kemm jaqa’ fil-baxx l-avversarju politiku tagħna, filwaqt li lilna jsibna sodi nifqulu, l-emfasi tagħna tibqa’ fuq kif se mmexxu lil dan il-pajjiż ‘il quddiem. 

Għalhekk l-istedina għall-Ta’ Qali fi tmiem il-ġimgħa li ġej.  Fejn irridu naraw xi ksibna, imma rridu naraw iktar x’irridu niksbu għal uliedna. 

Dan billi nkunu awtokritiċi, iżda fuq kollox billi nkunu forward looking. 

L-istedina hi għall-konferenza. L-istedina hi biex inġeddu Malta Flimkien.”