Skip to content

“L-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew ġabet maghħa bilanċ ferm bżonnjuż meta wieħed jikkunsidra n-nomini għall-aktar rwoli importanti fl-Unjoni Ewropea li qablu fuqhom il-mexxejja Ewropej it-Tlieta filgħaxija.” Qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba waqt li kien qed jipparteċipa fl-ewwel sessjoni Plenarja tat-terminu l-ġdid tal-Parlament Ewropew.

 

Il-President il-ġdid tal-Parlament, l-Ewro-Parlamentari tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi David Sassoli, kien elett l-Erbgħa fil-Plenarja ta’ Strasburgu bi 345 vot.

 

L-Ewro-Parlamentari Malti, Alex Agius Saliba, qal li huwa ta’ privileġġ għalih li matul din il-ġimgħa huwa beda l-kariga ġdida tiegħu b’mod uffiċjali, filwaqt li pparteċipa f’din l-elezzjoni għal President ġdid. “Din kienet l-ewwel darba li stajt nipparteċipa b’mod dirett fit-tfassil tal-futur tal-Unjoni Ewropea,” żied jgħid Dr Agius Saliba.

 

Huwa qal li issa li d-deċiżjonijiet dwar min ser ikun qiegħed jokkupa dawn l-irwoli ttieħdu, l-għażliet politiċi għandhom jitpoġġew fil-ġenb u għandha tingħatha l-enerġija kollha biex jinstabu soluzzjonijiet tant bżonnjużi għal bosta sfidi li għandu dan il-kontinent.

 

“Il-Parlament il-ġdid u l-bqija tal-istituzzjonijiet Ewropej iridu jiffukaw biex jagħtu liċ-ċittadini Ewropa aktar soċjali. Ewropa li telimina l-inugwaljanzi u ttejjeb il-ħajja tan-nies”.

 

Agius Saliba sostna li hemm bżonn jinbeda x-xogħol b’mod konkret fuq il-prijoritajiet l-aktar urġenti, bħat-tibdil fil-klima, il-problema tal-immigrazzjoni u s-sostenibbiltà tal-politika Ewropea. Huwa żied jgħid li hemm bżonn li n-nies jesperjenzaw benefiċċji tanġibbli f’oqsma li se jbiddlulhom ħajjithom. “Din għandha tkun il-prijorità tagħna”.

 

L-Ewro-Parlamentari tal-Partit Laburista temm jgħid li jinsab onorat li qed jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin, biex ikollna Ewropa aħjar u aktar ġusta.

 

Din kienet l-ewwel Sessjoni Plenarja fi Strasburgu għall-Membri Parlamentari Ewropej Maltin il-ġodda. Id-disa’ leġiżlatura tal-Parlament Ewropew ġiet dikjarata miftuħa b’mod uffiċjali mill-President Antonio Tajani nhar it-Tlieta fi Strasburgu.

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin