Skip to content

“Minkejja li qegħdin fil-Gvern, il-Partit Laburista baqa’ partit ħaj u b’saħħtu…bqajna nirriġeneraw lilna nfusna, nattiraw talent ġdid, nies ġodda u kandidati ġodda. Hemmhekk tara kemm għandek partit ħaj.” 

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela il-Ħadd filgħodu waqt intervista ftit qabel il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Laburista filwaqt li ddeskriva l-Partit Laburista bħala player pro-attiv.

“Naturalment, għalija dan hu l-iktar proċess importanti. Il-proċess tal-ħsieb, it-tfassil tal-politika. Iżda, imbagħad dak trid twasslu għand in-nies. U biex twassal il-messaġġ għand in-nies teħtieġ ukoll ir-riżorsi u għalhekk issir ġabra bħal tal-lum biex ikollna dawk ir-riżorsi..li hu żgur li dak li jinvestu fil-Partit Laburista jafu li hu investiment fihom infushom għax mill-gvern aħna dejjem ninvestu fin-nies.” 

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif tmien snin wara li l-Partit Laburista kien fdat bit-tmexxija, għadu jattira nies ġodda lejh għax f’dan il-partit in-nies għadhom jaraw l-għatx għall-bidla. Ir-rieda li dan il-Partit ikompli jsaħħaħ il-ħafna tajjeb li ksibna bħala pajjiż, iżda aktar minn hekk nirranġaw fejn jista’ jkun aħjar.

Dwar il-viżjoni ekonomika għas-snin li ġejjin, b’5 pilastru ewlenin – il-Prim Ministru fisser kif “se jinżammu l-istess prinċipji bażiċi li mexxejna bihom fl-aħħar snin – dak ewlieni jibqa’ li ninvestu fin-nies… viżjoni rivoluzzjonarja li biha aħna se nkunu qed inħarsu lejn l-2050 fejn għandna targets tal-Green Deal bħala opportunita’ li biha noħolqu iżjed xogħol, opportunitajiet ta’ investiment u għaldaqstant l-ekonomija tagħna li kienet dik li ppermetittilna li f’pandemija stajna nkunu fuq quddiem nett biex nappoġġjaw in-nies kemm nifilħu.” 

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-ekonomija hija fundamentali għax jekk tmiss is-setturi kollha – sew jekk hux saħħa, sew jekk hux soċjal, dejjem iddur fuq l-ekonomija għax mingħajr ekonomija b’saħħitha, ma tistax iddur fuq is-setturi ‘l oħrajn. Għalhekk irid ikollok setturi li jikkumplimentaw lil xulxin. 

Dwar l-infrastruttura, il-Prim Ministru saħaq li din trid tkun pool factor għal pajjiżna. Kemm bħala proġetti maġġuri li bidlu wiċċ pajjiżna kif ukoll l-investiment industrijali. L-ironija “hi li tisma l-Partit Nazzjonalista u jgħidlek li aħna qed nikkupjawh fil-qasam tal-enerġija – żidna l-kontijiet tad-dawl kif għamlu huma u lin-nies flok iffrankajnilhom nofs biljun ewro, dawk kienu jissarrfu fin-nies u fin-negozji. U dwar l-interconnector – l-ewwelnett konna aħna li implimentajna l-ewwel interconnector u għaliex ħdimna bi ħsieb, għandna l-infrastruttura lesta għat-tieni interconnector.” 

Il-Prim Ministru semma wkoll kif fi ftit tas-snin ilu f’dan is-settur, il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet li tmur għall-heavy fuel oil hija xi ħaġa li ma titwemminx. “Aħna qed inħarsu llum li eventwalment immorru lejn hydrogen. Mira ambizzjuża. Kellna ħafna miri ambizzjuzi u lħaqnihom… Qabel l-2013 kellek Gvern li kien jaċċetta l-medjokrita. Kien jemmen li jgħaddi kollox għal dan il-pajjiż u b’hekk ittella l-kwalita’ ta’ ħajja tan-nies.”

Robert Abela semma wkoll kif ix-shore to ship huwa wieħed mill-proġetti kbar ambjentali li qed isiru bħalissa. 

“Għax iva anke fis-settur tal-ambjent, partikolarmaent dak tal-arja nadifa, hemm numru ta’ miżuri li dan il-gvern qed jieħu għall-ewwel darba…Dan investiment ta’ €50 miljun. Fejn meta jkollok bastiment fil-Port minflok jixgħel il-magni li jniġġżu jaqbad mad-dawl li hu sors ta’ enerġija iktar nadif. 

Il-Prim Ministru temm b’appell tal-ġid komuni. 

“Fejn hemm il-ġid nemmen li għandu jkollna pożizzjoni komuni – Gvern, Oppożizzjoni, is-soċjeta’ kollha biex b’hekk nibqgħu nagħmlu l-ġid għal dan il-pajjiż li kollu kemm aħna nħobbu.”

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin