Fid-diskors tal-ewwel ta’ Mejju, il-Prim Ministru Robert Abela, ħabbar għadd ta’ inizjattivi maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Fost oħrajn il-Prim Ministru spjega kif:
- Il-ġimgħa d-dieħla jibda jitħallas iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa. €26 miljun għand il-ħaddiema u l-pensjonanti. Din is-sena huwa l-iktar ċekk ta’ rifużjoni ta’ taxxa b’saħħtu. Meta ngħata l-ewwel darba fl-2018, dan iċ-ċekk ta’ rifużjoni kienu investiti fih €12-il miljun, biex illum dan l-inċentiv għall-bżulija, iktar minn irdoppja. F’sitt snin b’din il-miżura waħedha, iktar minn €100 miljun kienu investiti fil-ħaddiem. Minn din il-miżura jigwadanjaw 250,000 persuna. Dan hu l-istess ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa, li l-Kap tal-Oppożizzjoni ried ineħħi bil-programm elettorali tiegħu għall-aħħar elezzjoni ġenerali, liema programm għadu qed jgħid li hu l-pjan ekonomiku tiegħu.
- Il-Prim Ministru spjega kif f’dan ix-xahar se jitħabbru 15-il proġett ta’ spazji miftuħa b’kollaborazzjoni ma’ Kunsilli Lokali u NGOs. Dawn huma proġetti li resqu ‘l quddiem bihom l-istess Kunsilli Lokai, fl-istess ħin se tibda wkoll il-konsultazzjoni dwar proġett f’Bormla fuq sit li kien se jinbena għall-AUM. B’hekk il-Gvern qed jibqa’ jimplimenta l-wegħda tiegħu ta’ investiment fi spazji miftuħa.
- Dwar il-liġijiet ambjentali, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż jrid jibda jiddiskuti bidla biex f’każi fejn ikun hemm appell minn permess, ix-xogħol ma jibdiex sakemm jinqata’ l-appell. Dan biex is-sistema tinħass ġusta. Il-Prim Ministru qal li din hi bidla li trid tkun diskussa biex jiddaħlu mekkaniżmi li filwaqt li ma jagħtux lok għall-abbuż u sabotaġġi, jinħassu ġusti minn kulħadd. Fuq quddiem nett iċ-ċittadin, iż-żgħir.
- Il-Prim Ministru spjega kif wara r-riformi u l-inizjattivi fis-settur tal-housing, issa l-pass li jmiss huma l-proġetti tal-affordabbiltà. Fejn il-Gvern irid jara li l-pajjiż ikollu stock ta’ units affordabbli għal kategoriji ta’ persuni partikolari, bl-istess mod iridu jitwessgħu skemi maħluqa għal dan il-għan bħall-equity sharing. Intant, żvela li applikaw 2,500 għall-iskema fejn il-first-time buyers jingħataw €10,000 fuq għaxar snin. Din hi skema tal-manifest elettorali Malta Flimkien li l-Gvern qed jimplimenta minn kmieni fil-leġiżlatura.
Id-diskors tal-Prim Ministru jinsab f’din il-link: https://bit.ly/3LLURtH
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista