Se nibqgħu nkunu ta’ spalla għan-negozji
“Kburi li nistgħu nitħaddtu dwar il-futur tal-gżira. Nistgħu nitkellmu dwar dan għax l-istrateġija fl-aktar mumenti diffiċli ħadmet… Għawdex xogħol u investiment bla preċedent. Għal kull miżura li għamilna f’Malta biex nappoġġjaw lin-nies, rajna li f’Għawdex tkun iktar ġeneruża biex nipproteġu lil din il-gżira. Għawdex baqa’ miexi ‘l quddiem mhux staġnat ħabba l-pandemija.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista waqt merħba sabiħa fin-Nadur, Għawdex fejn emfasizza kif fl-aħħar sentejn fil-gżira Għawdxija spikkaw il-miżuri għaqlin fejn issarrfu fl-anqas livelli ta’ qgħad, fl-anqas rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol u l-aktar numru ta’ Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess tant li f’pandemija nħolqu 2,000 impjieg ġdid.
Fost l-akbar proġetti li saru fil-Gżira Għawdxija fl-aħħar xhur, il-Prim Ministru semma kif il-proġett tal-Fast Ferry kien game changer, it-tieni fibre optic cablem, ir-reverse osmosis fejn Għawdex ma baqax dipendenti fuq Malta għall-ħażna tal-ilma, Gvern li fehem is-sensittivita’ tal-iżvilupp f’Għawdex tant li nċentiva lin-nies b’miżuri relatati max-xiri ta’ propjeta’.
“Dan kollu frott il-politika ekonomika tal-Gvern li adotta mill-2013 ‘l hawn. Mexxejna bħala Team wieħed li juri kif flimkien u fuq kollox magħqudin nistgħu nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar.”
Minkejja l-pandemija, il-pjan tal-Gvern kien li jibqa’ għaddej bil-proġetti kollha li kellu pjanati u jinvestu iktar bis-saħħa fin-nies. “Minflok il-kelma awsterita’ bħal ta’ qabilna, daħħalna l-kelma investiment… In-negozji dawk l-aktar milquta se nibqgħu ngħinuhom sakemm huwa meħtieġ.”
“Minn dejjem għidna li l-pandemija ma rridux narawha bħala sprint imma bħala maratona. Kemm konna bilgħaqal li qassamna dak il-war chest biex fl-aktar mumenti ta’ sostenn, nagħtu dak kollu li meħtieġ.”
Robert Abela saħaq kif dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu bil-populiżmu jew ibbażati fuq social media.
“Mil-lat ta’ saħħa, dejjem nimbuttaw għal rata ta’ vaċċinazzjoni għolja. It-tilqima m’hemmx dubju li hija s-soluzzjoni tal-pandemija. Żidna r-rata ta’ vaċċinazzjoni u għax irnexxielna, issa qegħdin f’qagħda li din il-ġimgħa se nħabbru kif mill-ewwel ġimgħa ta’ Frar se nneħħu aktar restrizzjonijiet. Pajjiżna jrid ikompli fit-triq tal-irkupru li qabad.”
Oppożizzjoni populista u bla kreddibilta’
Id-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ċara. Ma’ dan il-Gvern taf fejn qiegħed. Mal-Oppożizzjoni qatt ma tkun taf fejn qiegħed.
Il-Prim Ministru spjega l-inkonsistenza ta’ Bernard Grech din id-darba mil-lat ta’ saħħa. “Mela l-ewwel qal li jaqbel mad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. Imbagħad bidel fehmtu u qal li inkwiżizzjoni fuq il-libertajiet tan-nies. Irrealizza li l-istrateġija tagħna kienet li nlaqqmu kemm nifilħu nies malajr ħa niġu lura għan-normalita’. U dik ma jridhiex… Issa qal li bis-saħħa tiegħu se jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Qalilna wkoll li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni. Riduna mmorru f’lockdown. Meta nidejna l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomiku, ħlief biża ma bdewx ixerrdu.”
Hawnhekk il-Prim Ministru emfasizza kif lin-negozji se jtihom garanzija li se jsibuh dejjem warajhom biex jirreżistu abbozzi ta’ liġijiet li ma jaqblu xejn ma’ xi ħadd li għandu aspirazzjoni li jmexxi pajjiż. Liġijiet li l-għan ewlieni tagħhom hu li jdaħħlu l-biża’, inċertezza u jipparalizzaw l-ekonomija.
“L-isfidi se naqilbuhom f’opportunitajiet. Prinċipju wieħed – l-interess nazzjonali. Biex tista’ taħdem fl-interess nazzjonali, irid ikollok pjan. Aħna nibqgħu l-uniku partit li dejjem u f’kull waqt iħares l-interess nazzjonali.”
Spjega wkoll kif Bernard Grech fi Strasburgu ma staħax ma jgħidx kelma waħda favur pajjiżna. “Meta tkun qiegħed f’dawn il-fora, il-populiżmu ma taħdimx bih. Trid tkun sod. Hemmhekk sustanza u fatti.Ma jridx li l-poplu Malti jgawdi mill-fondi Ewropej għal dan il-proġett u hemm ħafna fondi Ewropej li huma disponibbli għal dan il-proġett. Proġett nazzjonali li se ngawdu minnu kollha kemm aħna.”
Il-governanza kienet pilastru ieħor fundsamentali f’dawn l-aħħar sentejn. Robert Abela qal ukoll kif f’pajjiżna tirrenja demokrazija vibbranti fejn kulħadd huwa kontabbli għal għemilu u l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu għall-ġustizzja biss u għall-ebda għan ieħor.
“Ma nistax nibqa’ sieket li l-istituzzjonijiet iridu jaqdu dan. In-nies bir-raġun tippretendi li mmexxu bl-eżempju, tippretendu l-ogħla standards imma tippretendu wkoll li l-istituzzjonijiet jaqdu biss il-funzjonijiet tagħhom. Kull awtorita’ ma tistax tiġi tterrorizzata minn xi ħadd biex jikkundizzjonawlhom id-deċiżjonijiet tagħhom inkluż min pubblikament ma jiddejjaqx juri li qed tinqabeż il-linja anke fl-aktar istituzzjonijiet sensittivi f’pajjiżna.
“Ir-reazzjoni tagħna nserrħilkom raskom li se tkun ta’ aktar u aktar ħidma għall-ġid tal-poplu Malti. Gvern jgħin lill-istituzzjonijiet kollha biex jiffaċilita d-deċiżjonijiet tagħhom u għalhekk l-appell tiegħi – Aħna qegħdin hawn għan-nies, se nibqgħu nitkellmu u niddefendu lin-nies.”