Għin
lill-Partit Laburista
March 30, 2023
Il-ġrajja ta’ Malta Ħielsa hija l-boxxla li għandha dejjem tigwidana lejn fejn irridu mmorru.
“Dan il-moviment Laburista li kiseb il-Ħelsien għal pajjiżna, dejjem tmexxa minn prinċipji. Prinċipji li ngħixuhom kuljum u li tajjeb infakkruhom bħala Laburisti, Soċjalisti, u Soċjal Demokratiċi. Fejn aħna nafu li neżistu biex nieħdu d-deċiżjonijiet għall-ħafna, u mhux għall-ftit. Qegħdin hawn biex ngħinu lil min hu batut u naraw li ntejbu l-ħajja tal-inqas wieħed minnha fis-soċjeta’. Mill-gvern, iva anke mill-gvern, irridu nibqgħu nkunu aħna l-akbar aġenti tal-bidla. Fejn naħdmu biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’Xatt ir-Risq, il-Birgu fejn ġie mfakkar l-erbgħa u erbgħin anniversarju ta’ Malta Ħielsa. Ġrajja li ddefinixxiet ġens li f’mumenti ta’ sfida dejjem joħroġ l-aqwa tiegħu.
Il-Prim Ministru saħaq li f’dawn il-jiem qed tiġi mfakkra r-rebħa elettorali ta’ sena ilu u l-għaxar sena ta’ Gvern Laburista.
“Il-poplu sena ilu reġa’ silifna mandat ieħor. U nitkellem dwar tislif ta’ fiduċja għax dik il-fiduċja irridu naħdmu għaliha kuljum. U għalhekk li l-poplu għażel lilna. Għażel li jafdana. Għax kelmitna mal-poplu nżommuha dejjem. Għax jiggwidawna l-prinċipji li jħaddan il-poplu tagħna. Għax ma nħallu qatt l-arroganza tegħlibna. U fejn naraw l-arroganza naqtgħu lha rasha. Jien dejjem kont, għadni u nibqa’ mal-poplu. U nishaq fuq l-umilta’.”
Robert Abela qal ukoll kif il-Partit Nazzjonalista irid biss li jkollu l-poter.
“Ħaddieħor iħobb u għandu kilba għall-poter iktar milli jħobb lil Malta.
Ħaddieħor, suppost Maltin bħalna, użaw lil pajjizna, pajjiżhom stess wara kollox, bhala tarka biex jiddefendu pajjiz ieħor barrani fil-Parlament Ewropew. Sal-bieraħ!! Sal-lum stess dan!! Aħna ma nitkellmux fuq poter…Aħna nitkellmu fuq fiduċja, u kif dik il-fiduċja se nrodduha lura.”
Il-Prim Ministru sostna kif filwaqt li dan il-Partit ifakkar il-passat b’għożża, nitkellmu, noħolmu u nwettqu l-futur ukoll.
“Kull mument li se tisilfuni l-fiduċja tagħkom jien se nuzah biex naħdem ħalli il-piżijiet ma ġġorruhomx intom.Jiena mhu se naqta qalbi qatt quddiem l-isfidi. Kbar kemm huma kbar. Għax jien Mexxej tal-Partit Laburista. U hekk għamlu dawk kollha li ġew qabli. Ma qatgħu qalbhom qatt.”
Robert Abela saħaq kif filwaqt li f’pajjiżi oħra, illum qed jitkellmu fuq familji li din ix-Xitwa batew il-kesħa u żdied il-faqar ħabba l-piżijiet tal-kontijiet, hawn Malta nitkellmu fuq kif se nagħtu kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema, familji u pensjonanti.
“U sena oħra fil-Budget li ġej, se nagħtuhom aktar!!! Għax irridu pensjonanti ħielsa. Li jkunu f’pożizzjoni igawdu dak li batew għalih. Huma l-pensjonanti li sawwru u bnew dan il-pajjiż b’valuri sodi. Fuq in-naħa l-oħra – iż-żgħażagħ. Il-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. Anke hawn, id-differenza ċara minħabba l-prinċipji li jiggwidawna.”
Il-Prim Ministru emfasizza kemm il-poplu Malti u Għawdxi għandu għalxiex ikun kburi li jappoġġja dan il-moviment.
“Għollejna u se nkomplu nsaħħu ċ-children’s allowance għax hija wkoll miżura legat ta’ Gvernijiet Laburisti – biex it-tfal ikollhom opportunitajiet indaqs. Legat li saħħaħnih b’miżuri bħaċ-childcare b’xejn. Monument soċjali ieħor ta’ Gvern Laburista…Iva, l-edukazzjoni u opportunitajiet indaqs għal uliedna huma wkoll parti mill-ġrajja tal-Ħelsien. Għax li nagħtu opportunitajiet indaqs lil kull tifla u tifel f’pajjiżna jfisser li verament inkunu qed nizguraw futur sabiħ għal dan il-poplu.”
Robert Abela semma wkoll kif l-għan ta’ dan il-Gvern mhuwiex biss li jwettaq il-programm elettorali imma li permezz tiegħu naslu lejn soċjeta’ aktar ħanina u lejn ġustizza soċjali li twassal għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ ċar.
“Il-kelma tiegħi mal-poplu Malti hi li se nibqgħu immexxu b’imħabba lejn kulħadd. Immexxu bi prinċipji ta’ ġustizzja soċjali. B’valuri sodi biex intejjbu s-soċjeta’ li ngħixu fiha. Lil uliedna nagħtuhom l-aqwa futur. Lill-anzjani tagħna wens u sostenn wara tant ħidma. Lill-ħaddiema tagħna u l-familji tagħhom l-aqwa kwalita’ tal-ħajja. Għax aħna l-moviment ta’ dan il-poplu ħabrieki. Il-Moviment tal-Ħaddiema u ta’ min Iħaddem. Għax aħna nemmnu fil-potenzjal ta’ kulħadd. Għax aħna lil Għawdex u Malta taghna inħobbuhom. Malta l-ewwel u qabel kollox. Flimkien se nibqgħu nirnexxu. Viva Malta Ħielsa.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.