Għin
lill-Partit Laburista
February 14, 2021
“Ibqgħu xerrdu l-valuri tal-imħabba ħalli mmexxu lill-pajjiż fejn verament jixraqlu” – il-PM
F’attività politika fejn reġa’ spikka l-messaġġ b’saħħtu favur l-għaqda nazzjonali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela appella biex kulħadd ixerred il-valuri tal-imħabba ħalli flimkien immexxu lil dan il-pajjiż fejn verament jixraqlu.
B’ton ottimist għall-ġejjieni, il-Prim Ministru qal li qiegħed joqrob il-mument li nirritornaw lejn in-normalità, u semma t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li qalet li sas-sena d-dieħla, pajjiżna se jkun l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se jkollu tkabbir ekonomiku.
Fakkar kif fix-xhur li għaddew, kemm kien hemm min mexxa kampanji sottili biex jipparalizza l-ekonomija, imma dan il-Gvern kien dejjem il-vuċi ta’ tama u tkellem b’onestà.
“Aħna dejjem imxejna b’politika ta’ onestà u dan l-istil huwa dak li jixraqlu l-poplu tagħna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li ninsabu l-agħar fl-Ewropa fil-pjan ta’ tilqim. Issa li hemm l-istatistika iswed fuq l-abjad, aħna l-aqwa fil-mod kif qed inlaqqmu lin-nies. L-ebda illużjoni m’hi se tegħleb lill-politika tal-onestà. In-nies jafu u mhux se jinsew min dejjem żammilhom il-moral għoli fl-aħħar xhur u min daħħal is-swied il-qalb u d-dubju jew ipprova jdaħħal il-fehma f’moħħ in-nies li pajjiżna ma kien se jirkupra qatt minn din is-sitwazzjoni diffiċli.”
Il-Prim Ministru semma żjara li kellu f’kumpanija lokali din il-ġimgħa fejn ra d-differenza li għamlet il-ħidma ta’ Gvern Laburista fl-aħħar snin, meta kumpanija telqet mix-xejn b’investiment li sar bejn imprenditur lokali u imprenditur li ġab iċ-ċittadinanza Maltija bis-saħħa tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
“Ejja ħa noħolmu kbir u ejja ħa nwettqu kbir. Ejja ħa nibqgħu ottimisti u nkunu ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja ta’ poplu reżiljenti li quddiem il-maltemp, juri l-kwalitajiet ta’ saħħa li għandu għax aħna poplu li kull fejn immorru niftaħru b’pajjiżna u li nħobbu lil pajjiżna, li ma nistħux ngħidu li aħna Maltin u mmorru barra minn xtutna u ngħidu li aħna Griegi. Il-Malti veru, qatt ma jistħi jiftaħar li huwa Malti.”
Bħalma semma t-tajjeb, Robert Abela semma wkoll lil dawk li sofrew l-aktar fil-pandemija, imma semma wkoll ir-ruħ soċjali tal-Gvern għax ma jrid lil ħadd jaqa’ lura.
“Ħriġna b’liġi ġdida din il-ġimgħa fejn għas-sena 2020, il-qliegħ se jitqies daqskemm kien f’Jannar u fi Frar. Mela jekk inti f’Jannar u fi Frar kont qiegħed taqla’ dak li kont qed taqla’ fis-sena ta’ qabel meta ma kellniex pandemija, il-qligħ tiegħek għas-sena 2020 jitqies daqs dak li nħadem għal Jannar u Frar. Se jkollna sitwazzjoni fejn dawk kollha li sofrew telf fl-2020, għall-fini tal-pensjoni tagħhom se jitqies daqs li kieku ma kellhomx telf u dan se jissarraf f’pensjoni li bl-ebda mod m’hi se titnaqqas minħabba l-COVID.”
Il-Prim Ministru semma t-tħassib tiegħu fuq is-saħħa tan-nies għaliex tista’ tolqot lil kulħadd, imma nnota b’sodisfazzjon li diġà laqqamna aktar minn 50,000 ruħ.
“Ilbieraħ rajt statistika maħruġa mill-Unjoni Ewropea li ma jmeriha ħadd, li turi li aħna laqqamna aktar minn 10% tal-popolazzjoni tagħna, l-ewwel fl-Unjoni Ewropea fir-rata ta’ tilqim ras għal ras. Kieku llum kien hemm imexxi l-Partit Nazzjonalista ibqgħu ċertu u żguri li llum qed nieklu lil xulxin bil-ġuħ u kieku llum vera għadna qed nistennew April biex jasal il-vaċċin. Minflok, qed naraw li f’Marzu jkollna r-raba’ vaċċin li għandna kwart ta’ miljun doża li se jkun game changer tal-Johnson and Johnson, li jingħaqad mat-tliet ditti l-oħra li qed naħdmu bis-saħħa biex inġibu kemm nistgħu minnhom u nlaqqmu ħalli t-triq għan-normalità tkun kemm jista’ jkun malajr.”
Il-Prim Ministru semma kif f’nofs pandemija, baqgħet għaddejja ħidma bla preċedent fuq bosta proġetti infrastrutturali.
Ġew iffirmati wkoll ftehimiet biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, fosthom mal-Korporazzjoni tal-Ilma, mal-Armata u mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Semma wkoll il-bidla radikali fil-gżira Għawdxija, fejn b’kuntrast mal-Oppożizzjoni, ikun hemm min jgħid li t-tieni fibre optic cable huwa ħrafa ta’ Esopu.
Dr Abela qal li l-ħidma baqgħet għaddejja anki fis-settur tal-immigrazzjoni.
“Bħalma jiena konvint li l-irkupru ekonomiku se jkun qrib u b’saħħtu, bl-istess mod naf li fl-immigrazzjoni ġej sajf iebes. Għalhekk bqajna naħdmu biex inrażżnu l-problema, u l-fatt li f’dan il-mument dan is-suġġett mhux fuq nett tal-aġenda, huwa l-aqwa ċertifikat li l-Gvern qed ikollu suċċess fil-ħidma tiegħu… L-immigrazzjoni mhux suġġett li tista’ toqgħod tieħu r-ritratti u tippoża u tidher sabiħ, għax huwa suġġett ta’ deċiżjonijiet ibsin li jmissu l-kuxjenza tiegħek ta’ pressjonijiet kbar però nemmen li hija tema li tiddistingwi mexxej veru għal mexxej li mhux lest li jiħu deċiżjonijiet. Il-pożizzjoni tiegħi hija ċara, l-ewwel jiġu l-interessi tal-Maltin u tal-Għawdxin.”
Il-Prim Ministru semma l-attakk li sar din il-ġimgħa fuq żagħżugħ li jimmilita fil-Partit Laburista għax huwa membru f’bord. Qal li b’differenza, dan il-Gvern ħoloq kundizzjoni fil-kuntratt tal-istess bord biex ikun hemm membru żagħżugħ għax dan huwa Gvern li jemmen fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ.
“Din il-ġimgħa kellna ħatra importanti ħafna fil-pajjiż, f’Kumitat li jirrevedi l-għotja ta’ tenders pubbliċi, il-Public Contract Review Board. Dan huwa Kumitat li quddiemu jidhru appelli minn tenders tal-Gvern ġejjin minn fondi pubbliċi li ġieli jkunu ta’ miljuni, wieħed mill-iktar bordijiet kruċjali u sensittivi. L-għażla tal-Gvern għaċ-Chairman, ħtarna avukat li huwa eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-istess esponent tas-Soċjetà Ċivili li jmexxi l-blog li bih jikkontrolla l-Kap tal-Oppożizzjoni ma qalilniex li ftit tal-jiem ilu nħatar Kummissarju għall-Edukazzjoni li hija persuna li sikwit tagħti intervisti fuq dan il-blog partikolari u li tikkritika b’mod assidwu lill-Gvern. Ir-realtà hija wahda; li huma jistgħu u aħna le.”
Il-Prim Ministru kellu messaġġ għal kull min irid jiddemoralizza liż-żgħażagħ; li hu se jkun qed jiddefendi lil kull żagħżugħ u żagħżugħa f’pajjiżna.
Bl-istess mod se jiddefendi lil żgħażagħ bħal Nicole Grech u Yves Borg Bonello li fil-kritika tagħhom lejn dan il-Gvern, għandhom kull dritt li jsemmgħu leħinhom.
“Ejjew magħna ħa nkunu parti minn Tim Malta li tant għandu għal qalbu lill-pajjiż lil hinn mill-politika partiġġjana. Tim Malta li jemmen fil-bilanċ fit-tmexxija tal-pajjiż, li jkollna żgħażagħ, nisa, nies ta’ mezz età, nies ta’ esperjenza. Kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu anki min għandu fehmiet politiċi differenti biex immexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Tim Malta li jrid l-għaqda nazzjonali, ejja ħa nieħdu lil Malta u lil Għawdex lejn prosperità ġdida, ejjew nibqgħu magħqudin flimkien u mmexxu l-interessi tal-Maltin u tal-Għawdxin ’il quddiem. Ibqgħu xerrdu l-valuri tal-imħabba u aħsbu f’ħaddieħor biex nieħdu lil dan il-pajjiż fejn verament jixraqlu.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.