Skip to content

“Jekk il-partiti soċjalisti jridu jkunu b’saħħithom u relevanti jridu jżommu bħala prijorità ta’ ħidmiethom il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Aħna qegħdin fit-tmexxija għax fdawna n-nies u f’ħidmietna rridu ngħinu n-nies jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.” 

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio dwar il-laqgħat li kellu fl-aħħar jiem fi Brussell u f’Berlin fejn ġew diskussi diversi temi fosthom il-Covid-19, l-immigrazzjoni u l-Libja. 

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru tenna li l-kordinazzjoni hija kruċjali. “Mhux sew pajjiżi l-eqreb lejn il-Libja jerfgħu piż sproporzonat. Mhux kwistjoni li int twaqqaf biss it-tluq jew tilqa’ għat-tluq f’nofs ta’ baħar imma kif se tindirizza l-problema fuq ix-xtut libiċi.” 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif il-pandemija tibqa’ suġġett primarju. “Tkellimt dwar kif pajjiżna kien wieħed mill-katalisti fil-pandemija. Ikkumbinajna żewġ approaches. Ħdimna b’mod bħsaħħtu fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u t-tieni investejna fis-saħħa tan-nies… Fl-aħħar sigħat ilħaqna iktar minn 70% tal-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex li ħadet il-vaċċin kontra l-COVID-19. Tajna iktar minn 650,000 doża li jfisser li iktar minn 81% tal-popolazzjoni adulta ħadet minn tal-inqas doża tal-vaċċin.”

Robert Abela tkellem ukoll dwar kif l-irkupru ekonomiku se jkun wieħed b’saħħtu u f’livell rapidu. “Il-prospett hu li jkun wieħed b’saħħtu għaliex żammejna l-qgħad milli jerfa’ rasu. Illum, l-irkupru ekonomiku qed nagħmluh minn punt ta’ tluq aqwa minn dik tal-pandemija.” 

F’Berlin, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll mal-Viċi Kanċillier u l-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż, Olaf Scholz fejn spikka kif il-viżjoni li għandhom għall-pajjiżi rispettivi – “Viżjoni li taqbel preċiżament ma’ tagħna. Ir-rispett lejn in-nies. Dik hija t-tema ewlenija. Għalkemm il-Ġermanja huwa pajjiż massiv b’ekonomija massiva, il-prinċipju jibqa’ n-nies… Aħna emminna fin-nies billi emminna fil-kwalita’ ta’ ħajja tan-nies, salvajna l-impjiegi u opportunitajiet indaqs. 

Robert Abela semma wkoll il-Pjan ta’ Rkupru b’Fondi Ewropej li se jitressaq għada quddiem il-kabinett u kif “permezz ta’ dawn il-fondi nkomplu nistimulaw l-ekonomija. Iżda, nistimulaw l-ekonomija wkoll skont il-prijoritajiet tal-pajjiż, inkluż dawk ġodda u post covid. Dawn il-fondi huma parti mill-pakkett li ġie negozjat lura f’ Lulju tal-2020 u li kien l-akbar wieħed li qatt ġie allokat lil pajjiżna. U ħa nfakkar ftit ta. Tiftakar dak iż-żmien kulħadd jipprevedi kemm se nieħdu inqas fondi? Kulħadd bit-teoriji tiegħu għax kemm kibret l-ekonomija, għax wara Brexit u kulħadd jgħidilna li se jkollna inqas fondi. Minflok ġibna l-ikbar pakkett fl-istorja. Għax dan il-gvern jaf kif jaħdem quddiem l-isfidi l-kbar. Ġibna dawn it-320 miljun bħala parti minn dan il-pakkett ta’ iktar minn żewġ biljun ewro.” 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-eżitu tal-vot tal-FATF u qal “kif għamilna f’kuntest ta’ sfidi oħra, hekk se nagħmlu f’din. Urejna kemm dan hu Gvern kif għandu jaħdem f’kuntest ta’ pandemija. Mhux talli ma jaqtgħalniex qalbna iżda jimla fina sens ta’ determinazzjoni biex nagħmlu l-ġid.”

Robert Abela fakkar kif “fl-aħħar tal-2019, kellek rapport tal-moneyval fejn kellek 58 action point. Kieku l-affarijiet mxew b’mod normali, kien impossibi biex timplimentah. Aħna għidna mhux ħa nħallu qalbna tinqata’ minn dan ir-rapport. Irnexxielna nimplimentaw 55 azzjoni fi żmien qasir. Jekk tara l-bidliet leġislattivi li għamilna, kienu impressjonanti. Moneyval tatna ċertifikat ta’ eċċellenza… Issa hemm tliet areas oħra li rridu naħdmu bi professjonalita’ u naraw li jkunu effettivi.” 

L-isfida li għandna quddiemna rridu nsolvuha. Irridu naħdmu qatigħ flimkien. Il-Prim Ministru għalaq b’dan il-messaġġ ċar fejn sostna li rridu “nibqgħu ntejjbu r-relazzjonijiet diplomatiċi. Lanqas huwa messaġġ li ngħidu qisu xejn mhu xejn li mhux ħa nagħtu kas. Anzi, ħa nieħdu dil-kwistjoni bis-serjeta’. Bl-istess impenn li għamilna fi sfidi oħra, se nidħol għal dan l-impenn biex f’din l-isfida noħorġu ċertifikat ta’ eċċellenza għal pajjiżna.”

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin