Skip to content

aħbarijiet

February 28, 2021

“Gvern li jimxi bil-prinċipji tas-serjetà u l-korrettezza u Oppożizzjoni li timxi bil-konvenjenza” – Il-PM

F’attività politika l-Ħadd filgħodu fir-Rabat, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela elenka d-differenza ewlenija bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, li fuq naħa hemm Gvern li jmexxuh il-prinċipji tas-serjetà u l-korrettezza u fuq in-naħa l-oħra, Oppożizzjoni li timxi bil-konvenjenza u tiddeċiedi li ma tiddeċidix.

 

Il-Prim Ministru kien qed jitkellem fl-isfond tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn l-Oppożizzjoni reġgħet ħarġet b’attakk kontra l-istituzzjonijiet.

 

“Jekk hemm kelma li twerwer lill-Oppożizzjoni hija l-għaqda, u dik hija l-kelma li dan il-moviment huwa konvint minnha, l-għaqda nazzjonali. F’mument hekk importanti, dil-ġimgħa, mument fejn il-maturità politika kienet titlob li flimkien bħala Tim Malta nibagħtu messaġġ wieħed barra minn xtutna li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qegħdin jaħdmu u minflok kellna kurrenti mill-Oppożizzjoni li raw kif għamlu biex bagħtu messaġġi bil-maqlub. Messaġġi biex idaħħlu d-dubju, ma nasal qatt biex nagħmilha.”

 

Il-Prim Ministru semma lil Rosianne Cutajar, li ġabet l-interessi tal-pajjiż qabel tagħha personali meta b’mod matur, iddeċidiet li ma timpattax il-ħidma tal-Gvern.

 

“Nifhem meta tgħiduli, imma ħaddieħor jaħrab minn kull responsabbiltà u tagħna dejjem ilaqqtuha. Imma aħna fdati għaliex immexxu bl-eżempju, u dik hija d-differenza fundamentali. Aħna fdati min-nies biex immexxu bl-eżempju però ara xi ħadd jaħseb li aħna dgħajfa. Intelliġenti iva, imma dgħajfa le, u dgħajfa mhu se nkunu qatt.”

 

Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, għandu juża l-istess kejl fi ħdan il-Partit tiegħu.

 

“X’se jagħmel Bernard Grech dwar Adrian Delia? Allegazzjonijiet tal-waħx li hemm fil-konfront tiegħu u jibqa’ ma’ jiħux deċiżjoni dwaru? Kif jista’ jkun ikollok Membru Parlamentari fil-Grupp Parlamentari tiegħek li dwaru hemm dawn l-allegazzjonijiet u tibqa’ ma tagħmel xejn dwaru? Tibda tistaqsi lilek innifsek għaliex fuq naħa tattakka b’tant vuċi voċifera lill-Gvern u meta tiġi għalik innifsek, tiddeċiedi li ma tagħmel xejn. Kif bl-istess kejl li tlabtu fuq Rosianne Cutajar, mhux qed titkellmu fuq Jason Azzopardi jew Adrian Delia?”

 

Robert Abela qal li Tim Malta ma jimxi qatt bl-interess politiku partiġġjan imma jpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel.

 

“Ġimgħa ilu kien hemm xi ħadd li qalilna iġri tgħaddi l-pandemija ħalli mmorru għall-elezzjoni u jien ngħidlu li l-elezzjoni ssir meta niddeċiedi jien. Dan ngħidu b’sens ta’ umiltà u b’responsabbiltà lejn il-mandat b’saħħtu li għandna mill-poplu Malti u Għawdxi biex immexxu… Irrid li noħorġu mill-pandemija għax irrid nara lin-nanniet jgħannqu lin-neputijiet tagħhom, għax irrid nara lin-negozji jagħmlu l-profitti, irrid nara lill-familji jirrilassaw u jkunu jistgħu jsiefru, irrid nara lil pajjiżna jimtela’ bit-turisti u l-impjiegi li dan is-settur jiġġenera jerġgħu jissaħħu, għalhekk irrid li noħorġu mill-pandemija.”

 

L-għada li ħabbar riforma li se tindirizza l-problema fil-kirjiet ta’ qabel l-1995, u li se jgawdu minnha xejn inqas minn 10,000 familja, il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern ma jibżax mir-riformi l-kbar imma jidħol għalihom b’determinazzjoni u b’konvinzjoni ċara.

 

Hawnhekk saħaq fuq l-importanza li jħoss il-polz tan-nies u ħabbar li l-Gvern se jestendi t-tnaqqis tal-ħlas tat-taxxa tal-boll fuq il-konvenji minn Marzu sa Lulju.

 

“Ta’ kuljum nisma’ x’qed jgħidulna n-nies mit-toroq, fejn sejrin tajjeb u fejn nistgħu mmorru aħjar. Fuq bejgħ tal-proprjetà nisma’ mingħand nutara, mingħand żgħażagħ li jixtiequ jixtru, u jgħidulna li mhux se jlaħħqu jiffirmaw il-konvenju sa Marzu sakemm għandna l-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll. Illum se nerġa’ nagħti s-serħan il-moħħ li d-data li fiha jrid jiġi ffirmat il-konvenju se nestenduha minn Marzu għal Lulju ta’ din is-sena sabiex nagħtu s-serħan il-moħħ liż-żgħażagħ tagħna li jistgħu jidħlu għax-xiri tal-proprjetà tagħhom u lis-settur b’mod ġenerali bħalma nagħtu s-serħan il-moħħ lil kull settur ieħor f’pajjiżna.”

 

Il-Mexxej Laburista qal li l-fiduċja ma tiġix malajr, imma għax il-poplu jara l-azzjonijiet konsistenti ta’ kuljum u l-viżjoni ċara għall-pajjiż, kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul.

 

Semma kif dan il-Gvern sab ma’ wiċċu ħamsa u għoxrin sena ta’ żbalji taħt Gvern Nazzjonalista.

 

“Jakkużawna bi żvilupp bla rażan kullimkien. Li l-ambjent tajnih bis-sieq. Jiena niskanta kif jitkellmu b’dan il-mod għaliex l-iżvilupp tal-bini li qed isir illum huwa skont il-pjanijiet lokali li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-2006… L-arkitett tal-isfreġju ambjentali u fil-pjanijiet lokali tal-2006, illum huwa l-id il-leminija tal-Kap tal-Oppożizzjoni li tpoġġa hemmhekk biex jagħti l-ordnijiet fil-Partit Nazzjonalista u nistaqsi jiena, hija din is-sens ta’ trasparenza u serjetà fit-tmexxija li aħna rridu li pajjiżna jimxi biha ’l quddiem? Tajjeb li ma ninsewx il-passat għax meta n-nies li kienu jmexxu fil-passat huma l-preżent, ifisser li l-Oppożizzjoni għandha x’toffri dak li kellna qabel l-2013.”

 

Il-Prim Ministru qal li l-poplu għandu Gvern konvint mis-serjetà u t-trasparenza li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, għaliex huwa konvint li dan il-poplu ħaqqu l-aqwa livell ta’ tmexxija.

 

Lejliet li fil-Parlament tibda d-diskussjoni dwar l-emendi fil-liġi tad-divorzju biex kulħadd ikollu l-opportunità li jgħix ħajtu kif jixtieq hu, il-Prim Ministru reġa’ tenna l-appell tiegħu biex kulħadd jissieħeb f’Tim Malta.

 

“Noħolmu kbir għal pajjiżna għax nemmen fil-pajjiż, nemmen fil-ħiliet ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Għaddejna minn sena iebsa, imma qatt ma bżajna mill-isfidi. Għandna storja kbira li dejjem uriet li aħna l-Gvern li quddiem l-għażliet diffiċli, inkunu fuq in-naħa tas-sewwa u hekk bi ħsibni nibqa’ nagħmel. Agħmlu kuraġġ, ngħixu f’pajjiż fejn ikbar ma huma l-isfidi, ikbar hija s-saħħa tal-poplu tagħna. Iktar jirbaħ bis-saħħa Tim Malta, għalhekk b’saħħitna nħarsu ’l quddiem għal pajjiż li għada jkun dejjem aqwa milli hu llum. Tim li dejjem qed jikber u huwa konvint fil-kwalitajiet tal-poplu Malti u Għawdxi.”

 

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin