Skip to content

Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista  

 

Il-PN iwiegħed imbagħad jagħmel fattih

 

Il-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni rtira mill-pożizzjoni tiegħu favur li jsir il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex huwa xhieda oħra ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jwiegħed qabel l-elezzjoni imbagħad wara jagħmel fattih.

“Iwiegħduk xi jwiegħduk fl-aħħar mill-aħħar ma jwettqux. Jinteressahom li jieħdu l-vot  jagħmlu fattihom,” tenna l-Prim Ministru li appella lill-poplu Għawdxi biex jara min iwettaq dak li jwiegħed.

“Jien skantajt bil-u turn enormi li għamel fuq il-mina bejn iż-żewġ gżejjer,” iddikjara Joseph Muscat. Hawn il-Prim Ministru fakkar kif fl-2012 il-PN kien diġa’ beda jitkellem fuq it-tunnel. “Dakinhar il-gvern nazzjonalista qal li naqblu magħha u se nagħmluha. Qabel għamlu l-ewwel studju,” qal Joseph Muscat li spjega kif imbagħad wara saru l-ewwel studji. Spjega kif qabel l-elezzjoni tal-2013 kien imwiegħed mill-Partit Nazzjonalista li jekk jitla’ fil-gvern issir il-mina, filwaqt li l-Partit Laburista qal li se jeżamina tistax issir. Imbagħad fl-ewwel leġiżlatura tal-Partit Laburista fil-gvern bdew l-istudji biex fl-2017 il-Partit Laburista wiegħed li se ssir żgur u llum tinsab fi stadju avvanzat tant li bdew jinkitbu t-tenders.

“Minħabba l-fatt li t-tliet partiti li hemm fil-parlament, it-tlieta wiegħduha din il-mina, għidna ejja mmorru fil-parlament biex ikun min ikun fil-gvern dan il-proġett jibqa’ għaddej,” spjega l-Prim Ministru li fakkar kif il-parlament kien unanimu li din il-mina ssir.

“Jiġi issa fid-dibattitu tal-Ħamis u jgħidli jien għandi l-inwkiet tiegħi fuq dan il-proġett,” qal il-Prim Ministru. “Mela sewwa għandek oppożizzjoni li ħarġet bil-proġett, wegħditu fl-2013 u fl-2017, ivvotat favurih fil-parlament u issa ma trid tagħmlu. U għandek gvern li wiegħdu darba u issa se jkun qed jagħmlu dan il-proġett,” qal Joseph Muscat li ħareġ żewġ tgħalimiet minn dan kollu. L-ewwel waħda hi għall-Għawdxin: “L-uniku partit, l-uniku moviment li lil Għawdex jieħdu bis-serjetà huwa l-Partit Laburista.”

It-tieni waħda hi għal Maltin u l-Għawdxin kollha li jridu jaraw kif il-Partit Nazzjonalista ma jżommx kelmtu.  “Aħna m’aħniex perfetti. Għandna difetti tagħna. Għamilna u nagħmlu l-iżbalji tagħna. Biss magħna l-poplu Malti u Għawdxi jaf fejn hu,” qal Joseph Muscat li ta lista twila ta’ wegħdi li għamel il-gvern u twettqu.

Fix-Xagħra l-Prim Ministru fakkar li din lokalità oħra fejn li kien għall-Partit Nazzjonalista ma sarux elezzjonijiet fil-25 ta’ Mejju u ħeġġeġ lin-nies tax-Xagħra biex joħorġu jivvotaw.

“Il-ġudizzju tal-poplu aħna għandna l-għatx għalih. Niġu quddiem il-poplu bi proposti ċari,” qal il-Prim Ministru.

 

 

Uffiċċju Komunikazzjoni

Partit Laburista

 

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin