Għin
lill-Partit Laburista
June 19, 2023
“Nemmen fl-Ewroparlamentari tagħna, f’ħidmiethom u fuq kollox li jiġbdu l-ħabel ta’ Team Malta” – il-PM
“Meta nqis li dan huwa grupp li fil-Parlament Ewropew ilu biss ftit snin u nara min kiseb kariga ta’ Viċi President fil-grupp, min kien fdat b’rapporti importanti, min intagħżel f’delegazzjonijiet importanti u ħafna ħidma li kienu fdati biha, nħossni tassew sodisfatt.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt Business Breakfast mal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista bit-tema 4 snin ta’ kisbiet għal Malta fejn saħaq li din hija okkażjoni oħra fejn il-Partit Laburista huwa mpenjat li jżomm kuntatt kontinwu mal-imsieħba soċjali, mal-attivisti u maċ-ċittadini kollha biex jisma’, jiddeċiedi u jimplimenta. Politika min-nies għan-nies.
“Kull bidla li rridu nħarsu lejha, trid tkun imdawra ma’ dan il-prinċipju. Fil-laqgħa organizzata tajjeb ħafna mill-MCESD ftit ġimgħat ilu spjegajt it-tranżizzjoni ekonomika tagħna lejn prosperità ġdida. Tranżizzjoni li l-gvern qed iwettaq b’ viżjoni ċara, viżjoni li tifhem li evoluzzjoni daqshekk importanti l-gvern ma jistax imexxiha ‘l quddiem waħdu. Irid iwettaqha magħkom. M’hemmx dubju l-anqas li dak li niddeċiedu fuq livell Ewropew għandu wkoll influwenzi diretti. U ma nistgħux narawh ‘il bogħod,” qal il-Prim Ministru.
Robert Abela sostna wkoll li din hija raġuni oħra għaliex l-irwol tal-Membri Parlamentari Ewropej huwa wieħed importanti ferm.
“U għalhekk f’dan kollu nemmen li l-ħidma tal-ewroparlamentari kienet u se tibqa’ tkun krucjali biex filwaqt li l-Unjoni tibqa tkun kompetittiva fid-dawl ta sfidi ġodda b’inċentivi għal investimenti f’setturi strateġiċi, pajjiżna jkun ukoll jista’ jimmassimizza l-potenzjal ekonomiku tiegħu billi jattira investiment dirett barrani… Meta jkollna politika Ewropea li timbotta din l-istrateġija, allura mbagħad l-ideat jitwaħdu flimkien u nimxu lkoll f’direzzjoni waħda.”
Robert Abela spjega wkoll kif b’Ewropa kompetittiva f’dinja globali b’ħafna kompetizzjoni, Malta mhux biss preparata iżda qegħda fuq quddiem nett.
“Kif wara kollox għamilna fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali fejn konna diġa’ fassalna u bdejna nimplimentaw l-istrateġija 2030, biex meta d-diskussjoni telgħet fuq livell ta’ Unjoni Ewropea aħna konna dawk li kkontribwixxejna. Biex inwettqu l-viżjoni tagħna kruċjali li aħna nkunu konnessi bl-aqwa mod mal-kontinent. Dan se jkun kruċjali biex pajjiżna jagħmel il-pass li jmiss fl-enerġija u l-produzzjoni tagħha, fit-turizmu, ekonomikament, it-trasport u fl-aħħar nett fil-livell u l-kwalita tal-ħajja,” kompla Robert Abela.
Il-Prim Ministru faħħar mill-ġdid ħidmet il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista li qed tħalli l-frott fuq livell Nazzjonali u Ewropew.
“Baqa’ ħafna iktar xogħol xi jsir, u m’għandix dubju li Alfred, Alex, Josianne u Cyrus se jkunu qed jagħmlu dan tul ix-xhur li ġejjin qabel imbagħad il-poplu jkun imsejjaħ jerġa’ jivvota. Fuq kollox trid tkun ħidma ffokata fuq bidla li ġġib iċ-ċittadin fiċ-ċentru, u li twassal għal kwalita ta’ ħajja aħjar għal Għawdxin u għal Maltin.”
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.