Għin
lill-Partit Laburista
March 30, 2022
“L-ikbar ħelsien li rrid nara llum hu l-ħelsien mill-politika tal-firda, il-mibegħda u l-konfront.”
“Emmintu fis-saħħa tagħkom u għażiltu l-għajta ta’ Malta Flimkien. U għax ma ħallejtux il-passat ibeżżagħkom mill-futur, erġajtu tajtuna l-fiduċja tagħkom biex inkomplu nġeddu lil dan il-pajjiż.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Birgu waqt ċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien fejn irrimarka kif is-snin li għaddewna minn esperjenzi simili għal dawk ta’ mitt sena ilu meta bdiet it-triq lejn il-ħelsien.
“Faqqgħet pandemija li qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja tagħna. Id-differenza kienet li din id-darba l-poplu Malti kellu bażi soda u rajh f’idejh. Iżda, fuq kollox sab fina tmexxija li kienet miegħu u li se tibqa’ miegħu.”
Il-Prim Ministru spjega kif quddiem l-effetti ta’ kriżi dinjija, minflok l-għexerien ta’ eluf qiegħda, illum għandna l-anqas ammont ta’ nies qiegħda fl-istorja, ftit aktar minn elf persuna. “Il-Gvern qed ikun tarka għall-familji u negozji, b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro dedikati biex l-effett tal-kriżi internazzjonali jkunu kkontrollati.”
Ftit sigħat wara li ħabbar il-kabinett tal-Gvern, Robert Abela rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-fiduċja li wera fil-Partit Laburista.
“Dik il-fiduċja se nsarrfuha f’iktar xogħol. Għalikom, iżda fuq kollox biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur isbaħ u biex b’dak li nagħmlu nagħtu ġieħ lil dawk li qabilna tant ħadmu għal dan il-ġens. Għandna pjan ċar fuqiex inwettqu din il-ħidma. Elf proposta li diġa’ tlaqna bil-ħidma biex nibdew inwettquhom.”
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar jisħaq l-importanza li jibqa’ jara Partit Laburista li jkun ta’ skrutinju għall-ħidma tal-Gvern.
“Ejja nkunu aħna l-ewwel li naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Hemm l-umiltà. U tkellimt magħkom diġa’ dwar kif fuq din l-umiltà rrid nibnu din il-leġiżlatura. Għax ikbar mhi l-fiduċja iktar irridu nkunu saqajna mal-art.
Flimkien ma sħabi. Flimkien magħkom. Se nkomplu nibnu l-pajjiż.
Għalhekk ibqgħu miegħi kif kontu waqt il-kampanja li għadha kemm intemmet.
Flimkien nistgħu nwettqu affarijiet kbar.
Xejn ma jista jwaqqaf lil dan il-moviment sakemm jibqa magħqud.
Magħqud biex ikompli jwettaq il-ħolm taż-żgħażagħ tagħna.
Magħqud biex ikompli jsostni lill-familji u n-negozji tagħna.
Magħqud biex ikompli jagħti l-wens lill-anzjani tagħna.
Ejja nżommu lil Għawdex u Malta l-ewwel u qabel kollox.
Flimkien l-aħna huwa aqwa mill-jiena.
Għalhekk ibqgħu isilfu l-fiduċja tagħkom lil dan il-moviment.
Ibqgħu emmnu fis-saħħa tal-għaqda tagħna.
Malta flimkien
Il-futur sabiħ.
Il-futur issa f’idejna lkoll.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.