Skip to content

aħbarijiet

May 31, 2020

“Ġejjin ġimgħat eċitanti għal Malta. Ġimgħat li se jfissru r-ritorn għan-normalità” – PM

“L-istatisika turi b’mod ċar ħafna li l-Covid-19 hija warajna u issa beda l-perjodu kruċjali li permezz tiegħu ħa nirritornaw għal normalità sħiħa.”

Hekk beda l-intervista tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fuq ONE fejn ħabbar id-direzzjoni li ser ikun qed jimxi fuqha l-pajjiż fiż-żmien li ġej.

ll-Prim Ministru beda billi ħabbar li minn għada se jkun hemm iktar tneħħiha ta’ miżuri restrittivi li se jidħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju.

“Minn nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju ser ikollna l-bqija tal-istabbilimenti li ma ftaħniex sa issa li jiftħu, niġu lura għan-normalità. Jekk għandna l-Qorti, s’issa għadha magħluqa, il-Qorti tiftaħ mill-ġdid u taħdem. Jekk għandna gyms li ma kienux qed joperaw jidħlu lura u jaħdmu. Friday nistgħu nitkellmu, 5 ta’ Ġunju, li verament morna lura għal din in-normalità. Jiġifieri beħsiebna inħabbru wkoll protocols ġodda li ser ikunu qed jaħdmu. Protocols sempliċi biex inħarsu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin mingħajr ma nagħmlu miżuri wisq restrittivi li jdejqu dak li jkun.”

Il-Prim Ministu ħabbar ukoll li t-Tnejn 8 ta’ Ġunju ser ikollna Baġit multi-miljunarju li ser ikompli jqassam il-ġid u mhux jieħu.

“Baġit multi-miljunarju fejn mhux se mmorru biex nieħdu lura dak li tajna fl-aħħar ġimgħat imma biex inkomplu nqassmu. Dik kienet ix-xewqa tagħna mill-bidu nett. Però Baġit li se jippremja lil dawk li lesti jinvestu. Dawk li lesti jonfqu. Mhux se jkun Baġit li jinċentiva l-għażż imma baġit li jinċentiva l-bżulija u juri ringrazzjament lin-negozji tagħna li f’dawn l-aħħar ġimgħat tant kienu reżiljenti.”

Robert Abela saħaq li d-depożiti tagħna fil-banek telgħu b’miljuni kbar u għalhekk dak li tpoġġa l-bank wasal iż-żmien li jintefaq.

“Se jkun Baġit sabiħ. Baġit ta’ inċentivi kbar li l-pajjiż qatt ma ra bħalhom.”

Robert Abela spjega wkoll li l-ajruport u l-portijiet ser ikunu qed jiftħu nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju.

“Hemmhekk se tkun milestone oħra importanti b’miżuri u prekawzjonijiet normali li mhumiex overboard…Ħa nkunu qegħdin naħdmu b’għaqal u kawtela.”

Dan mhux kollox hekk kif il-Prim Ministru ħabbar miżura fejn fiha ser tkun qed tiġi kkunsidrata amnestija għall-multi li weħlu ċertu individwi.

“Hija x-xewqa tiegħi li nintroduċu fl-immedjat mekkaniżmu li permezz tiegħu tkun tista’ tiġi kkunsidrata amnestija għall-multi li weħlu n-nies f’dawn l-aħħar ġimgħat. Infakkru dawn kienu episodji fejn min weħel il-multi mhuwiex kriminal u ħafna mill-każijiet kienu każijiet ta’ nies li bi żball, b’nuqqas ta’ attenzjoni, bil-fatt li sibna ruħna f’ċirkostanza li qatt ma kellna bħalha f’pajjiżna nixtieq li jkun hemm dan il-mekkiżmu li permezz tiegħu anke jekk ikun hemm persuna li diġà ħallset il-multa tkun tista’ tapplika biex taħfer il-multa. Jekk tħalset diġa tkun tista’ tingħata refund lura.”

Intant il-Prim Ministru indirizza l-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia hekk kif kontinwament ġimgħa wara ġimgħa jitkellem fuq l-elezzjonijiet.

“Jien nimmeravilja ruħi li fil-mument pajjiżna għandu bżonn l-istabbiltà xi ħadd jemmen li għandna nżommu elezzjoni ġenerali. Ilkoll nafu li elezzjoni ġenerali ma ġġibx stabbiltà magħha. Dan il-Gvern għandu mandat sal-2022 u beħsiebna nagħmluh dan il-mandat.”

 

 

“Kien jaf min iffirma d-denunzja l-ħsara li għamel bl-azzjonijiet tiegħu” -PM

“Dawn kienu akkużi li setgħu tefgħu lill-Armata, lill-Brigadier u lili għomorna l-ħabs. Akkużi li l-iskop warajhom kien li jiddistabbiliżżaw il-pajjiż…Din l-inkjesta turi li kemm il-Governanza t-tajba f’pajjiżna hija xi ħaġa li għandna niftaħru biha.”

Hekk qal il-Prim Ministru dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali li ġiet ippublikata l-bieraħ.

“Jekk l-Onorevoli Azzopardi kien beħsiebu jagħmel azzjoni legali qabel tixħetna għall-investigazzjoni missu talab għal spjega mingħandna. L-intenzjoni kienet li barra minn xtutna timxi, “il-Prim Ministru b’inkjesta maġisterjali”, biex jintbgħat għomru l-ħabs.”

Il-Prim Ministru sostna li Jason Azzopardi u dawk li jikkomunika u jikkonfoffa magħhom jaħsbu li għandhom id-dritt tas-Saltna. B’hekk appella lir-għaqda Repubblika sabiex ma tħallix lil min jużahom għall-għanijiet ulterjuri u tibqa’ taħdem bħala soċjetà ċivili.

“Jien hemm min irid rasi fuq platt. Jien ngħidilhom li m’għandhomx ċans. Aktar ma jiġu dawn l-attakki aktar inkun reżiljenti…Jien nitlob apoloġija waħda lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li għaddew minn martirju tilgħin u niżlin il-Qorti u ġimgħat inkwetati fuq xogħlhom għaliex kienu jafu l-konsegwenza ta’ din l-inkjesta maġisterjali.”

B’hekk Robert Abela qal li Adrian Delia għandu għażla.

“Adrian Delia għandu għażla jew li jkomplu jbiegħ ruħu għal din il-fazzjoni tal-Partit Nazzjonalista inkella għall-ewwel darba jieħu pożizzjoni soda u jgħid li dawn il-pożizzjonijiet ma jaċċettahomx.”

 

 

“Aħna ħa nkunu l-bridge bejn il-Libja u l-Ewropa” – PM

Meta mistoqsi dwar iż-żjara tiegħu fil-Libja aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li “800,000 hija ċ-ċifra ta’ immigranti fuq l-ixtut tal-Libja li lesti biex jaqsmu u kellna konferma uffiċċjali fiż-żjara tagħna fil-Libja. Ħadna d-deċiżjoni li mmorru direttament il-Libja u kienet esperjenza li turik il-problema vera x’inhi…Għandhom influss ta’ immigrazzjoni mill-border tan-Nofsinhar tagħhom biex jaqsmu ħalli jfittxu futur aħjar.”

Matul din iż-żjara il-Prim Ministru qal li Malta għamlet il-pożizzjoni tagħha b’saħħitha u ċara.

“Iva l-pożizzjoni ta’ immigranti fuq id-dgħajjes barra mill-kosta tagħna mhux pożizzjoni komda imma salvajna l-ħajjiet. Imma qed nagħmlu l-pożizzjoni ċara wkoll li ma nistgħux nifilħu iżjed immigranti u dak huwa statement ċar minn naħa tagħna. Statement ċar ma’ sħabna l-Ewropej li ma jistax ikun aħna li f’pajjiżna jibqgħu deħlin id-dgħajjes u mekkaniżmi ta’ rilokazzjoni kulħadd jaħsel idu minnhom.”

Temm jgħid li ż-żjara fil-Libja kkonsolidat prinċipju ewlieni.

“Aħna ħa nkunu l-bridge bejn il-Libja u l-Ewropa. Dak il-pajjiż li jifhem il-problema tal-Libja. Il-Libja ma nikkundannawhiex aħna. Nifhem il-problemi li hemm interni f’pajjiżhom, ikkaġunati fost oħrajn bil-problema tal-immigrazzjoni. Li nista’ ngħid huwa li fil-Libja tradizzjonalment kellna pajjiż ħabib ta’ Malta. Illum ikkonsolidajna dik ir-relazzjoni ta’ ħbiberija u fiduċja. Hemm spirtu ta’ koperazzjoni sħiħa. Kienet żjara simbolika u ta’ azzjoni konkreta li se ssarraf f’ħafna ħidma bejna u bejn il-Libja biex niżguraw li Malta tieħu t-trattament xieraq li jixirqilha. L-istess lill-Libja u l-messaġġ li qed jasal mit-tmexxija Libjana jasal fejn għandu jasal fl-istituzzjonijiet Ewropej. Aħna konna u se nkunu katalisti ta’ din il-bidla.”

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin