Għin
lill-Partit Laburista
March 26, 2023
“L-umiltà hija l-arma li żżarma l-arroganza ta’ ħaddieħor.” – il-PM
“Min iħaddem, magħna rasu mistrieħa għax aħna ninċentivawh. Nibqgħu aħna l-partit favur in-negozji. Ghax li tkun favur in-negozji tfisser li inti favur il-haddiem.
Aħna nifirħu bil-ġid. Aħna nsaħħu, u nagħtu d-drittijiet ċivili. Aħna nappoġġjaw lill-minoranzi.Aħna nġibu ċertezza. Aħna l-uniku Partit għan-nies u d-deċiżjonijiet li ħadna jixhdu dan. Aħna nagħtu opportunita’ lil kull min irid jikkontribwixxi lejn pajjiżna.Għax aħna ħarsitna ‘l quddiem.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela sena wara r-rebħa elettorali fejn tenna kif l-istess għajta ta’ sena ilu għadha tgħodd sal-lum tant li iktar minn qatt qabel, dan il-Gvern jinsab iffukat biex l-elf proposta ta’ Malta Flimkien isiru elf kisba għall-poplu tagħna.
Il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu sena wara li l-poplu esprima l-fiduċja fil-Partit Laburista tant li wara ftit xhur biss, illum nistgħu nibdew nitkellmu dwar it-twettiq ta’ dak il-pjan.
“Fuq quddiem nett fil-qasam soċjali. Is-settur li qatt ma waqafna nagħtuh prijorità. Għax ikbar ma jkunu l-isfidi, iktar joħorġu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li tant inħaddnu. Fejn il-ġid noħolquh biex bih ngħinu lil dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà. Fejn il-ġid noħolquh biex ninvestuh fis-setturi li jiggarantixxu l-mobbiltà soċjali, bħall-edukazzjoni. Biex inkomplu nibnu soċjeta fejn kulħadd isib is-sostenn. Biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjoni ta’ ħajja aħjar għalih u għal familtu.”
Robert Abela semma wkoll kif dan il-Gvern qed imexxi l-finanzi tal-pajjiż b’għaqal u prijoritajiet ċari iżda l-Opppożizzjoni qed hemm biss biex tipprova taqta’ qalb in-nies.
“Ħasbuna bħalhom, għax hekk kienu għamlu huma – tgħaddi l-elezzjoni u jidħku bin-nies. Anke issa mill-Oppożizzjoni reġgħu qalulna, li l-għajnuna li qed nagħtu mhijiex sostenibbli. Imma aħna differenti, bil-fatti. Għaddiet sena mill-elezzjoni u għadna l-uniku pajjiż li żamm il-kontijiet tal-enerġija stabbli. L-uniku pajjiż li żamm stabbli l-prezz tal-petrol u d-diesel.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll l-importanza taċ-ċertifikat ekonomiku b’saħħtu li l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali qed jagħtu lil pajjiżna.
“Sa nhar il-Ġimgħa, l-aġenzija Fitch tatna ċertifikat b’saħħtu ieħor għall-ekonomija tagħna. Ieħor minn sensiela. Qed naraw pajjiżi kbar li jinsabu taħt pressjoni. Banek internazzjonali kbar ifallu. Imma aħna b’rating ta’ A+ konna, U b’rating ta’ A+ bqajna. Għax ħadna deċiżjonijiet importanti, ġieli kontra l-kurrent ukoll. Ir-riżultati tiksibhom billi ma tibzax tiddeciedi. Billi tneħħi l-inċertezza u ddaħħal iċ-ċertezza u l-istabbilta, għan-negozji u l-familji.”
Is-serħan il-moħħ li nibqgħu ninvestu f’kulħadd. Dan hu dak li jrid minnha l-poplu u dan hu dak li qed ikompli jwiegħed il-Prim Ministru.
“Wegħedna l-first-time buyers li mal-għajnuniet kollha li diġa’ jeżistu,jircievu wkoll għaxart elf ewro oħra, 1000 ewro fis-sena għal għaxar snin. Għedna wkoll li se nipproteġu r-raba agrikola u lill-bidwi u kellna l-kuraġġ nagħmlu dak li qatt ma sar u nirriformaw il-liġijiet tal-qbiela. Għax hekk ukoll inħarsu l-ambjent. Tajna l-kelma li l-art taż-Żonqor ma tinbenix u tinghata lura lill-poplu u dik il-kelma żammejniha fiz-zmien imwieghed. Fuq dik l-art ma ddumux ma taraw proġett li se jkompli jsebbaħ l-ambjent naturali u nkunu nistgħu ngawduh kollha kemm ahna.Bħalma din il-ġimgħa ftaħna l-Park ta’ Bengħajsa. Ħaddieħor hemm ried jagħmlu freeport u miżbla. Bħalma għamilna diġa’,għamilna proġetti ta’ ġonna f’Ħaż-Żabbar, fil-Kalkara, fil-Mosta, f’Santa Venera u l-Ħamrun. Tajna t-trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd, miżura soċjali daqskemm hi ambjentali. U din il-ġimgħa biss nidejna b’ 25 miljun ewro fi skemi għal trasport iktar nadif. Komplejna nżidu l-mediċini bla ħlas, u fl-edukazzjoni saħħaħna skemi biex kulħadd ikollu l-istess opportunita’jimxi ‘l quddiem. Ma’ dan żammejna kull miżura li dan il-partit daħħal fl-aħħar għaxar snin biex tejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin. Għax dak li nagħmlu, nagħmluh b’għaqal u b’sostenibilita. Għax nagħtu kelma u nżommuha.”
Wara l-ewwel sena minn ħamsa, il-Prim Ministru emfasizza kif fadal ħafna iżjed xi jsir. Hawnhekk saqsa numru ta’ mistoqsijiet.
“Lil min tafdaw bl-ekonomija ta’ pajjiżkom? Lil min tafdaw biex iwettaq aktar bidliet soċjali? Lil min tafdaw biex iwettaq dak li jkun wiegħed? It-tweġiba tajtuha u tibqgħu tagħtuha intom. Iżda, l-istedina hi biex mhux biss tafdawna. Imma rridukom magħna biex inkomplu nwettqu l-bidla flimkien. Magħna biss tistgħu twettqu bidla flimkien! Għax aħna l-moviment li jibni l-politika tiegħu fuq l-inklużjoni! Aħna l-moviment li jibqa’ bil-bieb miftuħ għal kulħadd! Aħna l-moviment tal-ħaddiema !!! – u wkoll ta’ min iħaddem!
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar ta’ Gvern li wettaq iżda li mhux se jistrieħ fuq dawk il-kisbiet.
“Żidna l-pensjonijiet. Se nżidu aktar. Żidna c-children’s allowance. Se nżidu aktar. Tajnikom it-tax refunds. Se nagħtukom aktar.Se nsaħħu l-inizjattivi fis-settur tal-housing. Se noħolqu aktar spazji miftuħa. Se nkomplu nsebbħu wiċċ pajjiżna. Se nkomplu ninvestu fikom. Se nkomplu nibnu futur sabiħ. Għax għandna fiduċja f’pajjiżna. Ghax ghandna fiduċja fikom.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.