Skip to content

“Ma kinux elezzjonijiet ta’ persuna waħda. Hija kwistjoni frott tal-għaqda. Dak li l-aktar li jiddistingwina huma l-karatteristiċi tagħna bħala moviment magħqud.” Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru ġewwa l-Belt Valletta ftit jiem wara li l-poplu wieġeb b’mod ċar li jrid l-għaqda fuq il-firda, l-ottimiżmu fuq in-negattivita’ iżda fuq kollox li lest li jimxi ‘l quddiem.

Il-Prim Ministru enfasizza fuq il-punt tal-għaqda. “Il-moviment huwa aħna lkoll. Din hi t’tagħlima l-kbira minn dawn ir-riżultati li ksibna flimkien. Għaxar suċċessi elettorali wieħed akbar mill-ieħor fejn kull darba konna qed niktbu l-istorja.”

Muscat fiehem kif “qatt ma tista taspira li tgħaqqad il-poplu jekk l-ewwel ma tgħaqqadx il-partit tiegħek… Huwa x-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minnha, mill-iżgħar sal-ikbar li lkoll kemm aġna neħħejna l-individwaliżmu u l-egoiżmu u ddeċidejna li naħdmu flimkien u dik hija l-prerekwiżit il-kbir li permezz tagħha qegħdin niksbu dawn is-suċċessi l-kbar.”

L-appell tal-Prim Ministru għaż-żmien li ġej huwa wieħed ċar. “Għamilna dan u nibqgħu nagħmlu dan għax aħna magħqudin. L-għaqda hija imperattiva. Għaqda li tisseddaq meta nafdaw lil xulxin. Meta l-aħna huwa akbar minn jiena.”

Joseph Muscat kompla billi radd ħajr lill-eluf ta’ voluntiera u ħaddiema li ħadmu qatigħ matul il-jiem u l-ġimgħat li għaddew, lis-sindki u l-kunsilliera l-ġodda u ‘l dawk li ma ġewx eletti.

B’reazzjoni għal dawk kollha li ġew eletti fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, il-Prim Ministru għamilha ċara li “l-għan tagħna bħala partit mhux li nindaħlulhom f’xogħolhom iżda li naraw u nħallu lis-sindki u l-kunsilliera għandhom il-poter li jieħdu deċiżjoni u jwettqu dak li wegħedna, li jimxu fuq il-prinċipji li fuqhom aħna mibnija bħala partit u nassiguraw li min ġie elett, mhux hu jew hi imma l-aħna li huwa akbar mill-jiena. La ġejtu eletti bħala tim, tridu taħdmu kollha bħala tim flimkien.”

Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll l-istrutturi kollha tal-partit li kienu strumentali f’dawn l-elezzjonijiet fejn fuq bażi lokali, il-Partit Laburista huwa responsabbli minn 70% tal-kunsilli kollha f’Malta u Għawdex li fihom jinkludu kważi mitt żagħżugħ u żagħżugħa, nisa fejn 83% minnhom ħadu sehem fil-programm LEAD, lill-anzjani li baqgħu jagħtu servizz lill-partit iżda fuq kollox lill-kandidati b’diżabilita fejn l-elettorat wera biċ-ċar li mhux jitħassarhom iżda jafdahom.

Muscat sellem ukoll lil dawk il-kunsilliera f’sittax il-lokalita’ li qegħdin f’minoranza. Spjega kif f’lokalitajiet bħal Ħ’Attard, il-Partit Laburista żied l-appoġġ u żied kunsillier ukoll. “Irnexxielhom jagħmlu u jiksbu riżultat u avvanz enormi fuq ir-riżultat li għandna aħna bħala Partit Laburista… Aħna ħa ntuhom l-appoġġ tagħna bħala partit u moviment.”

Konna, aħna u se nibqgħu nkunu l-bidla f’dan il-pajjiż

Fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru rrefera b’mod partikolari għall-kisba storika fil-belt kapitali fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali.

Il-pass li jmiss huwa “li trid tibda l-preparazzjoni għal take-pver li tkun dinjituża u għalhekk il-kunsill il-ġdid għandu responsabilta’ kbira. L-ewwel appell tiegħi huwa s-simboliżmu tal-Belt Kapitali tagħna li mhix belt jew lokalita’ oħra fil-pajjiż iżda hija l-kapitali… It-tieni appell huwa li l-legat ta’ Valletta 18 u issa l-aġenzija tal-Belt Valletta jkunu qed jaħdmu id f’id mal-kunsill.”

Hawnhekk, il-Prim Ministru spjega kif il-bidla li ġab dan il-moviment  wasslet biex għall-ewwel darba , dan il-Gvern poġġa Segretarju Parlamentari respnsabbli għall-Belt Valletta u ħa jkun qed jaħdem mal-kunsill biex nimxu ‘l quddiem fuq l-indafa u d-dinjita’ tal-belt kapitali.”

Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru esprima d-diżappunt tiegħu li wara li “l-poplu Malti u Għawdxi bagħat sinjal tant b’saħħtu li jrid li jkun hemm skrutinju tal-gvern, qatt mhu ħa jaċċetta l-poplu Malti u Għawdxi li jkun hemm min jaħdem b’mod attiv kontra l-pajjiż.”

Għal dan, il-Prim Ministru kellu messaġġ wieħed. “Aħna ffaċċjati minn dan kollu, b’din l-atitudni negattiva, ara jkun hawn min jaħseb li ħa naqtgħu qalbna, aħna din l-atitudni aktar issaħħaħna, aktar tgħaqqadna.”

Il-bidla trid tkompli tintwera wkoll fir-riformi l-kbar li qed jagħmel dan il-pajjiż. Il-Prim Ministru sostna li minkejja li sar sforz kbir u ġew eletti ħafna nisa f’dawn l-elezzjonijiet, xorta waħda mhux sodisfatt. “Fil-ġimgħat li ġejjin ħa jkun wasal iż-żmien li l-oppożizzjoni l-ewwel waħda tgħidilna x’taħseb fuq dawn ir-riformi, u aħna min-naħa tagħna bħala gvern qed ngħidu li minkejja li wasalna fejn wasalna, ma nistgħux inħallu l-affarijiet kif inhuma.

Għalhekk il-ħidma ta ‘ dan il-moviment se tibqa’ għaddejja. Minn issa ‘l hemm, “il-focus tiegħi u ta’ sħabi huwa li nħejju l-baġit li jmiss. Baġit li jagħti l-poplu l-frott tal-ħidma li qed naħdmu flimkien,” kompla Muscat filwaqt li aċċerta kif dan il-baġit se jkompli jsaħħaħ il-pensjonanti, l-istipendji taż-żgħażagħ u l-ġurnata leave li seraq mill-poplu ħaddieħor… Pjan ċar ta’ ħames snin fejn irridu naħdmu wkoll fuq riformi kbar.

Il-Prim Ministru għalaq kif beda.

“Aħna huwa akbar minn jiena. Din trid tibqa’ stampata f’moħħna, f’qalbna u ngħożżuha biex verament inżommu Malta f’Qalbna.”

 

 

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin