“Aħna noffru d-direzzjoni u t-tmexxija. Imma flimkien biss nistgħu nieħdu l-pajjiż ‘il quddiem.” – il-PM

“Il-pjan tagħna jdur ma’ din il-ħtieġa li ntejbu l-ħajja taċ-ċittadini tagħna.  Fuq kollox, l-attiviżmu politiku tagħna lkoll idur ma’ din ir-rieda li nindirizzaw ir-realtajiet ta’ madwarna. Kemm hu sabiħ li bl-attiviżmu ta tant nies li jikkontribwixxu fil-ħajja politika u soċjali, tiltaqa’ ma’ nies li jgħidulek grazzi għal dik id-deċiżjoni stajt ninvesti, jew grazzi għal dik id-deċiżjoni binti b’diżabbiltà għandha dinjità ikbar, jew ftaħtuli opportunità billi ġibtu dak l-investiment.” 

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt diskussjoni politika fil-Belt Valletta fejn enfasizza kif quddiem l-isfidi li jeżistu u li jistgħu jiżviluppaw minn żmien għal żmien, il-pensjonanti u l-familji se jibqgħu jsibu Gvern spalla ma’ spalla magħhom. 

“Ir-ruħ soċjali u t-twemmin Laburista tagħna jfisser li fl-iktar mumenti ta’ prova nkunu magħkom, il-familji u l-pensjonanti. U għalhekk din is-sena reġgħet bdiet billi intom il-pensjonanti qed tirċievu pensjoni b’żieda. Madwar 95,000 pensjonant bdew igawdu minn rati mtejba fil-pensjonijiet tagħhom, hekk kif matul fl-aħħar jiem ntbagħtu l-pagamenti bir-rati l-ġodda. Żieda fil-pensjoni tal-irtirat. Titjib fil-pensjoni tar-romol. Titjib f’pensjonijiet oħra.” 

Il-Prim Ministru sostna wkoll li bħalma żdiedu l-pensjonijiet, żdiedet ukoll ic-children’s allowance. Minkejja dan, huwa sostna li dan il-Gvern jibqa’ jirrikonoxxi l-fatt li minkejja l-Gvern qed jagħti l-għajnuna, ikun hawn min xorta qed jgħolli l-prezz. 

“Filwaqt li kull żieda tinħass u aħna konxji u nindirizzawha, huwa għax aġixxejna li żammejna fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Mhux ta’ b’xejn l-ewrobarometru ta’ din il-ġimgħa immarka kif il-Maltin l-iktar sodisfatti bl-azzjonijiet tal-gvern… Ftit tal-jiem ilu, iktar minn 40,000 persuna li kienu l-iktar fil-bżonn gawdew minn dan il-mekkaniżmu targeted. Għax hekk tiġġieled il-faqar, hekk tgħin lill-familji.” 

Robert Abela saħaq ukoll li l-investiment jibqa’ pilastru ewlieni f’pajjiżna. 

“Għawdex kien, għadu u se  jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern. Għalina Għawdex huwa mutur ekonomiku u għalhekk qatt ma qgħadna lura milli ninvestu kemm nistgħu f’dawk li huma l-ħtiġijiet tal-Għawdxin. Minn konettività aħjar, għal investiment miljunarju f’oqsma oħra, mill-produzzjoni tal-ilma, sal-edukazzjoni u l-ambjent.” 

Dwar l-emenda mressqa fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li biha, jekk hemm mara f’periklu li titlef ħajjitha u l-professjonist mediku jaġixxi, ikun hemm is-serħan legali. Emenda li nibtet minn parir tal-Avukat tal-Istat wara li dan tal-aħħar qal li jekk wieħed ikun qed jaġixxi f’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun qed jikser il-liġi. 

“La taf li hemm il-periklu, ntuk il-protezzjoni biex ma nħalluhiex tasal f’xifer il-mewt biex naġixxu… U dik li qed tagħti din il-liġi. Ħajja jew mewt jew periklu gravi, u l-kelma gravi mhix kumbinazzjoni, periklu gravi għas-saħħa għax huma l-iktar każi iebsin li rridu nindirizzaw… U allura r-riforma se ssir. Iżda, issir bil-għaqal. B’mod li tilħaq l-għanijiet li tkellimna fuqhom u nissalvagwardjaw il-prinċipji, iżda bis-serħan il-moħħ li l-emenda titħaddem biss biex tilħaq dawk il-prinċipji.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-iskema fejn kull first-time buyer li ħa house loan mis-sena li għaddiet, se jibda jingħata għotja ta’ €10,000. 

“Din il-miżura kienet waħda mill-inizjattivi li ħabbarna għal budget ta’ din is-sena u kif wegħdna fil-kampanja elettorali tapplika għal dawk il-first-time buyers li xtraw proprjeta mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li għaddiet.  Miżura ewlenija tal-elezzjoni ġenerali li mplimentajniha sa mill-ewwel budget. Għax hija fost il-prijoritajiet tagħna. Hija inizjattiva li nibtet mill-ħsieb li fl-ewwel snin ta’ meta bniedem ifittex l-ewwel dar tiegħu u jieħu self, u allura jkun qed isib saqajh, ikollna din l-għotja ta’ elf ewro fis-sena għal għaxar snin biex tgħinu fil-bżonnijiet tiegħu.” 

Robert Abela qal ukoll kif din il-miżura ingħaqdet ma’ ħafna oħrajn li diġa’ jeżistu u jeżistu biss għax daħħalnihom fl-aħħar snin. 

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar – 

“Nassigurakom li se tibqgħu ssibu bibien miftuħa, għaliex aħna konxji ta’ kemm in-negozju rridu nħalluh jaħdem. Għaliex in-negozju jiġġenera l-ġid, li minnu mbagħad inkunu nistgħu ninvestu fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fiċ-child care b’xejn, fit-trasport b’xejn… f’kelma waħda fil-familji tagħna.

Familji li tant għandna fiduċja fihom. 

Bħalma għandna fiduċja fin-negozji, 

Fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna 

Fuq kollox fiduċja f’pajjiżna”

€502,236 f’donazzjonijiet għall-Partit Laburista 

Il-Partit Laburista ġabar is-somma sabiħa ta’ €502,236 f’donazzjonijiet waqt Maratona Ġbir ta’ Fondi mtella’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela flimkien mal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista rringrazzjaw lil dawk kollha li kkontribwixxew f’din il-Maratona li rriżultat għal ċifra li se tkompli ssaħħaħ lill-Partit Laburista biex jibni Għawdex u Malta fejn kulħadd jista’ jaspira u jikseb dak li jaspira. Fiduċja f’pajjiżna.

“Quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa.” – il-PM

“Meta twettaq ir-riformi dejjem se ssib sfidi kbar. Imma quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa. Is-sewwa għax kull persuna għandha valur. Is-sewwa għax għandna fiduċja f’pajjiżna.” 

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’attività politika fil-Fgura fejn saħaq kif il-poplu Għawdxi u Malti kien kuraġġuż f’ħafna mir-riformi importanti li ġibna ‘l quddiem f’dan il-pajjiż. 

Huwa staqsa wkoll numru ta’ domandi dwar kif kull darba li Gvern Laburista ġab ‘il quddiem riformi maħsuba biex ineħħu l-istatus quo biex il-pajjiż jieħu ħsieb aħjar lil niesu, ħaddieħor iddemonizzahom. 

“Għiduli intom, jekk storikament tiftakrux imqar bidla soċjali waħda li ressaq ‘il quddiem il-moviment tagħna u li ma kinetx milqugħa b’kampanji ta’ biża’? Staqsu lilkom infuskom, tiftakrux bidla soċjali waħda li ma ġabitx flimkien il-forzi konservattivi u tal-Partit Nazzjonalista f’vuċi waħda jopponu dak li dejjem emmina li huwa sewwa?” 

Il-Prim Ministru semma numru ta’ riformi fejn l-istess nies opponew bl-istess sentiment. 

“Tiftakru kemm opponnew id-dritt li koppja, tkun ta’ liem orjentazzjoni tkun, tgħix l-imħabba tagħha fil-miftuħ billi tiżżewweġ? Għal darb’oħra qalulna li se nkissru l-familja. Li mhux se nħarbtu s-soċjeta’. Illum qed ngħixu f’pajjiż isbaħ fejn kulħadd għandu dritt jiċċelebra l-imħabba tiegħu… Imbagħad qalulna li se tispiċċa l-mothers day. Meta fehmna u tkellimna dwar kif ridna iktar familji li jinħabbu jkollhom iċ-ċans li jrabbu u jħobbu l-ulied, hi x’inhi  l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Illum nafu li riżultat ta’ hekk għandna iktar tfal kuntenti u li sabu familja. Ilkoll rajnihom dawn l-esperjenzi sbieħ… Saħansitra qalulna li se noqtlu t-trabi meta ħdimna biex inwellduhom. Meta daħħalna riforma daqstant importanti sabiex nibdew nagħlu l-IVF fl-isptarijiet tagħna.”

Robert Abela semma wkoll kif jifhem lil dawk li huma ġenwini fit-tħassib tagħhom. 

“Li qed ngħidu aħna huwa sempliċi – jekk omm, bintek, oħtok jew ħbieb tagħna ommijiet qegħdin f’periklu gravi waqt it-tqala, issalvalhom ħajjithom.  Mhux kapriċċ.  Mhux li xi ħadd jiddeċiedi waħdu li jittermina tqala. Li mara, omm prospettiva, ikollha tabib illi flimkien mal-familja jiddeċiedi favur omm li għandha saħħitha u ħajjitha f’periklu gravi.  Illum l-omm jew il-professjonist, jekk jieħdu deċiżjoni favur l-omm jistgħu jispiċċaw il-ħabs.” 

Il-Prim Ministru kien ċar ukoll dwar il-fatt li b’din l-emenda li qed titressaq, l-abort se jibqa’ projbit. “Mhux se nneħħu l-ebda klawsola li se twassal biex f’Malta, l-abort ikun dekriminalizzat. Jekk xi ħadd jgħidilkom mod ieħor, ma jkunx qed jgħid is-sewwa.” 

Din il-bidla hija nstigata mill-istess kuraġġ li wrejna dejjem bħala moviment li kull meta konna nafu li qegħdin fis-sewwa aġixxejna biex poġġejna l-bniedem fiċ-ċentu tal-ħidma tagħna. 

“Qed niddiskutu emenda waħda u waħda biss fil-Liġijiet ta’ Malta. Emenda għall-Kodiċi Kriminali, li żżomm l-abort kif inhu llum… illegali u li biha l-abort jibqa’ reat. Fl-istess ħin b’din l-emenda se nħarsu l-professjonisti li jaġixxu f’mument fejn saħħet l-omm jew ħajjitha tkun f’periklu gravi.

Minfejn nibet il-bżonn? 

“Il-każ li kellna dan is-sajf, tas-Sinjura Andre Prudente, kien dak li xegħel bozza. Kelli ċ-ċans nispjega għal iktar minn darba li f’dan il-każ, minn dak li aħna nfurmati, l-omm f’dak il-mument partikolari ma kinetx f’periklu għal ħajjitha, daqskemm ma dehritx li kienet vijabbli t-tqala.  

U allura iktar minn kollox dan kien il-każ li wassal biex insaqsu d-domandi, ta’ x’verament jiġri f’sitwazzjonijiet hekk.  Imma filwaqt li ħallejna f’idejn il-professjonisti mediċi, tlabna l-pariri kollha, inkluż legali. 

Fost oħrajn tlabna parir mingħand l-Avukat tal-Istat. 

U l-parir li tana kien ċar kristall. L-avukat tal-istat qal li l-prassi prevalenti li dejjem kellna fl-isptar Mater Dei ma kinetx imħarsa mil-liġi. 

Qalilna li f’ċirkostanzi bħal dawn għalkemm ma kellu ebda dubju mill-ġenwinità tat-tobba li jkollhom jieħdu dawn id-deċiżjonijiet u jagħmlu dawn l-interventi, hemm ċar ksur tal-Liġi tal-Abort ta’ pajjiżna.   

U qal iktar minn hekk. It-tieni parti tal-parir tiegħu kienet tgħid li jekk ikun hemm dan it-tip ta’ intervent biex tiġi salvata ħajjet l-omm u tintilef it-tarbija trid tinkiseb l-immunità mingħand l-Avukat Ġenerali. Mela bħala gvern għamilna mistoqsija ċara u kellna tweġiba ċara.”

Il-Prim Ministru kellu wkoll messaġġ ċar għal Kap tal-Oppożizzjoni wara d-diskors Parlamentari ta’ ftit jiem ilu. 

“Lill-Kap tal-Oppożizzjoni  ngħidlu għandek dritt ma naqblux.  Jekk trid tgħoġob lil min poġġik hemm affarik. Jekk trid tagħmel minn kollox biex issalva postok, għamel li trid. 

Imma tużax il-mara b’dak il-mod dispreġjattiv kif għamilt fil-parlament din il-ġimgħa.  Għax dan il-moviment li dejjem ħadem għal emanċipazzjoni tal-mara, se jkun hemm biex jiqaflek.  

Kont nippretendi ferm aħjar minn xi ħadd li bħali hu missier ta’ tifla !! 

U allura aħna se nibqgħu nżommu r-rispett f’dan id-dibattitu daqstant sensittiv.”

“Ir-riformi tant importanti li wettaqna u li qed inwettqu, qed iħallu r-riżultati.”

“Il-fatti juru li ma tgħaddix imqar ġimgħa waħda li ma nkunux mistiedna biex ninawguraw, inżuru jew nitkellmu dwar xi investiment ġdid. Din il-ġimgħa inawgurajna investiment ta’ tletin miljun ewro minn Teva Malta. Kienet esperjenza mill-isbaħ.” 

Dan l-investiment huwa katina ma investimenti oħra li qed iwasslu għal riżultati sbieħ għal pajjiżna. 

“Din il-ġimgħa kkonfermat li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena kellna tkabbir ekonomiku b’saħħtu. 

Fl-ewwel disgħa xhur tal-2022 l-ekonomija Maltija kibret b’7.6%.

Ir-rata tat-tkabbir ekonomiku sa issa kienet terz aktar minn dik imbassra għal pajjiżna mill-Kummisjoni Ewropea.

Fl-ewwel disgħa xhur tas-sena l-konsum privat laħaq livell rekord ta’ 4.7 biljun ewro, nofs biljun aktar minn sena ilu.

L-esportazzjoni laħqet livell rekord ta’ 18.6 biljun ewro, biljun u nofs aktar minn sena ilu. 

U għalhekk meta naraw li pajjiżna jinsab b’saħħtu miexi ‘l quddiem, aħna nibqgħu nuru l-kuraġġ li nkunu l-partit tal-bidla.”

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ wieħed: 

“Ir-riformi mmexxuhom ‘il quddiem b’kuraġġ, bla ebda biża’ u b’entużjażmu għaliex għandna fiduċja f’pajjiżna. 

Iva nemmnu fis-saħħa tas-soċjetà tagħna li twettaq il-bidliet.  

Imma kif rajna maż-żmien meta twettaq ir-riformi dejjem se ssib sfidi kbar. 

Imma quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa. 

Is-sewwa għax kull persuna għandha valur.  

Is-sewwa għax għandna fiduċja f’pajjiżna.”

“Meta r-realtà turina li f’ħafna oqsma fadal xi jsir, mhux se nkunu aħna li l-fiduċja tal-poplu nsarrfuha f’atitudni indifferenti.”

“Lil dawk li llum qed jopponu l-emenda fil-kodiċi kriminali, fosthom l-Oppożizzjoni, ngħidilhom mhix problema li intom kontra l-emenda, li intom kuntenti bl-istatus quo. Imma għiduha kif inhi.  Tiżirgħux biża’ billi tgħidu affarijiet li mhux minnhom.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio fejn spjega kif l-għan tal-abbozz ta’ din il-liġi hu biss li tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala tkun twassal biex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika. Kumplikazzjoni li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.

“U nirrepetiha, riskju jew periklu gravi għax min irid jopponi kollox, jibda jagħti l-impressjoni li din hi xi eċċezzjoni li se tintuża kapriċċjożament. Fissirna bl-aktar mod ċar li l-artikoli li diġa’ jeżistu fil-kodiċi kriminali dwar l-abort se jibqgħu hemm… Għalhekk emenda waħda, li se tkun qed tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li t-tqala għandha tkun itterminata minħabba kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqiegħed ħajjet l-omm f’riskju jew saħħa ta’ periklu gravi, din it-terminazzjoni ma titqiesx bħala reat. Dik hi l-bidla li se nibdew niddiskutu għada. Ċara daqshekk.”

Il-Prim Ministru tenna wkoll kif in-nuqqas ta’ fatti u l-biża’ b’affarijiet li mhux minnhom huma ntenzjonati biex iħawwdu. “Meta r-realtà turina kif f’kull qasam hemm iktar xogħol xi jsir żgur li mhux se nkunu aħna li l-fiduċja tal-poplu nsarrfuha f’attitudni indifferenti. Għax in-nies ma tawnix is-siġġu biex noqgħodu komdi ma niddeċidux.”

Dwar il-qofol tal-ħarsien tal-mara, Robert Abela tkellem ukoll dwar il-qtil ta’ mara, omm kiesaħ u biered din il-ġimgħa.

“Din is-sena tlifna tliet nisa u kull waħda minnhom kellha tkun hawn magħna llum. Għalija, anke meta dak in-numru jkun wieħed, nibqa’ narah kbir wisq għax x’jista’ jiġġustifika li tintilef ħajja hekk? Dan kollu jfisser li rridu naħdmu aktar.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif aktar kmieni din is-sena ddaħħal il-kunċett ta’ femiċidju, li ma kienx sempliċiment isem iżda ntbagħat messaġġ ċar li jekk toqtol mara, tieħu l-ogħla pieni li hemm fil-liġi.

“Għandna obbligu li Bernice ma tkunx mara oħra li mietet u mbagħad tintesa sakemm ifeġġ qtil ieħor… Bħala politiċi rridu nibqgħu nsaħħu l-liġijiet tagħna. Fil-Kabinett approvajna abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li jagħti l-għodda lill-persuni f’relazzjoni biex jaraw jekk il-partner tagħhom – mara jew raġel, għandhomx storja ta’ vjolenza domestika fil-kondotta tagħhom. B’hekk ikunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni nfurmata fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess.L-iskop ta’ din il-liġi, li wegħedna fil-manifest elettorali, huwa li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li f’relazzjoni intima tiżviluppa relazzjoni abbużiva.”

Din se tkun bidla oħra f’sensiela ta’ inizjattivi li jridu jaħdmu lkoll flimkien. Il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika hija katina ta’ ħafna ħaddiema, entitajiet u professjonisti. Is-soċjetà trid tibgħat messaġġ favur il-ħarsien tal-mara l-ħin kollu.

“Ir-riformi rridu nġibuhom mhux biex nimpikaw potlitikament iżda biex ngħollu l-livelli ta’ dak li joffri pajjiżna l-ħin kollu.”

Dwar il-karigi ta’ Kummissarju għall-Istandards u tal-Ombudsman li huma battala, Robert Abela, quddiem l-atitudni kapriċjuża tal-Oppożizzjoni, il-Gvern kellu bilfors jaġixxi.

Wara li l-Oppożizzjoni qalet li hi kontra n-nomina ta’ eks Prim Imħallef għall-Kummissarju għall-Istandards mingħajr ma ta raġuni waħda valida għaliex mhux idoneju għal din il-kariga, il-Prim Ministru saħaq li ġew preżentati emendi bil-għan li jinħoloq mekkaniżmu f’każ li ż-żewġ naħat tal-kamra ma jaqblux dwar isem.

“Nibqa’ nemmen li l-mekkaniżmu propost m’għandux jintuża f’dan il-każ għax għandna nominati li diġa’ qbilna dwarhom u allura l-Oppożizzjoni tista’ faċilment tivvota favurihom. Għax ir-riformi rridu nġibuhom mhux biex nimpikaw politikament.  Iżda, biex ngħollu l-livelli ta’ dak li joffri pajjiżna l-ħin kollu.”

Riforma oħra importanti ta’ Gvern Laburista huwa l-Malta Development Bank.

“Riforma li meta għamliniha ħames snin ilu kien hemm min staqsa imma din l-istituzzjoni x’għandna bżonnha? Dejjem ikunu l-istess nies li jagħmlu dawn id-domandi. Dawk li kuntenti bl-affarijiet kif inhuma. Forsi għax komdi huma jaħsbu li komdu kulħadd. U wriet fil-pandemija kemm kienet kruċjali din l-istituzzjoni. Iżda, issa l-mument li nħarsu iktar ‘il quddiem. U  bħalma fl-aħħar snin il-Bank għall-Iżvilupp daħal bis-saħħa biex iddefendejna l-ekonomija li diġa’ għandna, issa jrid jidħol bis-saħħa biex noħolqu l-ekonomija ta’ għada.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li tnedew żewġ skemi ta’ €180 miljun biex jiffaċilitaw l-investiment u jipprovdu bażi soda għall-bidliet li hemm bżonn isiru fl-ekonomija tagħna, flimkien ma inizjattivi li jixprunaw il-bidliet li huma kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jkun suċċess.

“Il-Maltin jafu li għandhom tmexxija li tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem u li tifhem il-ħtiġijiet tagħhom… Sfidi se niltaqgħu magħħhom dejjem iżda għax għandna fiduċja f’pajjiżna, flimkien nistgħu nindirizzawhom.”

“Il-fiduċja f’pajjiżna kienet kruċjali biex fl-aħħar snin għamilna tant bidliet, biex Malta mxiet ’il quddiem” – il-PM Robert Abela

“Il-fiduċja f’pajjiżna, fiduċja li mingħajrha żgur ma tistax timxi ’l quddiem. Il-politika tagħna hi bbażata fuq kemm nemmnu f’Malta, fuq kemm inħobbu lil pajjiżna, kemm aħna konvinti mill-ħiliet tan-nies. Il-fiduċja f’pajjiżna kienet kruċjali biex fl-aħħar snin għamilna tant bidliet biex Malta mxiet ’il quddiem. Il-fiduċja f’pajjiżna wasslet biex minn sfidi ħloqna opportunitajiet biex Malta baqgħet, għadha u se tkompli miexja ’l quddiem.”

Saħaq dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza l-għeluq tas-sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista.

Dr Abela sostna li l-aħħar snin kienu l-ikbar xhieda kif bil-fiduċja tal-poplu, il-Partit Laburista għamel differenza kbira u pożittiva fil-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin għaliex iħaddnu l-valuri u l-prinċipji li dan il-pajjiż jeħtieġ biex jibqa’ miexi ‘l quddiem.

“In-nies magħna jafu fejn qegħdin, jafu l-Partit Laburista x’jemmen. Għalhekk il-poplu għażel il-proġett li għandna għal Malta. Nimxu ’l quddiem għax aħna nibqgħu l-forza li ġġib il-bidla fil-pajjiż”, qal Dr Abela

Huwa stqarr li jrid lill-Partit Laburista jibqa’ l-partit tar-riformi għaliex in-nies silfu l-fiduċja lil dan il-partit biex ikunu katalista tal-bidla. Il-Mexxej Laburista kompla jgħid li r-riformi ma jistgħu jieqfu qatt u rrijaferma l-impenn li dawn jibqgħu miexja ’l quddiem b’kuraġġ, għaliex hemm wisq realtajiet li ma nistgħux indawru wiċċna għalihom. Sostna li din hija d-distinzjoni ċara bejn il-Partit Laburista u partiti oħrajn, għaliex dan il-partit jifhem, jempatizza, jisma’ u finalment jiddeċiedi.

Dr Abela tenna li l-Partit Laburista jibqa’ dak tal-ġustizzja soċjali, għaliex ir-riformi u l-ġustizzja soċjali huma marbuta ma’ xulxin u huma r-ruħ tal-partit li jmexxi. Sostna li se jkompli jaħdem kuljum għall-ġustizzja soċjali sabiex kulħadd jimxi ‘l quddiem u jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.

“Għandna elf proposta ċara u biex nimplimentawhom għandna bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd. Kulħadd huwa mistieden biex jersaq ’il quddiem b’ideat ġodda, kulħadd għandu sehem x’jagħti. Ilkoll flimkien irridu nfasslu l-futur ta’ dan il-pajjiż”, sostna Dr Abela waqt li appella liż-żgħażagħ sabiex huma wkoll jersqu ’l quddiem bl-ideat u l-proposti tagħhom ta’ xi jridu jbiddlu f’dan il-pajjiż.

“Futur sabiħ għax għandna fiduċja f’pajjiżna. Fiduċja f’pajjiżna billi ngħinu lin-negozji jinvestu, nieħdu ħsieb l-anzjani tagħna, ngħinu liż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm tagħhom, ma nħallu ebda tifel jew tifla jaqgħu lura u ma nistrieħu qatt fuq dak li ksibna. Għalhekk il-partit tar-riformi, tal-ġustizzja soċjali, tal-aspirazzjonijiet. Fuq dawn se nibnu futur sabiħ f’Għawdex u f’Malta tagħna. Il-pajjiż li tant inħobbu, il-pajjiż li għandna fiduċja fih”, temm jgħid il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.  

Matul il-Konferenza Ġenerali Annwali nħatar l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista. Għal din l-elezzjoni kkontestaw ħmistax-il persuna u ġew eletti tnax. Il-membri eletti huma; Yana Debono Grech, Ray Azzopardi, Guza Cassar, Ray Falzon, Jason Farrugia, Monica Farrugia, Ray Mizzi, Raymond Azzopardi, Noel Cassar, Christian Attard, Nikhail Karl Spiteri u Frederick Cutajar.

100 jum ta’ wegħdiet miżmuma u deċiżjonijiet meħuda

Imwiegħda u mwettqa. Dawn huma l-kliem li jikkaratterizzaw il-proposti importanti li l-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li jitwettqu fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid. 

Dan kien il-messaġġ ewlieni mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef u d-Deputat Cressida Galea waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef spjega kif dan hu Gvern riformista li fuq quddiem nett hu ffukat li jtejjeb ħajjet in-nies b’riformi li qed iħallu l-frott. 

“Aħna qegħdin hawn biex noħolqu soċjeta’ aktar ġusta. Riforma ewlenija hija l-emendi fil-liġi tal-IVF. Għandna għażla quddiemna. Għażla jekk irridux ngħinu lil dawn il-familji jew inħalluhom ibatu. Jekk irridux proċess li jwassal għal ħajjiet li jgħixu u mhux imutu fil-ġuf jew ftit wara t-twelid. Riformi oħrajn kienu l-proċess biex medda ta’ art fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa u art fil-Kottonera tingħata lura lin-nies kif ukoll liġi li ddaħħal il-kunċett tal-femiċidju. Quddiem dan kollu, bqajna naraw Prim Ministru u tmexxija ffukata fuq il-ħtieġa li Malta trid tibqa’ miexja ‘l quddiem, bin-nies prijorita; fiċ-ċentru tar-riformi mwiegħda u li issa anke bdew jiġu mwettqa.” 

Id-Deputat Cressida Galea spjegat kif quddiem realtajiet u sfidi internazzjonali, il-Gvern mhux talli ma dawwarx wiċċu għalihom iżda ndirizzahom u ttieħdu numru ta’ passi dwarhom. 

“Ir-rata ta’ tkabbir fl-ewwel kwart tas-sena hija ferm aktar minn dik imbassra minn aġenziji internazzjonali. Filfatt hija kważi d-doppju tat-tkabbir għal pajjiżna mbassar mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn huma riżultati frott bidliet importanti. Fosthom it-tneħħija ta’ Malta mil-lista l-griża. Proċess li minn sfida l-Gvern dawwru fi prova oħra ta’ kemm pajjiżna huwa ġurisdizzjoni serja. Amministrazzjoni li qed tkompli timmodernizza l-pajjiż, mhux anqas fil-qasam tal-governanza tajba kif ukoll fil-ħidma tal-istituzzjonijiet. Fl-istess ħin komplejna niksbu aktar riżultati. Riżultati li ksibnihom għaliex fl-ebda ħin qatt ma qtajna l-fiduċja f’pajjiżna.” 

Il-mandat ġdid u b’saħħtu li ngħata mill-elettorat f’Marzu li għadda se jkompli jimlina b’kuraġġ biex b’aktar ħeġġa u determinazzjoni, inkomplu mmexxu lil pajjiżna ‘l quddiem, minn sfidi noħolqu opportunitajiet u minn elf proposta nagħmluhom elf kisba. 

“Jekk nibqgħu flimkien, xejn u ħadd ma jista’ jwaqqaf il-progress.” – il-PM

“Aħna rridu li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu mhux biex niftaħru b’kemm ġibna maġġoranza, iżda biex fuq kollox intejbu għall-aħjar il-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.”  

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista filwaqt li fakkar kif irridu nżommu f’moħħna kemm huwa kruċjali t-tiġdid u l-bidla biex nibqgħu noffru tmexxija kredibbli u soda għal pajjiżna. 

“Minn ħsibijiet ċari mxejna għal proposti definiti fil-manifest Malta Flimkien. U fil-kampanja tajt il-kelma tiegħi li kundizzjoni waħda kien hemm biex dawn l-elf proposta jsiru elf kisba ġdida.Nhar is-26 ta’ Marzu dik il-kundizzjoni twettqet. Għalhekk issa hija fuqna r-responsabbiltà li nwettqu dawk l-elf proposta. Irridu narawhom jibdew ikunu implimentati. Iva, issa l-mument tal-implimentazzjoni. Internament, mal-Kabinett u l-grupp parlamentari, bl-appoġġ anke tal-amministrazzjoni u t-tim li ħadem fuq il-manifest, bdejna minnufih naħdmu dwar dan. Għax waħda mill-iktar affarijiet li trid tibqa’ tiddistingwina minn forzi politiċi oħra hija dik li aħna partit, li mill-Gvern dejjem inwettqu dak li nwiegħdu.” 

Fl-istess waqt, il-Prim Ministru sostna wkoll li fl-istess waqt irridu naraw fejn stajna ddiżapuntajna nies li appoġġjawna fl-imgħoddi. 

“Dan hu proċess li internament diġà bdejnih. Kif tafu bdejnih bil-laqgħat li għamilna fl-aħħar ġimgħat. Laqgħat twal b’ħafna ħsibijiet imma fuq kollox b’awto-kritika ġenwina u b’saħħitha. Dan hu proċess li nkompluh u nestenduh fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Irridu nisimgħu, inkunu umli u nikkomunikaw.”  

Robert Abela esprima s-sodisfazzjon għall-kuraġġ li wera dan il-Partit b’diversi riformi fosthom iż-żieda fir-rappreżentanza femminili fil-Parlament. 

“Ifisser li wasalna? Le. Imma żgur li żrajna ż-żerrieġħa. Għax jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-partit hi li fil-ġlidiet għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, qatt ma kien passiv iżda, dejjem kien protagonist.” 

Il-Prim Ministru qal ukoll kif l-ottimiżmu se jkun ir-riċetta tal-futur fejn mill-bidu nett kien il-partit tal-progress, id-dawl li jiġġieled id-dlam. 

Intom parti importanti minn dawn il-bidliet. Il-partit hu għodda importanti.  Li nitlob mingħandkom hu biex tibqgħu tkunu l-vuċi tal-komunitajiet tagħkom. Il-kelma tiegħi hi li t-tmexxija tagħna se tibqa’ ffokata fuq il-pajjiż, fejn infittxu s-soluzzjoni għall-futur u nibqgħu nkunu l-partit tal-aspirazzjoni. Ħaddieħor quddiem l-isfidi jagħżel li jaqta’ l-qlub, aħna ndaħħlu t-tama. 

Robert Abela temm b’appell biex f’Jum il-Ħaddiem ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw dan il-jum u nibagħtu messaġġ ċar li dan hu partit li jibqa’ joħloq l-opportunitajiet. 

“U allura l-istedina tiegħi hi biex nhar il-Ħadd li ġej ningħaqdu lkoll il-Belt biex wara tliet snin inkunu nistgħu niċċelebraw Jum il-Ħaddiem flimkien. Se tkun l-ewwel darba minn meta fdajtuni bħala mexxej tal-Partit Laburista li niċċelebraw kif jixraq Jum il-Ħaddiem. Hemm se nibgħatu messaġġ pożittiv. Nibagħtu messaġġ li dan jibqa’ l-partit tax-xogħol li jgħin lil min jaħdem u lil min joħloq l-opportunità biex wieħed jaħdem. 

Nibqgħu nibagħtu messaġġ li dan hu pajjiż fejn se nkomplu naħdmu flimkien għall-futur sabiħ.” 

“L-ikbar ħelsien li rrid nara llum hu l-ħelsien mill-politika tal-firda, il-mibegħda u l-konfront.”


“Emmintu fis-saħħa tagħkom u għażiltu l-għajta ta’ Malta Flimkien. U għax ma ħallejtux il-passat ibeżżagħkom mill-futur, erġajtu tajtuna l-fiduċja tagħkom biex inkomplu nġeddu lil dan il-pajjiż.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Birgu waqt ċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien fejn irrimarka kif is-snin li għaddewna minn esperjenzi simili għal dawk ta’ mitt sena ilu meta bdiet it-triq lejn il-ħelsien.  

“Faqqgħet pandemija li qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja tagħna. Id-differenza kienet li din id-darba l-poplu Malti kellu bażi soda u rajh f’idejh. Iżda, fuq kollox sab fina tmexxija li kienet miegħu u li se tibqa’ miegħu.”

Il-Prim Ministru spjega kif quddiem l-effetti ta’ kriżi dinjija, minflok l-għexerien ta’ eluf qiegħda, illum għandna l-anqas ammont ta’ nies qiegħda fl-istorja, ftit aktar minn elf persuna. “Il-Gvern qed ikun tarka għall-familji u negozji, b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro dedikati biex l-effett tal-kriżi internazzjonali jkunu kkontrollati.”

Ftit sigħat wara li ħabbar il-kabinett tal-Gvern, Robert Abela rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-fiduċja li wera fil-Partit Laburista. 

“Dik il-fiduċja se nsarrfuha f’iktar xogħol. Għalikom, iżda fuq kollox biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur isbaħ u biex b’dak li nagħmlu nagħtu ġieħ lil dawk li qabilna tant ħadmu għal dan il-ġens. Għandna pjan ċar fuqiex inwettqu din il-ħidma. Elf proposta li diġa’ tlaqna bil-ħidma biex nibdew inwettquhom.” 

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar jisħaq l-importanza li jibqa’ jara Partit Laburista li jkun ta’ skrutinju għall-ħidma tal-Gvern. 

“Ejja nkunu aħna l-ewwel li naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Hemm l-umiltà. U tkellimt magħkom diġa’ dwar kif fuq din l-umiltà rrid nibnu din il-leġiżlatura. Għax ikbar mhi l-fiduċja iktar irridu nkunu saqajna mal-art. 

Flimkien ma sħabi. Flimkien magħkom. Se nkomplu nibnu l-pajjiż.

Għalhekk ibqgħu miegħi kif kontu waqt il-kampanja li għadha kemm intemmet.

Flimkien nistgħu nwettqu affarijiet kbar.

Xejn ma jista jwaqqaf lil dan il-moviment sakemm jibqa magħqud.

Magħqud biex ikompli jwettaq il-ħolm taż-żgħażagħ tagħna.

Magħqud biex ikompli jsostni lill-familji u n-negozji tagħna.

Magħqud biex ikompli jagħti l-wens lill-anzjani tagħna.

Ejja nżommu lil Għawdex u Malta l-ewwel u qabel kollox.

Flimkien l-aħna huwa aqwa mill-jiena.

Għalhekk ibqgħu isilfu l-fiduċja tagħkom lil dan il-moviment.

Ibqgħu emmnu fis-saħħa tal-għaqda tagħna.

Malta flimkien

Il-futur sabiħ.

Il-futur issa f’idejna lkoll.”

“Aħna ngħixu għal bidla. Sodi u ottimisti għal futur isbaħ għal pajjiżna.” – il-PM

Imħabbra skema ta’ rifużjoni għal spejjeż marbuta ma’ mediċini tal-IVF

“L-għażla tan-nies se tkun fuq it-track record tagħna. Fuq il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Fuq min irriforma dan il-pajjiż. Kull ġimgħa li tgħaddi qed inkunu pass eqreb lejn il-ġid ta’ pajjiżna. Meta jasal il-mument tal-għażla rridu mmorru sodi. Nistgħu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għax Malta pajjiż sod, ambizzjuż, nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor ħażin iżda għax aħna tajbin.” 

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista waqt attivita’ politika f’Ħal Tarxien fejn spjega kif filwaqt li ħaddieħor mehdijin fil-partiġġjaniżmu u attakki bla bażiu moħħhom biss biex iħarsu lura  għax m’għandhom l-ebda idea għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż, dan il-Gvern huwa ffukat biex jibqa’ jagħti direzzjoni ‘l quddiem.  

“Ġimgħa kkaratterizzata mill-inawgurazzjoni f’Ħas-Saptan, proġett tal-aqwa teknoloġija għal-laqgħat importanti li kellna fi Franza fejn tkellimna fuq is-settur marittimu. Kellna implimentazzjoni ta’ aktar riġenerazzjoni fil-housing estates, tlestija ta’ investiment fil-qasam tas-saħħa u komplejna nagħmlu miżuri tal-budget fejn ma ninjoraw ir-realtajiet ta’ ħadd.”

Il-prinċipju ewlieni wara dan kollu hu li “ma nkunu qatt merfugħin min-nies għax l-ideali tagħna minfejn tlaqna, mill-moviment tal-ħaddiema, għadhom u jibqgħu integrali fit-twemmin tagħna.” 

Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern indirizza r-realtajiet ta’ persuni għall-ewwel darba.

“Waħda mir-realtajiet siekta hi dik tal-infertilita’. Koppji jgħidulek kemm kien importanti li l-Gvern jagħmel tibdiliet fil-liġi. In-norma fil-passat mhux daqstant ‘il bogħod kienet li ridt titlaq barra mill-pajjiż. Illum bdilna dik ir-realta’ u tajna l-opportunitajiet f’pajjiżna. Infakkar kemm kien hemm biex din il-bidla jagħmel minn kollox jirreżistiha. Aħna wettaqna r-riformi u ma bżajniex mill-bidla.”

Robert Abela saħaq ukoll kif inħasset il-ħtieġa li miżura li ħabbarna fil-budget inwettquha llum qabel għada. L-ispiża fil-mediċini tal-IVF hi aktar iebsa għal dawk li jgħaddu minnha iżjed minn darba. Semma kif jirrikonixxu l-għajnuna li ngħatat mill-Gvern li hi ħafna aktar minn ta’ pajjiżi oħra iżda l-piż finanzjarju xorta huwa wieħed sostanzjali. “Għalhekk li għal dawn il-koppji, l-arloġġ itektek l-agħar ħaġa għalihom għax kull ġurnata tgħodd. Għalhekk b’mod immedjat ħadna d-deċiżjoni li sakemm dan il-proċess tal-procurement, nagħtu rifużjoni tal-ispiża tal-mediċina tal-IVF f’forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu għaddejjin mill-proċess tal-IVF sa meta mistennija jaslu l-mediċini f’nofs Ġunju ta’ din is-sena.  Din il-miżura għalhekk tidħol fis-seħħ minnufih u tmur lura għall-ewwel ta’ Jannar. La darba tajna l-kelma li l-mediċini tal-IVF se jkunu bla ħlas, hekk se jsir. Dal-piż finanzjarju se nerfgħuh aħna wkoll.”

Il-Prim Ministru żied  li hemm weġgħat oħrajn weġgħat li nwegħdkom li m’aħniex se ninjorawhom. 

Oppożizzjoni ankrata mal-passat

“Partit Laburista fil-gvern li jemmen fin-nies u Partit Nazzjonalista ankrat fil-passat. Li kieku qegħdin huma jmexxu l-pajjiż illum, jagħmlu kif għamlu fl-2008 fejn minkejja l-isfidi interazzjonali, serrħu raskom li ma kienu qed jgħinu lil ħadd.

Oppożizzjoni mfixkla quddiem il-mod kif dan il-Gvern baqa’ dejjem ikollu l-prijoritajiet it-tajbin. Perfetti m’aħniex imma meta ġejna għad-deċiżjonijiet il-kbar, dejjem ħadna l-aqwa deċiżjonijiet għan-nies.” 

Robert Abela qal li l-Oppożizzjoni trid teħodna lura. “Jien ngħidilhom li m’għandhomx ċans għaliex għalina l-futur u t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż huma l-aktar ħaġa importanti. La sfukajtuna waqt pandemija u wisq anqas fiż-żmien sabiħ li ġej għal pajjiżna. Aħna qegħdin hawn biex nieħdu ħsieb il-futur għax għandna pjan għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Aħna nwettqu dak li nwiegħdu filwaqt li ma nkunux suppervi.” 

Dwar ir-riforma tal-kannabis, il-Prim Ministru qal li jekk Bernard Grech imexxi dan il-pajjiż, se jibdilha. “kemm felħu kontra din il-liġi. Iridu jerġgħu jixħtuna lura. Xejn ma sabuha tajjeb din il-liġi. Ħaġa waħda nesew. Qalulna li sraqna proposta tagħhom. Irid jipprova jintogħgob ma’ kulħadd u dik hija l-agħar ħaġa li tista’ tagħmel fil-politika.”

Dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment ukoll sieq naħa u sieq oħra. “Dik mhux konsistenza. Pubblikament lanqas nista’ ngħodd il-verżjonijiet li bidel. Daqqa qal li se jżommha tant li beda jitkellem favur din l-iskema iktar minn kemm faħħarniha aħna imbagħad ftit tal-jiem wara qal li din l-iskema tagħmel ħsara lil pajjiżna.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa inkonsistenti. Meta waħdu jitkellem mod u meta jiġbdulu l-ispag jitkellem mod ieħor. Ma jridx jagħti sehmu għal pajjiżna. 

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni ibeżżgħu bil-Greċja filwaqt li l-esperti ekonomiċi jesprimu l-fiduċja tagħhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna. “Mingħalihom jippruvaw jisfukawna minfuq ħidmietna bħala Gvern għax ma jridux li dan il-moviment jibqa’ jgħin lin-nies.”

“L-għatx tagħna jibqa’ għal bidla. Aħna ngħixu għal bidla. Aħna magħqudin, irridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor mehdi fil-passat iżda għax aħna noffru viżjoni u futur isbaħ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.”