Għin
lill-Partit Laburista
July 31, 2020
Kull deni ħudu b’ġid u mill-mitluf ħu dak li tista’
Kif nafu, aħna kollha taħt sema waħda. Illum jien u għada tista’ tkun int. Imiss lili li nitkellem dwar esperjenza ħarxa li kelli snin ilu. Esperjenza tal-waħx fejn il-passjoni ta’ Kristu kont ngħaddi minnha kuljum. Iżda mhux ħa nitkellem dwar kif ġismi spicca qisu binja li tfarket bi spluzzjoni qawwija, dwar il-biki li bkejt jew l-ugigħ li ħassejt. Minflok ħa nitkellem kif fil-ħajja irridu nippruvaw kull deni nieħduh b’ġid u mill-mitluf nieħdu li nistgħu.
Nixtieq naqsam magħkom x’għallimni, bosta ta’ snin ilu, il-kanċer. Tgħidu din x’qed tgħid? Iva għallimni. Għallimni biex qatt ma naqta’ qalbi. Għallimni nħares dritt f’għajnejn il-biza’ u l-inċertezzi. Għallimni nsib il-qawwa li aħna lkoll għandna mistura ġewwa fina. Għallimni wkoll kif minn esperjenza tal-waħx jistgħu jinfetħu bibien ġodda, u jekk ma jinfetħux, insibu l-kuraġġ, u niftħuhom aħna. Il-ħajja qasira u tista’ tkun tbigħ is-saħħa imma ħadd ma jafx x’hemm għalina. Allura tajjeb li dak li għandna nagħmlu, nagħmluh u mhux nittratenu. Jien hekk għamilt. Waqt it-trattament għalkemm ma kienx faċli, spiccajt degree ieħor li kont bdejt u li saħansitra wassalni għal promozzjoni fuq il-post tax-xogħol. Kif ħadt saħħti lura ġibt liċenzja nawtika. Komplejt naħdem fil-volontarjat u t-televiżjoni. Ikkontestajt l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, ġejt eletta, u jiena l-ewwel rappreżentanta femminili Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.
Din il-pandemija tal-Covid-19, bħall-mard ieħor, bidlet il-ħajja ta’ kulħadd. Minħabba is-sitwazzjoni prezenti hawn min tilef ix-xogħol jew ir-rutina ta’ kuljum iżda hekk hi l-ħajja, titlef ħaġa u ssib oħra. Hawn min issa għandu aktar ħin għad-dispożizzjoni tiegħu biex jagħmel dak li forsi dejjem xtaq jagħmel imma qatt ma sab il-ħin. Setgħu kienu affarijiet sempliċi bħal jaħmi xi ħobża jew ftit ordni fid-dar. Setgħu kienu affarijiet aktar qrib il-qalb bħal li joqgħod id-dar mat-tfal. Nistqarr magħkom li meta wliedi kienu għadhom żgħar, bosta drabi kont nixtieq nibqa’ d-dar magħhom imma ma kienx possibbli. Għal xi wħud issa possibli. Mill-mituf nieħdu li nistgħu. Qed ikollna prova ċara li ċertu xogħol jista’ jsir mid-dar. Hawn numru ta’ nies li ma kinux imdorrijja jħallsu l-kontijiet onlajn, jew jużaw internet banking, imma kellhom ibiddlu l-mod ta’ kif kienu jagħmlu l-affarijiet qabel ma bdiet din il-pandemija. Eżempju ieħor huma laqgħat li qabel persuna riedet bilfors tkun preżenti fiżikament fihom u llum qed isiru b’mod virtwali. Huma bosta l-vantaġġi, li fejn hu possibbli, naħdmu mid-dar. Inkunu qed innaqqsu mit-traffiku fit-toroq, l-istress, u niffrankaw il-ħin li nużaw fis-sewqan. Inkunu ukoll qed nieħdu ħsieb l-ambjent billi nnaqqsu mill-carbon footprint tagħna. Ingawdu aħna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.
F’Malta l-effetti tal-pandemija Covid-19 jinħassu ukoll. Żgur mhux forsi dan il-virus ġab miegħu biżgħat, inċertezzi, uġigħ, qsim il-qalb, u taħwid. Wara kollox hekk jaf jagħmel il-mard u aħna kollha tad-demm u laħam. Huwa stat ta’ fatt li din ir-realtá ġdida ġabet ukoll sfidi ġodda u iebsin. Il-kirjiet u kontijiet xorta iridu jitħallsu u l-ikel u il-bżonnijiet jinxtraw. F’qasir zmien, il-Gvern Malti kien kapaċi jfassal pjan ekonomiku li jieħu ħsieb u jaħseb f’kulħadd. Ħoloq miżuri għal min għandu bżonn l-għajnuna. Ħa ħsieb lil dawk li tilfu x-xogħol, jew li kellhom jibqgħu d-dar ma’ uliedhom. Ħaseb fil-vulnerabbli u fil-morda. Ħaseb f’dawk li kienu qed jirreġistraw, dawk li spiċċaw bla xogħol jew kellhom jagħlqu l-ħwienet tagħhom. Dan huwa Gvern li jisma’, jifhem u jgħin. Gvern li għalkemm għaddejjin minn pandemija rnexxielu joħloq serħan il-moħħ għal Maltin u l-Għawdxin. Serħan il-moħħ fi żminijiet iebsa li għaddejjin minnhom.
Dan huwa l-frott ta’ Gvern imexxi minn Dr Robert Abela u l-kabinett tiegħu.
Yvonne Arqueros Ebejer
Parteċipanta LEAD
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.