Skip to content

“Ma nistħix ngħid li jien sensittiv għall-bżonnijiet tan-nies.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt programm speċjali mħejji mill-fergħa tan-Nisa Laburisti lejliet Jum il-Mara, bis-sehem ukoll ta’ martu Dr Lydia Abela.

Il-Prim Ministru beda billi tkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-pandemija. Huwa spjega li mill-bidu dan il-Gvern fehem li l-pandemija kienet se tkun maratona.

“Ma kellniex sett ta’ regoli fuq xiex naħdmu imma ħdimna kemm flaħna biex ipproteġejna s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi u dik kienet l-ewwel prijorità għalina u anke l-għejxien.”

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif bi sforz kollettiv speċjalment bl-għajnuna tal-frontliners, pajjiżna seta’ jevita t-traġedji kbar li ddominaw f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

“Kulħadd f’dawn l-aħħar 12-il xahar għadda minn esperjenzi għaliex kulħadd huwa uman,” qal il-Prim Ministru hekk kif spjega li din l-aħħar ġimgħa għalih kienet waħda diffiċli bl-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda. Sostna madankollu, l-impenn tiegħu u ta’ dan il-Gvern li jkompli jkun ta’ spalla għan-negozji fosthom bl-estenzjoni tal-Covid Wage Supplement.

“Inħoss għal min għadda minn tbatija, għalhekk ġeddit l-impenn miegħi nnifsi flimkien mal-Kabinett li jien imexxi, biex nibqgħu naħdmu u nibqgħu nkunu ta’ sapport bil-Covid Wage Supplement li estendejnih sa Ġunju li ġej…Immedjatament ħriġna wkoll miżura oħra ta’ sapport fejn tajna €1,000 lil kull stabbiliment li ġie impattat mill-miżuri restrittivi sabiex nagħmlu tajjeb għall-istock li laħaq inxtara.”

Dr Abela spjega wkoll li fis-sigħat li ġejjin pajjiżna se jkun laqqam 100,000 persuna bil-vaċċin kontra l-Covid-19.

“L-impenn tagħna se jibqa’ bħala Gvern li nġibu kemm nifilħu dożi tal-vaċċin. Sodisfatt li iva l-ewwel pajjiż fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea li qed inlaqqmu. Qegħdin fuq quddiem nett. Se naħdmu iktar biex inġibu aktar dożi biex nisparaw ’il fuq fir-rata ta’ tilqim ras għal ras. Qegħdin l-ewwel fin-numru ta’ dożi ta’ vaċċin li qed inġibu fost l-istati membri tal-UE. Ejja ħalli nibqgħu naħdmu flimkien b’dan l-isforz kollettiv ta’ poplu wieħed.”

Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 hekk kif spjega li l-ebda Gvern ma ried jindirizza din il-problema.

“Dan il-Gvern kellu l-kuraġġ li jagħmel dak li kien sewwa li jsir,” qal il-Prim Ministru hekk kif spjega li dan juri kemm verament Gvern Laburista għandu l-polz tal-poplu f’idu.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-benefiċċju tal-kera li se jkun qed iħallas il-Gvern huwa ta’ massimu ta’ €10,000 fis-sena. Dan filwaqt li se jiżgura li l-awment fil-kera ma jikkunsmax aktar minn 25% tad-dħul tar-resident.

Intant, b’rabta mat-tema ewlenija ta’ Jum il-Mara, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela qalet li din is-sena minkejja l-pandemija, bħala poplu għandna niċċelebraw aktar Jum il-Mara.

“Rajna matul l-aħħar 12-il xahar, in-nisa ddominaw f’dan il-perjodu għaliex ħafna nisa kienu frontliners u allura rajna kemm il-pajjiż jista’ jibbenefika meta n-nisa jkollhom sehem ugwali daqs irġiel.”

Hija wkoll saħqet dwar ir-riforma li ppropona Gvern Laburista għal aktar nisa fil-Parlament hekk kif appellat sabiex aktar nisa jikkandidaw ruħhom għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Nixtieq li b’din ir-riforma għada pitgħada t-tfajliet tagħna jħarsu lejn il-Parlament Malti u fih jaraw rappreżentanza ugwali fil-Parlament. Jaraw in-nisa u jispirawhom jipparteċipaw fid-dinja politika.”

Dr Lydia Abela spjegat ukoll li Gvern Laburista kien katalista fl-aħħar snin sabiex illum għandna l-ogħla rata ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol. Dan grazzi għall-introduzzjoni ta’ bosta miżuri bħal dik taċ-Childcare b’xejn.

“Meta n-nisa nagħtuhom l-inċentivi biex joħorġu jaħdmu hemmhekk rajna r-response u fil-fatt jekk naraw il-figuri li għandna bħalissa, bħalissa għandna l-ogħla rata ta’ nisa li qegħdin fid-dinja tax-xogħol. Rajna wkoll żieda ta’ 27% fid-dħul tan-nisa, illum għadna wkoll 40% ta’ pożizzjonijiet eżekuttivi u maniġerjali li huma nisa. Rajna nuqqas drastiku fil-persentaġġ ta’ nisa li jinsabu f’risku ta’ faqar. Fis-sena 2012, kellna 25% tan-nisa f’riskju ta’ faqar u hekk kellek aktar ċans li jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika. Illum rajna tnaqqis ta’ 5% f’dak ir-rigward. Rajna wkoll li n-nisa llum qed jokkupaw pożizzjonijijet tax-xogħol ħafna aħjar għaliex il-livell edukattiv tjieb u b’hekk rajna avvanzi kbar fejn tidħol il-mara. Dan ma jfissirx li lħaqna dak li rridu. Irridu nkomplu naħdmu biex lin-nisa nofrulhom l-aqwa opportunitajiet,” qalet Dr Lydia Abela.

Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li l-ġimgħat li ġejjin iridu jkomplu jiddefenixxu l-element ta’ għaqda li tant iwassal dan il-Gvern, anke permezz tal-kunċett ta’ Tim Malta.

“Eċitat ukoll sabiex malli nlaqqmu biżejjed nies nibdew inħarsu lejn ir-riformi kollha li huma meħtieġa għall-pajjiż,” qal il-Prim Ministru hekk kif fost oħrajn aċċenna għar-riforma fil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.

“Għamilna dak kollu li stajna biex ipproteġejna lil xulxin u fil-ġimgħat li ġejjin hekk irridu nibqgħu nagħmlu, imma fuq kollox dawn l-esperjenzi tajbin li tgħallimna mill-pandemija, ejja ngħożżuhom, ejja nżommuhom magħna, ejja ngħożżu l-valur tal-familja, il-valur tal-ħbiberija sinċiera, il-valur ta’ għożża lejn il-frontliners tagħna u s-settur mediku li tant kien b’saħħtu u reżiljenti, lejn dak kollu li jagħmilna Maltin u Għawdxin. Filwaqt li nibqa’ nappella għas-sens ta’ prudenza, ejja nkunu kawti, nibqgħu naħsbu f’xulxin, nibqgħu nkunu responsabbli imma ukoll iva nibqgħu nħarsu ’l quddiem sabiex inkomplu noħolqu minn dan il-pajjiż, ekonomija li dejjem tkompli tikber, iktar inkomplu nagħmlu ġid għan-nies, ġid li jinfirex bejn is-soċjetà kollha.”

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin