Għin
lill-Partit Laburista
August 6, 2023
Direzzjoni ċara biex Għawdex inkomplu nħarsuh u nsaħħuħ
“Hija xi ħaġa li ħdimna għaliha b’mod konsistenti. Mhux illum biss imma tul is-snin.”
F’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela dwar id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell li Ħondoq jibqa’ mhux mittiefes, spjega kif il-pożizzjoni tal-Partit Laburista u r-rappreżentanti tiegħu dejjem kienet konsistenti.
“Kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista, li lanqas fuq Ħondoq ma jista’ jkun kredibbli. Mhux għax kien assenti, iżda għax kien hu li ħa d-deċiżjonijiet li ma jħarsux il-Ħondoq. B’kuntrast ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista tul is-snin, deputati għawdxin, sindki, Pawlu Buttigieg, kienu lkoll fuq quddiem nett ta’ din il-ġlieda u rrid nirringrazzjahom minn hawn kollha kemm huma,” qal il-Prim Ministru.
Robert Abela qal ukoll li d-diskussjoni trid tkun li nagħtu ċertezza.
“U għalhekk tajt direzzjoni u inkarigajt biex issir l-analiżi meħtieġa biex b’bidliet marbuta mal-ippjanar, dak li nemmnu fih nissiġġilawh u nagħtu serħan il-moħħ fit-tul issa, ngħid jien peramenti li Ħondoq mhux għall-iżvilupp. Għal ebda tip ta’ żvilupp. Hekk inħarsu lejn soluzzjoni fit-tul. Din id-deċiżjoni hija konformi b’mod b’saħħtu mal-miżura 319 tal-Manifest Malta Flimkien li nassiguraw li l-Ħondoq ma jiġix żviluppat.”
Il-Prim Ministru emfasizza kif Għawdex jeħtieġ li nibqgħu nippromwovuh, nappoġġjawh u fuq kollox jittieħdu inizjattivi li jieħdu ħsieb dak li jagħmel lil Għawdex daqstant sabiħ.
“Fl-aħħar snin ħdimna u rajna li f’Għawdex, bħal f’Malta jkun hemm l-opportunitajiet għall-Għawdxin. Ix-xogħol fuq quddiem nett. Jekk kiber it-turiżmu ridna li Għawdex igawdi minnu. Jekk ħloqna iktar ġid, ridna li l-Għawdxin igawdu minnu, u iktar minn hekk ikun ukoll kontributur ta’ dak il-ġid,” qal Robert Abela.
Dwar il-laqgħa li kellu ma’ seba’ NGOs Għawdxin minn setturi differenti, il-Prim Ministru spjega kif l-għan tad-diskussjoni kien wieħed komuni li lkoll irridu naslu għalih.
“Kien hemm fosthom il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija. Ħadd ma qalli ejja inreġgħu l-arloġġ lura għal meta Għawdex kien staġnat, għal meta Għawdex kien jibki biex jara turist… flimkien iddiskutejna inizjattivi li jżommu lil Għawdex miexi ‘l quddiem fil-kuntest ta’ prijoritajiet ġodda. U allura ma kienx kumbinazzjoni li laqgħa bħal din saret bħalissa f’Awwissu. Bħalissa internament għaddejjin fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet għall-budget tas-sena d-dieħla.”
Il-Prim Ministru fisser kif il-budget se jibgħat sinjal qawwi f’dan is-sens fejn inkompli naġġornaw il-politika tagħna għal Għawdex u nieħdu inizjattivi ġodda. “Għandna ħafna proġetti li bdew fl-aħħar snin u bħalissa qed jaslu lejn l-implimentazzjoni totali tagħhom u għalhekk irridu nħarsu lejn prijoritajiet ġodda.”
Trasparenza u responsabilità
Dwar l-inkjesti fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, l-ikbar fattur importanti jibqa’ t-trasparenza.
“Trasparenza li ridna mill-bidu nett. Jien meta appellajt għal inkjesta maġisterjali lesta fuq hekk kont qed nitkellem. Responsabbilta’ u trasparenza… Iżda, illum l-ikbar emfasi se tibqa’ fuq ir-riformi fis-settur. Tkellimt dwar dan fl-aħħar ġimgħat u nerġa’ nitkellem illum. Mhux biss nitkellem, imma minbarra r-riformi li qegħdin nagħmlu, għax hemm diġa’ għandna pjan ċar li qed nimplimentaw, tajna wkoll remit lill-inkjesta biex tagħmel ir-rakomandazzjonijiet tagħha.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li d-dixxiplina u r-rispett għandhom ikunu ċentrali f’dak kollu li nagħmlu.
“Din il-ġimgħa żort lis-sezzjoni tal-infurzar tal-ħaddiema Transport Malta, u hemm ukoll irringrazjajtom tal-ħidma tagħhom, imma ż-żjara tiegħi kienet ukoll sinjal ta’ appoġġ għal ħidma li jwettqu għal iktar infurzar. Għax dik hija ħidma li tipproteġi liċ-ċittadin onest, lil min josserva l-liġi u aħna għal dak qegħdin hawn. Min josserva l-liġi m’għandu qatt iħossu żvantaġjat fil-konfront ta’ min jaħseb li hu xi bully. Dik hi xi ħaġa li ma rridux u m’aħniex se nħalluha ssir.”
Gvern li għaddej b’investiment qawwi f’kull settur
Fis-settur edukattiv mhux biss għandna għaddej bini ta’ skejjel ġodda, iżda għandna wkoll programm qawwi ta’ żidiet fil-faċilitajiet jew bidliet totali – investiment ta’ miljuni ta’ ewro.
Dwar dan l-investiment, Robert Abela semma l-iskola primarja tal-ogħla livell tar-Rabat, Malta li se topera minn binja waħda minflok tnen u li se tkun mgħammra b’dak kollu meħtieġ.
L-istess f’Santa Luċija se jkun hemm binja ġdida li se tintuża bħala teatru u għal użu differenti ieħor bil-għan li l-istudenti jkomplu jimirħu u jsaħħu t-tagħlim edukattiv tagħhom minn kull aspett.
“Għax l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tal-mobbiltà soċjali. Dalgħodu sellimna l-memorja tal-Perit Mintoff kif nagħmlu dejjem fis-sitta ta’ Awwissu, imma l-ikbar tislima li nistgħu nagħtu hi l-edukazzjoni li fuqha nibnu l-mobbilta soċjali.”
Dwar l-iskema tal-green bonds tal-water services corporation, il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon għall-mod kif fi ftit sigħat inħatfu min-nies li lesti jwieġbu għal din it-trasformazzjoni li qegħdin nagħmlu.
“U iva kuntent li kienet korporazzjoni tal-gvern li kienet pijuniera fi proġett bħal dan. Għax immexxu bl-eżempju daqskemm ninċentivaw.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.