Għin
lill-Partit Laburista
May 14, 2023
“Jekk hawn forza politika li kapaċi ġġib il-bidla hija dik tagħna. Il-Partit Laburista mill-Gvern” – il-PM
“Min għandu politika b’saħħitha x’joffri jitkellem il-ħin kollu dwar kif irid iġedded lil pajjiżna. Għax iva, għamilna kemm għamilna, u ksibna kemm ksibna, xorta dan ma huwiex biżżejjed. Xorta għad hemm bżonn il-bidla… U dawn il-bidliet irridu nġibuhom flimkien fejn kulħadd għandu sehem importanti x’jilgħab.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio saħaq kif il-bidla hija riflessa fit-tmexxija ta’ dan il-gvern, sew jekk hux imsieħba soċjali jew iċ-ċittadini b’mod dirett, l-għan hu li nibqgħu kontinwament viċin in-nies. Bidliet kbar li jitwettqu biex pajjiżna jkompli jikber u jimxi ’l quddiem skont il-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiż.
“Il-qalba diġitali u ambjentali. Kemm xogħol nistgħu nwettqu, kemm effiċjenza nistgħu nżidu bl-investiment fis-settur diġitali. Id-diġitalizzazzjoni, speċjalment l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, mhux li sempliċiment indaħħlu teknoloġiji u servizzi ġodda. Id-diġitalizzazzjoni trid tfisser bidla anke fi proċessi u servizzi li ilhom magħna snin twal. Biex finalment iċ-ċittadin jinqeda aħjar… Hemm imbagħad il-qalba ambjentali li nisħaq fuqha ta’ kull ġimgħa. Ta’ kif l-iżvilupp jista’ jkun sabiħ u fl-istess ħin ambjentalment b’saħħtu. Is-settur pubbiku stess ta eżempji qawwija ta’ dan b’investiment f’binjiet carbon neutral u prattiċi ambjentali. Fis-settur privat ftaħt investimenti ta’ dan it-tip u l-entitajiet tagħna qed iżidu l-inċentivi għal min imur f’din it-triq.”
Il-Prim Ministru aċċena wkoll li l-bidliet effettivi jridu jkunu wkoll bidliet il-kontra ta’ kif jaħsbu xi wħud, dik li titfa’ piżijiet fuq il-poplu biex mingħalina naslu malajr. Strateġija li la ntużat u lanqas se tintuża minn dan il-Gvern b’mod speċjali ma’ dawk li jifilħu l-anqas.
“Għalhekk aktar u aktar hija r-responsabilita tal-Partit Laburista li jkun il-moviment tal-bidla u jsus wara l-Gvern ħalli ma niffukawx fuq il-kisbiet li għamilna imma nibqgħu nħarsu ‘l quddiem u nwettqu l-manifest Malta Flimkien.”
Robert Abela qal ukoll li meta jkun hemm min jipprova jwassal il-messaġġ li l-politika ma tagħmilx differenza fil-ħajja tan-nies, hemm miżuri li jixhdu kemm mhux biss iwasslu għall-bidla pożittiva iżda wkoll differenza f’ħajjet in-nies.
“Kull ġenitur ġdid, huwa wkoll xhieda ta’ dak li tkellimna fil-bidu, ta’ kemm ma’ tista’ tieqaf tbiddel u ma tista’ tgħid qatt li wasalt. Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm min jgħidli, imma issa ma wasalniex biżżejjed fil-qasam tal-IVF jew drittijiet oħra. Għaliex din l-emfasi? U r-risposta tiegħi kienet li kien hemm iktar x’nagħmlu u għalhekk ftit xhur ilu għamilna bidla importanti fil-liġijiet tal-IVF li forsi ma kellniex il-kuraġġ li nwassluha qabel f’leġiżlaturi oħra. Imma li b’determinazzjoni u bl-appoġġ tal-poplu dħalna għaliha u wettaqniha fl-ewwel ġimgħat ta’ dan il-mandat ġdid. Minkejja kull Oppożizzjoni li kien hemm. Minkejja t-tfixkil li kien hemm. U din il-bidla li persuni li kienu tilfu t-tama tathom tama ġdida u saħansitra hemm min qed jistenna li jsir ġenitur. Imma ejja ma nilludux ruħna li wasalna hawn. Din il-bidla li wettaqna rridu nibqgħu nsaħħuha anke billi fiż-żmien li ġej ninvestu f’iktar teknoloġija fl-isptarijiet tagħna, billi nimmodernizzaw u nsaħħu l-faċilitajiet u r-riżorsi.”
Oppożizzjoni li niżlet il-politika fl-iżjed livelli baxxi
“Dan l-aġir jirrifletti fuq l-Oppożizzjoni mhux fuq il-Gvern. Oppożizzjoni li niżlet il-politika fl-iżjed livelli baxxi. Oppożizzjoni li l-politika tagħha hija mibnija fuq l-esaġerazzjonijiet. Iva, meta ma qbilnix fuq l-immigrazzjoni, mhux biss ma ħadux il-pożizzjoni ta’ Malta, imma marru jagħmlu kwerela biex jitfgħu lili u s-suldati l-ħabs. Mossa mmexxija mil-estremisti tal-Partit.”
Dwar l-isptarijiet, il-Prim Ministru emfasizza kif ħa u se jibqa’ jieħu pożizzjoni konsistenti.
“Kont jien li għidt li wara li evalwajna kollox insistejt ma’ Steward li jridu jonoraw il-kuntratt kif inhu. Filwaqt li kien hemm kawża l-Qorti u kif jiġri f’pajjiż idettat mir-rule of law stennejna l-eżitu tagħha. Rajna wkoll li nfittxu għal dak kollu dovut lejnha. Iva, meta ġew biex jibdlu l-kuntratt smajna u ddiskutejna, għax hu obbligu tal-Gvern li jara l-options kollha quddiemu u meta qisna kollox, l-aqwa għażla fl-interess nazzjonali kienet li nkunu sodi li l-kuntratt irid jiġi onorat kif kien. Kelli ċ-ċans nispjega fid-dettall fil-Parlament dwar dan. Nispjega dwar is-servizz li ngħata u dwar kif ktibt lill-Awditur Ġenerali biex jidħol fil-fond tal-ħlasijiet li saru b’mod indipendenti biex fejn u jekk hemm xi diskrepanzi aħna dawk niġġieldu għalihom. Li rrid ngħid ukoll li l-Gvern jaġixxi fl-interess nazzjonali bogħod mill-ispin. Qegħdin sodi fil-preżentazzjonijiet li għamilna fl-appell, imma iktar minn hekk. Kif taf il-Gvern ta’ Malta diġa’ kellu suċċess f’arbitraġġ ta’ emerġenza internazzjonali quddiem l-international commerce court ix-xahar li għadda. U f’kull fora se nippreżentaw b’saħħa l-pożizzjoni u t-talbiet tagħna. Dan filwaqt li nkomplu naħdmu fuq il-pjani tagħna għall-dawn l-isptarijiet skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali.”
Attività ekonomika b’saħħitha, bi pjan u skont il-prijoritajiet
“Kemm kellna raġun meta għidna – daqshekk irkupru. X’rajna fit-turiżmu? Rajna mhux biss wasliet iktar. Rekord. Iżda, rajna spiża tat-turisti f’pajjiżna li laħqet it-tlett mija u tnax il-miljun ewro. Żieda ta’ 14.7% meta mqabbla mal-istess perjodu tal-aħħar sena qabel il-pandemija. Xi ħaġa li rrid ninnota hu li ġiet irreġistrata wkoll żieda fl-ispiża ta’ kull turist b’mod individwali.U anke hawn. Ir-riżultati ma jkunux ġew b’kumbinazzjoni. Ir-riżultati jkunu ġew frott il-ħafna ħidma.”
Apparti t-turiżmu, il-Prim Ministru semma wkoll l-għajnuna taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni li ngħatat din il-ġimgħa.
“U nenfasizza, li dan it-tkabbir ekonomiku mhux figuri fl-arja imma huwa l-għodda biex ngħinu lin-nies. Hekk issostni inizjattivi bħal dik li ħadna li din il-ġimgħa fejn 250,000 ħaddiem irċivew iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa b’investiment ta’ sitta u għoxrin miljun ewro.”
Il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ ċar dwar il-prinċipju ewlieni ta’ dan il-gvern. Aħna għax għandna ekonomija soda u nifilħu ngħinu, mhux qed inpoġġu lill-familji f’din il-qagħda. U tgħid x’tgħid l-Oppożizzjoni hekk se nkomplu naħdmu – favur in-nies.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.