Skip to content

min aħna

Disclaimer

This website, and these terms are posted here by Partit Laburista.

Partit Laburista is an entity associated with the business MLP HOLDINGS LIMITED, Centru Nazzjonali Laburista, Triq Mile End, Hamrun, HMR 1717, Malta.

MLP HOLDINGS LIMITED are the owners of this website.

min aħna

L-Istorja Tal-Partit Laburista

Il-Partit  Laburista  twieled  fil-15  t’Ottubru, 1920  bl-isem  “Camera  del  Lavoro”.  Il-Fundaturi  tal-Partit  kienu  tnax:  Antonio  Agius,  Guliermo  Arena,  Ġanni  Bencini,  Robert  Bencini,  Carmelo  Bonello,  Gaetano  Bonello,  Mikiel  Borg,  Mikielanġ  Borg,  Agostino  Matrenza,  Antonio  Schembri,  Giacinto  Tua,  u  Salvu  Zammit  Hammet.

Il-qagħda  tal-poplu  Malti  dak  iż-żmien  xejn  ma  kienet  waħda  tajba  minħabba  l-ħakma  kolonjali  min-naħa  tal-Ingilterra.  Dan  kien  wassal  għall-Irvellijiet  tas-7  ta’  Ġunju,  1919.  Kien  ilu  jinħass  il-bżonn  ukoll li jinħoloq  partit  politiku  li  jaqbeż  għad-drittijiet  tal-ħaddiema Maltin  fi  żmien  meta  kienet  teżisti  ħafna  diskriminazzjoni  soċjali  fejn  il-ġid  nazzjonali  kien  jitgawda  minn  grupp  żgħir  ta’  nies  u  meta  l-poplu  kien  jgħix  fl-injuranza  u  l-miżerja.  Qabel  il-ħolqien  tal-Partit  Laburista  kien  tfaċċa  Manuel  Dimech  (1860-1921)  li  pprova  joħloq  kuxjenza  favur  id-drittijiet  ta’  min  kien  imkasbar  fis-soċjeta`  Maltija  imma  l-forzi  reazzjonarji  ħelsu  minnu  billi  fl-1914  ġie  deportat  u  miet  fl-eżilju  fl-1921.

Il-Partit  Laburista  kkontesta  l-elezzjonijiet  ġenerali  li  saru  wara  li  Malta  ngħatat  gvern  responsabbli  permezz  tal-Kostituzzjoni  tal-1921. Fl-1921 u l-1924 rebaħ il-partit tal-Unione Politica  Maltese.  Peress  li  kien  għadu  partit  politiku  żgħir,  il-Partit  Laburista  daħal  f’koalizzjoni  mal-UPM  iżda  din  ma  rnexxietx.  Għalhekk,  b’għaqal  kbir  fl-1926  daħal  f’Compact  mal-Partit  Kostituzzjonali  mmexxi  minn  Gerald  Strickland.  Permezz  ta’  dan  il-ftehim,  il-Partit  Laburista  kellu  jappoġġja  lill-partit  ta’  Strickland  li  min-naħa  tiegħu  kellu  jwettaq  miżuri  soċjali  meta  jkun  fil-gvern. L-ikbar kisbiet tal-Gvern tal-Compact (1927-32) kienu l-Workmen’s  Compensation  Act  (1929),  l-Urban  Rent  Regulation  Act  (1929),  u  l-bidu  tal-bini  tal-Isptar  San  Luqa  (1930).

Kien  ukoll  il-Partit  Laburista  li  fi  żmien  “il-Kwistjoni  tal-Lingwa”  dejjem  irsista  biex  l-Ilsien  Malti  jingħata  l-ġieħ  u  r-rispett  li  kien  jistħoqqlu fi żmien meta l-ilsien nazzjonali kien imkasbar mir-rappreżentanti tal-Partit  Nazzjonalista  li  fl-Assemblea  Leġiżlattiva  kienu  jitkellmu  bit-Taljan.

Minħabba l-Kwistjoni Politika-Reliġjuża tal-1928-32, il-Partit  Laburista  mar  ħażin  ħafna  fl-Elezzjoni  Ġenerali  tal-1932  fejn  eleġġa  biss  lill-Mexxej  tiegħu,  it-Tabib  Pawlu  Boffa.  Boffa  kien  laħaq  Mexxej  fl-1928  wara  li  fl-ewwel  snin  tiegħu  l-Partit  Laburista  kellu  bħala  Mexxejja  lil  William  Savona  u  Michael  Dundon.  Kien  żmien  diffiċli  għall-Partit  Laburista,  speċjalment  fl-1933  meta  seħħ  l-hekk  imsejjaħ  “Każ  tas-Sedizzjoni”  meta  tellgħu  żgħażagħ  Laburisti  l-Qorti  sempliċement  għaliex  kellhom  letteratura  fil-pussess  tagħhom  meqjusa  sedizzjuża  bħal  xogħlijiet  ta’  Tolstoy  u  Bernard  Shaw.  Fl-1933  ukoll,  l-isem  tal-partit  sar  “Il-Partit  tax-Xogħol”.

Ftit  ftit,  il-Partit  Laburista  reġa’  beda  jissaħħaħ  u  sab  appoġġ  mill-General Workers  Union  li  twaqqfet  fl-1943.  Fl-Assemblea  Nazzjonali  tal-1945,  kiseb  id-dritt  li  n-nisa  ‘l  fuq  minn  21  sena  jkunu  jistgħu  jivvotaw  huma  wkoll  bħall-irġiel  fl-elezzjoni  ġenerali.  Il-Partit  Laburista  kien  minn  tal-ewwel  li  tħabat  biex  in-nisa  jingħataw  il-vot.  Attivista  Laburista,  Liża  Fenech,  kienet  diġa`  qed  tirsisti  biex  dan  iseħħ  fis-snin  għoxrin.  Fl-1946,  l-edukazzjoni  f’Malta  saret  ta’  bilfors  fuq  livell  elementari.  Din  kienet  xi  ħaġa  li  l-Partit  Laburista  kien  ilu  jitħabat  għaliha  sa  mit-twaqqif  tiegħu.

Fl-1947,  Malta  ngħatat  Kostituzzjoni  ġdida  li  permezz  tagħha  kisbet  is-“Self-Government”.  Fl-Elezzjoni  Ġenerali  ta’  dik  is-sena,  il-Partit  Laburista  kiseb  59.9%  tal-voti,  jiġifieri  24  siġġu  minn  40  possibbli.  Pawlu  Boffa  sar  l-ewwel  Prim  Ministru  Laburista  ta’  Malta.  Is-Sinjorina  Agatha  Barbara  saret  l-ewwel  mara  eletta  fl-Assemblea  Leġiżlattiva.  Boffa  wiret  pajjiż  imfarrak  mill-gwerra.  Beda  x-xogħol  ta’  rikostruzzjoni  u  saru  avvanzi  kbar  fl-oqsma  tal-edukazzjoni  u  s-saħħa.  Iddaħħlu l-Pensjoni  tax-Xjuħ  u  l-Income Tax  u  l-pulizija  issa  kienu  se  jieħdu  l-pensjoni  wara  25  sena  servizz.

Wara  l-iSplit  fi  ħdan  il-Partit  Laburista,  Duminku  Mintoff  sar  il-Mexxej  Laburista  fis-16  ta’  Ottubru,  1949.  Il-Malta  Labour  Party,  kif  kien  sar  jismu  l-Partit  issa,  rebaħ  l-Elezzjoni  Ġenerali  tal-1955  bl-għajta  “Integration  jew  Self-Determination”.  L-idea  tal-integrazzjoni  mar-Renju  Unit  kienet  maħsuba  biex  il-Maltin  jilħqu  l-istess  livell  tal-Ingliżi  fis-servizzi  tas-saħħa,  edukazzjoni  u  benefiċċji  soċjali  oħra  kif  ukoll  biex  l-ekonomija  ta’  Malta  tkun  fis-sod.  Dan  ma  seħħx  minħabba  diversi  problemi  li  nqalgħu,  fosthom  it-theddida  tas-sensji  li  wasslu  għall-“Break  with  Britain  Resolution”  fl-1957  u  r-riżenja  tal-Gvern  Laburista  mmexxi  mill-Perit  Duminku  Mintoff  fl-1958.  Dan  il-gvern  jibqa’  mfakkar  għall-programm  ta’  bini  ta’  skejjel  tant  meħtieġa  fiż-żmien  meta  s-Sinjorina  Agatha  Barbara  kienet  Ministru  tal-Edukazzjoni,  l-ewwel  Ministru  mara  fl-istorja  politika  ta’  Malta.

Il-Partit  Laburista  issa  beda  jirsisti  għall-Indipendenza.  L-ewwel  pass  kienu  l-Irvellijiet  tat-28  t’April,  1958  meta  l-partitarji  Laburisti  niżlu  fit-toroq  jiddefendu  l-interess  nazzjonali.  Is-snin  sittin  kienu  dominati  minn  kwistjoni  politika-reliġjuża  oħra  li  matulha  l-Partit  Laburista  tilef  l-elezzjonijiet  ġenerali  tal-1962  u  l-1966  kawża  tas-sanzjonijiet  reliġjużi  kontra  tiegħu.  Sadanittant,  Malta  saret  indipendenti  fil-21  ta’  Settembru,  1964.

Fl-1971,  il-Partit  Laburista  rebaħ  l-Elezzjoni  Ġenerali  u  reġa’  kiseb  il-poter.  Il-partit  dam  fil-poter  kważi  sittax-il  sena  permezz  ta’  rebħiet  oħra  fl-1976  u  l-1981.  Kienu  snin  tad-deheb  li  raw  il-bini  tal-Welfare  State,  il-ħolqien  ta’  Malta  Repubblika  u  l-vot  ta’  tmintax  fl-1974,  u  l-Ħelsien  fl-1979  mill-bażi  militari  li  kellha  l-Ingilterra  f’Malta  sa  dak  iż-żmien.

Madankollu,  inqala’  l-inkwiet  politiku  minħabba  r-riżultat  pervers  tal-Elezzjoni  Ġenerali  tal-1981  fejn  il-Partit  Laburista  ġab  aktar  siġġijiet  mill-Partit  Nazzjonalista  iżda  inqas  voti.  Dak  iż-żmien  il-Kostituzzjoni  ta’  Malta  kienet  tgħid  li  jiggverna  min  ikollu  l-iżjed  siġġijiet.  Sadanittant,  lejn  l-aħħar  tal-1984,  Dr  Karmenu  Mifsud  Bonnici  laħaq  Prim  Ministru  ta’  Malta  u,  wara  tibdil  kostituzzjonali  biex  tiġi  solvuta  l-kwistjoni  tar-riżultat  pervers  tal-1981,  kien  hu  li  mexxa  lill-Partit  Laburista  fl-Elezzjoni  Ġenerali  tal-1987.  Il-Partit  Laburista  tilef  din  l-elezzjoni  kif  ukoll  dik  tal-1992.

Fl-1992,  Dr  Alfred  Sant  laħaq  Mexxej  tal-Partit  Laburista.  Huwa  kien  strumentali  biex  il-Partit  Laburista  jkollu  kwartieri  ġodda  fil-Ħamrun,  iċ-Ċentru  Nazzjonali  Laburista,  kif  ukoll  il-ġurnal  tiegħu,  “Kullħadd”,  u  l-istazzjon  televiżiv  tiegħu.  Dr  Alfred  Sant  mexxa  lill-Partit  lejn  rebħa  elettorali  fl-1996.   Il-Gvern  Laburista  dam  fil-poter  tnejn  u  għoxrin  xahar.  Kellna l-ewwel  Speaker  mara  tal-Kamra  tar-Rappreżentanti,  Dr  Myriam  Spiteri  Debono.  Kwistjonijiet  interni  fi  ħdan  il-Gvern  Laburista  wasslu  għall-Elezzjoni Ġenerali  bikrija  tal-1998  li  ntrebħet  mill-Partit  Nazzjonalista.

Il-bidu  tas-seklu  wieħed  u  għoxrin  kien  dominat  mill-kwistjoni  dwar  is-sħubija  ta’  Malta  fl-Unjoni  Ewropea.  Il-Partit  Laburista  ħareġ  tellief  fl-Elezzjonijiet  Ġenerali  tal-2003  u  l-2008  u  wara  r-riżenja  ta’  Dr  Alfred  Sant,  Dr  Joseph  Muscat  kien  elett  Mexxej  tal-Partit  Laburista  fis-6  ta’  Ġunju,  2008.

Taħt  Dr  Muscat,  il-Partit  bidel  ismu  għal  “Partit  Laburista”  kif  ukoll  inbidlet  l-emblema  tiegħu.  Il-partit  sar  wieħed  inklussiv  li  jieħu  ħsieb l-interessi mhux  biss  tal-ħaddiema  iżda  anke  ta’  min  iħaddem.  Minn  sempliċi  partit  politiku  l-Partit  Laburista  nbidel  f’moviment  nazzjonali  li  għandu  fi  ħdanu  nies  minn  kull  livell  soċjali,  minn  kull qasam  tax-xogħol,  b’opinjonijiet  diversi  u  twemmin  differenti.  Fl-Elezzjoni  Ġenerali  tal-2013,  il-Partit  Laburista  kiseb  rebħa  kbira  meta  ġab  54.83%  tal-voti.  Rebħa  li  ġiet  ripetuta  b’żieda  ta’  voti  fl-Elezzjoni  Ġenerali  tal-2017  fejn  il-Partit  Laburista  kiseb  55.04%  tal-voti.  Bħala  Mexxej  tal-Partit  Laburista,  Dr  Joseph  Muscat  rebaħ  ukoll  l-Elezzjonijiet  tal-Parlament  Ewropew  tal-2009  u  l-2014  kif  ukoll  dawk  tal-Kunsilli  Lokali  tul  iż-żmien  li  ilu  Mexxej,  jiġifieri  tal-2009,  l-2012,  l-2013  u  l-2015.

Kemm  ilu  Prim  Ministru  ta’  Malta  Dr  Joseph  Muscat,  il-pajjiż  ra  bidla  pożittiva  fl-oqsma  kollha  tal-ħajja.  L-ekonomija  kibret  biex  saret  waħda  mill-aqwa  fl-Ewropa.  Il-problema  tal-qgħad  issolviet  għal  kollox,  iddaħħlu  diversi  miżuri  soċjali  u  sar  aċċenn  fuq  id-drittijiet ċivili u l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi.  Ingħatat  ukoll  importanza  kbira  lill-isforz  biex  in-nisa  jkunu  rappreżentati  aħjar  fil-ħajja  pubblika.  Rajna  investiment  barrani  qawwi  f’pajjiżna  u  Malta kisbet diversi suċċessi bħala membru tal-Unjoni Ewropea,  partikolarment  fil-Presidenza  tal-Kunsill  tal-Unjoni  Ewropea  bejn  Jannar  u  Ġunju  tal-2017.  Fuq  kollox,  il-ġid  nazzjonali  li  nħoloq  mill-Gvernijiet  Laburisti  mmexxija  minn  Dr  Joseph  Muscat  qed  igawdi  minnu  kulħadd:  it-tfal,  iż-żgħażagħ,  l-adulti  maturi  u  l-anzjani  f’kull  saff  soċjali.

Il-Partit  Laburista  għadu  u  jibqa’  għaddej  bil-proċess  ta’  bidla  għaliex  huwa  partit  politiku  dinamiku  li  jrid  jibqa’  dejjem  rilevanti  f’dinja  li  qed  tinbidel  il-ħin  kollu.