Skip to content

aħbarijiet

May 17, 2020

“Kellna l-ikbar suċċess mill-pajjiżi kollha madwar id-dinja” – Il-PM

“Illum minn 500 każ inżilna għal 90 każ. Ħarsu madwar l-Ewropa kollha, ħarsu madwar id-dinja. F’liema gżira, f’liema stat hemm 90 każ. Imkien u dan huwa s-suċċess kbir li għamilna.”

 

Dan kien il-messaġġ ewlieni mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE hekk kif enfasizza l-importanza li ma jsirux xniegħat fil-mezzi soċjali li jbeżżgħu lin-nies bla bżonn.

 

Il-Prim Ministru spjega kif l-ammont ta’ każijiet jirrifletti li “aħna f’dawn l-aħħar ġranet ittripplajna, żidna bi 3 darbiet it-testijiet li qed nagħmlu. Mela l-loġika kienet tgħidlek li n-numri ħa jisparaw il-fuq. Ma ġarax hekk…Litteralment qed immorru nfittxu f’kull kantuniera tal-pajjiż.”

 

Robert Abela spjega li tant hi tajba s-sitwazzjoni, li s-sodod fl-isptarijiet f’Malta u Għawdex immirati għall-pazjenti bil-Covid-19 jinsabu vojta, filwaqt li l-modular hospital li kellu jiġu impurtat minn barra l-pajjiż mhux ser ikollna bżonnu.

 

Dwar ir-rilaxx ta’ miżuri, il-Prim Ministru qal li ma hemmx raġuni għaliex l-istabbilimenti tagħna jibqgħu magħluqin. U n-nies għandhom ikunu nkoraġġiti biex joħorġu u jmorru fl-istabbilimenti miftuha. “M’għandniex nieħdu deċiżjoni li tkisser il-kwalità tal-ħajja tan-nies meta l-evidenza xjentifika ma tgħidilniex hekk…Inutli n-nies tgħaffiġhom u tippretendi li jobdu.”

 

B’hekk Robert Abela ħabbar li “fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa li ġejja nista’ ngħidilhom lin-nies nistgħu mmorru f’ristorant, nistgħu mmorru f’hairdresser imma b’miżuri li jagħmlu sens għar-realtà li qegħdin fiha llum. Kollox bil-galbu kollox bil-prudenza, kollox bl-evidenza xjentifika.”

Madanakollu, il-Prim Ministru fakkar li r-rakkomandazzjonijiet jridu jiġu osservati imma mhux billi jingħataw il-multi, iżda bl-edukazzjoni.

 

Intant hekk kif Malta tinsab fuq quddiem ta’ din il-ġlieda madwar id-dinja kollha, il-Prim Ministru saħaq li minn issa hemm bżonn li anke barra minn xtutna, Malta tiġi reklamata bħala l-aqwa pajjiż li hareg b’suċċess, bħala Covid safe island.

 

“Fi żmien qasir għamilna dak li ħaddieħor qatt ma riedu jmissuh” – Il-PM

 

Il-Prim Minsitru tkellem ukoll dwar il-proposti għar-riformi storiċi fil-ġudikatura. Filfatt saħaq kif fi żmien qasir dan il-Gvern għamel “dak li ħaddieħor f’amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista qatt ma riedu jmissuh.”

 

“Emminna li kellna viżjoni li ħabbartha mill-bidu nett. Tajt direzzjoni ċara dwar l-implimentazzjoni tar-rapport tal-Venice Commission…Tkellimna, għamilna l-bidliet li hemm bżonn u llum weġibna lura f’ittra lill-Kummissjoni ta’ Venezja, fost punti importanti l-ħatra tal-Ġudikatura.”

 

Robert Abela fisser kif kien sorpriż iżda fl-istess ħin sodisfatt ukoll bl-applikazzjonijiet numerużi għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

 

“Kburi bin-numru ta’ persuni li applikaw. Jekk kontx qed nistenna, kont pożittivament sorpriż. Dak ifisser il-fiduċja li hemm fil-proċess. Meta inti ssarraf in-numru ta’ applikanti għall-proċess dik hija l-persuni jemmnu fl-integrità u l-indipendenza tal-proċess li minnu trid toħroġ l-aqwa mara jew raġel biex imexxu l-Korp tal-Pulizija. Kieku bqajna bis-sistema l-antika, kellna ħafna kritika minn ħafna persuni. ”

 

Il-Prim Ministru spjega li jrid Korp li jaħdem b’mod effiċjenti li ma jħares lejn ebda wiċċ filwaqt li fl-istess ħin il-Gvern ma jindaħalx fil-ħidma tal-Korp tal-Pulizija. “Dan huwa dak li jien konvint fih…L-istituzzjonijiet ta’pajjiż li tħallihom jiffunzjonaw. Xogħlok bħala Gvern huwa wieħed sempliċi li inti tagħmel it-tajjeb. Timxi mat-tajjeb u mas-sewwa u meta tagħmel hekk ma jkollok l-ebda biża.”

 

Dan hu Gvern immotivat li jagħmel il-ġid lin-nies

 

Fl-aħħar jiem, il-Gvern għal darb’oħra onora l-wegħda elettorali li jindirizza anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi hekk kif iktar minn 7,000 persuna se jkunu intitolati għall-għotjiet li jammontaw madwar 12-il miljun.

 

Semma fost oħrajn is-sahra mhux imħallsa lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.

 

“Bħala Gvern ma qgħadniex għaddejjin bil-legaliżmu. Dak kien overtime li kien mistħoqq li nħadem u allura jrid jitħallas. Nedejna skema. Tħallsu parti, issa komplejna b’din l-iskema li jkompli jħallas dak l-ammont għax hekk tagħmel il-ġid. L-istess mal-eks ħaddiema tax-xatt jew il-werrieta tagħhom.”

 

Il-Prim Ministru Abela sostna li dan huwa Gvern li huwa motivat li jagħmel il-ġid lin-nies. Dan l-aġir jikkuntrasta għal kollox mal-Partit Nazz.jonalista. Il-kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ wera kemm moħħu biss fuq l-elezzjonijiet.

 

“Meta tara int Oppożizzjoni li hija moħħha fl-elezzjoni meta aħna qegħdin f’mument fejn bħalissa suppost kulħadd geared li nsalvaw l-ekonomija tagħna, il-jobs tagħna.”

 

Robert Abela temm jgħid li l-għan ta’ dan il-Gvern jibqa’ li jagħti lin-nies ħalli kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja tajba.

 

“Ikollna pajjiż li jaħdem b’mod sabiħ flimkien, mod ħolistiku u nkomplu nagħmlu l-ġid. Ġid li jitqassam ma’ kulħadd.”

 

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin