Skip to content

“Tmintax-il xahar ilu ndirizzajt din il-konferenza ġenerali għall-ewwel darba bħala Mexxej tal-Partit Laburista. Dakinhar, kont naf li qed niehu t-tmexxija tal-Partit, u tal-Pajjiż, fi żmien delikat ħafna. Kelli sett ta’ prijoritajiet ċari li magħkom ridt li mmexxu ‘l quddiem.  Emmint, u hekk għadni nemmen, li kien sar ħafna tajjeb. Imma li kien hemm fejn ridna nkunu onesti magħna nfusna, u ngħidu li kellna nbiddlu d-direzzjoni.  Ghax meta nkunu onesti ma’ xulxin, naghrfu t-tajjeb ta’ xulxin, u n-nuqqasijiet, u hekk nagħtu direzzjoni ‘il fejn irridu mmorru, u kif se nkunu verżjoni aħjar tagħna nfusna.” 

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburisa filwaqt li spjega kif meta sar Mexxej, kellu sett ta’ prijoritajiet ċari li bihom emmen li seta’ jmexxi pajjiżna ‘l quddiem sakemm wara biss ftit ġimgħat fil-kariga kellu jħabbat wiċċu ma’ pandemija qalila. 

“F’sitwazzjoni hekk, l-ewwel istint ta’ min ikun fit-tmexxija jista’ jkun ta’ paniku.  Imma dak il-mument kien jitlob minna fit-tmexxija, kalma, koncentrazzjoni, u deċiżjonijiet determinanti biex nilqgħu għal pandemija globali li ħasdet lid-dinja kollha.  Tara kemm tara analiżi fuq il-mezzi tax-xandir tad-dinja kollha, fuq ħaġa waħda kulħadd kien qed jaqbel – li ħadd ma kellu ħjiel ta’ kif jista’ jilqa’ għal din il-pandemija. Kellna u għad għandna sfidi. Hadna deċiżjonijiet kultant mgħaġġlin, u kultant kawti żżejjed, imma meta nħarsu lura kulħadd jaf li fil-mumenti that mattered most, ħadna d-deċiżjonijiet il-kbar li kellna nieħdu.  Hekk,ħadna ħsieb is-saħħa u l-kwalita tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin.” 

Il-Prim Ministru spjega kif l-għażla li n-nies iridu jagħmlu f’pajjiżna hija bejn il-kompetenza u d-dilettantiżmu. 

“Il-kompetenza – li rat Gvern li f’mument daqstant diffiċli ma nħakimx minn paniku, anzi baqa’ jiehu l-pariri ta’ nies kompetenti, filwaqt li jixtarr u jiehu d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn…Fuq in-naħa l-oħrahemm l-għażla l-oħra li għandu l-poplu –dik tad-dilettantiżmu. F’nofs pandemija, minflok Oppożizzjoni soda li tappoġġja lil pajjiżna kellna u għad għandna partit maqsum.”

Robert Abela qal kif dan hu l-istil ta’ tmexxija li jemmen fih – li b’deċiżjonijiet li jittieħdu b’mod bilanċjat u mingħajr passi frenetiċi biex inkomplu ntejjbu l-ħajja tan-nies. 

“Filwaqt li m’hemmx dubju li l-progress u l-ġid ekonomiku jrid ikompli, insaqsi :   Wasal il-waqt li nirriflettu kif dan il-progress issa ikun izjed iffukat lejn it-titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tagħna? U b’mod konkret xi jfisser dan? – Ifisser illi rridu nibdew naraw kif insibu bilanċ aħjar. Fejn naraw li jkollna żvilupp li jista’ jirrendi l-miljuni lill-pajjiż, imma wkoll proġetti li forsi vera mhux se jrendu miljuni kbar, imma li jkunu jistghujitgawdewminn iktar nies. U din hija triq li diġa’ bdejniha. Insemmi Wied Fulija fiż-Żurrieq – Dawwarna miżbla ta’ 90 tomna f’ġenna tan-natura !F’Ta’ Qali se jkollna l-ikbar spazju miftuħ f’pajjiżna, fejn fabbrikatal-concrete abbandunata twaqqghet biex is-sit jigi rijabilitat f’ħaxix aħdar, fejn familja tmur tistrieħ u tirrilassa flimkien. 

Għalaqna għal kollox l-impjant  tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa – u f’Bengħajsa se jkollna park mill-isbaħ. Fil-Marsa, sejrin nirriġeneraw is-sit tal-eks power station. B’dawn il-proġetti qed nuru li qed nifhmu li d-direzzjoni lejn kwalita’ tal-ħajja aħjar m’hijiex fi żvilupp bla rażan, imma f’pajjiż isbaħ u b’aktar spazji miftuħa.”

Il-Prim Ministru kompla billi semma kif dan jgħodd għal Għawdex daqskemm jgħodd għal Malta u li dan m’huwiex messaġġ ambjentali biss iżda wkoll ekonomiku u soċjali. 

“Għax popolazzjoni b’saħħitha mentalment, fiżikament u ekonomikament twassal għal pajjiż aktar b’saħħtu, u fuq kollox pajjiż li fih tgħix tajjeb. U għalhekk irridu Servizz tas-saħħa b’saħħtu. Edukazzjoni li taħseb fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada, Soċjeta’ li tiehu ħsieb lil min jaqa’ lura u aktar spazji miftuħa. Din hija l-viżjoni tagħna, ta’ moviment li ma jieqaf qatt jiġġedded, u joffri alternattiva għalih inniffsu stess. U minn hemm joħroġ ix-xogħol politiku li ma jieqaf qatt ta’ dan il-moviment!”

Robert Abela semma u faħħar ukoll il-proċess tal-100 IDEA. Idejat għal Malta t’ għada. Il-profondita’ u l-ħsieb li ħareġ minn dawn il-100 idea juru li dan il-partit jaf jirrifletti u jaf jixtarr il-mument li qed ngħixu fih.  Proċess li saħansitra anke lill-Gvern iżommu fuq ponot subgħajh.  

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif minn dejjem emmen li l-pajjiż igawdi meta jkollu Oppożizzjoni soda. 

“Oppożizzjoni soda izda ma tinbeniex billi tibdel persuna jew tnejn, jew billi ddahhal lil xi ħadd. Oppożizzjoni soda tiġi minn politika ta’ konvinzjoni – fejn tkun iebsa fil-kritika tal-Gvern, imma b’mod li toffri alternattiva politika.  Għandna Oppożizzjoni li mehdijja fil-logħob partiġġjan biss, u mhux tgħid x’temmen hi.  

Ara Aħna – Ħobbna jew ikkritikana – Ma’ dan il-moviment, ma’ dan il-Partit, ma’ din l-Amministrazzjoni l-Gdida, taf fejn qiegħed. 

Mill-banda l-ohra, mal-Partit Nazzjonalista fejn qiegħdin fuq tmexxija tal-pajjiż? 

Meta dan, għadu partit mifni bi ġlied intern. In-nies iridu jafu.

Iridu jafu, fuq l-ambjent u l-iżvilupp, x’deċiżjonijiet lesti jieħdu lil hinn mill-hafna diskors? 

Min minnhom se jiehu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn fuq il-Covid?

Min se jmexxi l-qasam tas-saħħa taħt il-PN? 

Min bejniethom se jkun qed jiehu d-deċiżjonijiet ekonomiċi għal wara l-pandemija?

Fejn qiegħdin il-PN fir-riforma fuq il-kannabis u fuq it-tisħiħ tas-servizzi tal-IVF? 

Insaqsi, fuq il-protezzjoni u t-tisħiħ tan-negozji , fejn qiegħda l-oppożizzjoni? 

Insaqsi mbaghad ukoll – LIL KULL WIEHED U WAHDA MINNKOM – lil min tafdaw fuq l-ekonomija, u l-ħolqien tal-impiegi u x-xoghol? 

In-nies isaqsu wkoll – fuq il-politika tal-enerġija lil min tafda? 

Lil min tkellem bla pjan, jew lilna li wettaqna u qed inwettqu!

Min temmnu li se jibqa’ jsaħħaħ is-servizzi soċjali? 

Lil min tafdaw biex jizgura li ma jikbirx il-gap bejn dawk li sejrin tajjeb u dawk li waqghu lura? U fuq kif se nkomplu naraw li nkomplu ngħixu ħajja tajba!

Dawn huma mistoqsijiet importanti li jistaqsu n-nies u li fuq kollox qegħdin ifasslu l-għażla tagħhom bejn dan il-moviment Laburista, u l-Partit Nazzjonalista.”

Robert Abela kompla jenfasizza dwar ir-riformi radikali li saru f’governanza tajba u b’istituzzjonijiet b’saħħithom li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. 

“Saħħaħna l-istrutturi tal-pajjiż u l-liġijiet li wassluna biex istituzzjonijiet internazzjonali li kienu kritiċi ħafna ta’ Malta – il-Kummissjoni Venezja, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Moneyval – irrikonoxxew il-progresskbir li għamilna f’dan il-qasam ukoll, Bidliet kbar li saru fi żmien meta konna qed nilqghu ukoll ghall-isfidi kbar tal-pandemija. 

Din il-ħidma kollha, bla ħinijiet u bla waqfien, ma kienetx biżżejjed biex nevitaw illi l-FATF tpoġġina fuq lista ta’ osservazzjoni.  Ħa nagħmilha ċara – nemmen illi din ma kienetx deċiżjoni ġusta fuq il-pajjiż, u li jistħoqqilna ħafna aħjar. 

Imma ejja nirrikonoxxu wkoll li dan ifisser li rridu nikkonvincu aktar.

Ir-riformi li wettaqna issa rridu naraw il-frott tagħhom jinqata’.  Inżommu l-bilanċ veru, imma tant nemmen li n-negozju li qed nattiraw lejn Malta hu ta’ kwalita gholja, tant nemmen illi l-investituri Maltin huma serji, li dan l-iskrutinju fuq pajjiżna se jwassal biex isaħħaħna izjed, u mhux idgħajjifna. 

Bis-saħħa tal-istakeholders kollha, din l-isfida wkoll se nibdluha f’opportunita. Għax qed nagħmlu riformi li se jħallu l-frott u li ħadd ma kellu l-kuraġġ jagħmel matul l-aħħar għoxrin sena.  Għalhekk nibqa’ nkun miftuħ u nitkellem dwar dawn is-suġġetti. Għax irrid inkun onest mal-poplu.”

Tkellem ukoll dwar kif dan hu Gvern li qed iżomm l-aspett soċjali bħala prijorita’, billi nħarġu aktar minn biljun ewro. F’assistenza soċjali bla ma żdiedet id-dipendenza. 

“U fil-budget li ġej se naraw li nsaħħu l-pagi, u naraw li t-taxpayer jingħata dak li ħaqqu.  Insaħħu n-nefqa fuq is-saħħa, fuq l-edukazzjoni, fuq l-ispiża soċjali – imma naraw li dan nagħmluh bil-għaqal.  

Minn issa nista’ nassigurakom li mhux se nżidu taxxi.  

Fl-istess ħin li nifhmu li t-taxxi dovuti iridu jingabru kollha sabiex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ miexi ‘il quddiem. 

F’dan kollu se nkomplu nassiguraw li nżommu bilanċ importanti ħafna bejn l-iżvilupp ekonomiku u dak soċjali. Se nibqgħu nieħdu ħsieb il-minoranzi f’kull sens.” 

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar. 

“L-għażla lil min se tafda l-pajjiż f’dan iż-żmien kruċjali qatt ma kienet aktar ċara. Huwa għalhekk li hemm bżonn l-esperjenza fit-tmexxija. Ta’ min jibqa’ kalm u determinat quddiem sfidi li naffaċċjaw. Għalhekk hemm bżonn ta’ enerġija u onesta’ biex dan il-pajjiż dejjem immexxuh ‘il quddiem. Biex flimkien nibnu pajjiż aħjar għal-lum u għal għada.” 

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin