Għin
lill-Partit Laburista
September 10, 2023
Niddeċiedu dejjem fl-interess tal-ġid komuni – Il-PM waqt intervista qalb in-nies f’Marsaxlokk
Se jingħalaq l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn biex isir park għall-familji
Niddeċiedu dejjem fl-interess tal-ġid komuni. Kien dan il-prinċipju ewlieni li fih wieġeb id-domandi kollha l-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li saritlu qalb in-nies, ix-xatt ta’ Marsaxlokk. Intervistat mill-Editur tal-Malta Daily, Keane Cutajar, il-Mexxej Laburista wieġeb fuq diversi temi fosthom dawk soċjali, ambjentali u l-immaniġjar tal-iskart. Quddiem folla sabiħa li nġabret biex issegwi l-intervista mal-Prim Ministru, Dr Abela rrimarka li l-Gvern se jippreżenta Budget ta’ kuraġġ u direzzjoni strateġika ta’ viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin. Huwa ta s-serħan li l-għajnuna favur prezzijiet stabbli tal-enerġija se tibqa’ filwaqt li se jtejjeb il-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, lill-familji vulnerabbli, anki jekk ir-rata tal-inflazzjoni mistennija tonqos.
Park li jitgawda mil-familji frott ekonomija ċirkolari
Il-Prim Ministru rrimarka għall-politika tal-Gvern fl-immaniġjar tal-iskart li tfisser li l-iskart isir riżorsa permezz tal-impjant Waste to Energy. Innota kif dwar l-iskart, il-politika tal-Oppożizzjoni ma kinitx tħares fit-tul billi toħloq iżjed miżbliet mingħajr separazzjoni tal-iskart, bil-konsegwenza li dejjem ħadet aktar art agrikola u verġni biex tagħmel il-miżbliet. Minflok dan il-Gvern qed iħaddan ekonomija ċirkolari li biha qed iżid is-separazzjoni tal-iskart. Riżultat ta’ dan, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern se jagħlaq l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn u minflok se jsir park għall-familji. “Nista’ nħabbar li fl-aħħar ġimgħat iddaħħlu għand l-Awtorità tal-Ippjanar, l-applikazzjonijiet biex dak l-impjant li kien ta’ inkonvenjent b’mod partikolari għall-Iskalin, issa jsir park li jitgawda min-nies”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll dwar l-indafa pubblika u qal kif Gvern Laburista se jkompli jimbotta l-prodott ‘Malta’ mhux biss għat-turisti iżda anki għall-familji Maltin u Għawdxin li bi dritt għandhom jgħixu f’pajjiż nadif b’karatteristiċi sbieħ. F’dan ir-rigward qal li l-Gvern se jkun qed jappoġġja iżjed lill-Kunsilli Lokali favur ibliet u rħula sbieħ u anki siguri. Hawnhekk semma l-ħidma importanti li qed issir mill-Pulizija fil-Komunità.
Lejn qafas regolatorju
Il-Prim Ministru tenna d-direzzjoni strateġika li qed jagħti dan il-Gvern favur il-ġid il-komuni fir-rigward tas-settur tax-xogħol. “Ix-xogħol huwa l-akbar għodda kontra d-dipendenza soċjali”, irrimarka l-Prim Ministru filwaqt li saħaq li l-pajjiż irid jikkumplimenta r-riżorsa Maltija f’oqsma meħtieġa bħas-saħħa iżda jwarrab sitwazzjoni ta’ ingaġġ bl-addoċċ u bla rażan ta’ ħaddiema barranin u fejn mhux meħtieġ. “Ninsabu f’fażi ta’ abbozzar ta’ qafas regolatorju b’saħħtu li jirregola l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema”, ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela hu u jisħaq li mhux aċċettabbli min irid għas-skapitù tal-ġid komuni, jagħmel il-flus malajr u b’mod irregolari.
L-ebda tolleranza għall-abbuż b’fatti ċari
Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar allegat każijiet ta’ abbuż minn benefiċċji soċjali fejn kien ċar fit-tweġibiet tiegħu u nnota kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-istess anki d-Dipartimenti inkwistjoni minnufih irrapportaw lill-Pulizija meta ġew identifikati każijiet suspettuża. “Mhu se naċċettaw l-ebda abbuż mix-xibka soċjali”, aċċenna b’mod ċar il-Prim Ministru hu u jirrimarka li l-Pulizija ilha tagħmel xogħolha fuq dawn l-allegat każijiet u apparti li diġà tressqu n-nies, fiż-żmien li ġej jistenna li huma min huma l-persuni, min wettaq xi ħaġa rregolari jrid jaffaċċja l-ġustizzja. Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar temi oħrajn fosthom l-immaniġjar fit-traffiku fejn saħaq li l-Gvern ħa anki deċiżjonijiet importanti rigward it-trasport tal-iskejjel fejn jekk qabel kellek sitwazzjoni li numru ta’ studenti kienu qed jużaw aktar minn vann biex jitwasslu l-iskola, issa vann wieħed b’kapaċità ikbar qed iwassal dak il-grupp ta’ studenti. Innota wkoll inizjattivi oħrajn favur trasport bil-baħar fejn tlesta l-proġett ta’ ferry landing f’Bormla.
Lejn soċjetà mingħajr preġudizzji
Il-Mexxej Laburista kien mistoqsi wkoll dwar id-drittijiet ċivili fi żmien il-EuroPride Valletta 2023. Innota l-kisbiet ta’ pajjiżna mnebbaħ minn ħidma konsistenti tal-Partit Laburista sa minn żmien il-Perit Dom Mintoff u nnota l-aġir tal-Oppożizzjoni li baqgħet anki assenti f’ċerimonja daqstant importanti li mmarkat il-ftuħ uffiċjali ta’ EuroPride. Qal li din hija xi ħaġa rappreżentattiva ta’ Partit Nazzjonalista li dejjem qal le għad-drittijiet ċivili. Il-Prim Ministru qal li bħala pajjiż dejjem fadal x’niksbu billi nwarrbu l-preġudizzji u ngħixu f’imħabba u rispett. Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar it-tema tas-saħħa mentali, tema li l-Gvern qed joffri servizzi fosthom b’helpline nazzjonali iżda li jeħtieġ ikun hemm iżjed ħidma. Appella kontra l-istigma biex ma nżommux ’il bogħod min jeħtieġ l-għajnuna.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.