Rapporti ta’ ħidma 2022

Fiduċja f’pajjiżna

Il-Partit Laburista baqa’ juri bil-fatti, li huwa l-Partit li tassew għandu fiduċja f’pajjiżna. Meta feġġew fost l-ikbar sfidi, la qtajna qalbna u wisq inqas qtajna qalb in-nies. Minflok, mill-Gvern, ħadna sensiela ta’ deċiżjonijiet li waslu biex pajjiżna baqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba u żammejna sens ta’ fiduċja fost il-familji u n-negozji. Dan għax inċentivajna u sostnejna kull fejn u lil min kien hemm bżonn.

Din is-sena l-poplu reġa’ fdana biex immexxu lil pajjiżna, billi tana l-iktar mandat b’saħħtu. Dan mhux biss għaliex iġġudikana fuq li għamilna, iżda wkoll għaliex ressaqna pjan ċar għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Xhieda oħra tal-fiduċja li għandna f’pajjiżna, għaliex qatt ma ddubitajna l-ħila tal-poplu tagħna li jibni futur sabiħ.

Il-Partit Laburista welled dan il-pjan. Minn ħdan il-Partit, iżda wkoll b’konsultazzjoni wiesgħa mas-soċjetà, nibtu l-elf proposta li issa qed naħdmu biex nagħmluhom elf kisba ġdida.
L-appell tiegħi lejkom bħala Delegati tal-Partit Laburista huwa li tibqgħu l-ixprun ta’ proċessi simili u s-sors ta’ ħafna ideat ġodda. M’għandna nistrieħu qatt fuq il-fiduċja li tana l-poplu. Iżda rridu nibqgħu nisimgħu, nikkonsultaw u noħorġu b’ideat ġodda għaliex il-fiduċja li silfuna n-nies irridu nibqgħu naħdmu għaliha ta’ kuljum.

Għalhekk, il-Konferenza Ġenerali Annwali tibqa’ appuntament importanti fil-kalendarju politiku tal-Partit Laburista. Għaliex matulha jkollna okkażjoni biex inħarsu ‘l quddiem, biex inġeddu l-politika tagħna għal pajjiżna u biex nibqgħu nibagħtu sinjal ċar kif il-Partit Laburista jibqa’ l-Partit tal-bidla.

Dan nagħmluh għax għandna Fiduċja f’Pajjiżna.

Stabbiltá u ċertezza: Inwasslu l-vapur fil-port

Dawn mhumiex żminijiet normali. Bejn il-ħerba li ħalliet warajha l-pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni u l-bidla fil-klima globali, l-isfidi kbar fil-qasam tal-enerġija, illum qed ngħixu f’dinja ekonomika u politika li bilkemm tintgħaraf minn dik ta’ tliet snin ilu.

Iffaċċjati b’dawn ir-realtajiet, gvernijiet ta’ pajjiżi madwarna, qed jieħdu triq li aħna evitajna. Flok jiggvernaw, qed jitfgħu l-problemi f’ħoġor in-nies, f’ħoġor il-familji u n-negozji. F’dal-mument bla preċedent għal ġenerazzjonijiet sħaħ, qed jaħslu jdejhom mill-iktar dover u missjoni essenzjali ta’ politiku – li jerfgħu il-piż f’isem kulħadd, f’isem il-pajjiż.

Aħna mhux hekk qed nagħmlu. F’dal-baħar ta’ inċertezza u nstabbiltà qed nibqgħu sodi u qed nerfgħu. Għax aħna gvern Soċjal Demokratiku Ewropew ta’ veru. Għax aħna baħrin tal-maltemp u mhux tal-bnazzi. Għax xejn u ħadd mhu se jiddevjana mir-rotta li twassal lill-bastiment Malta sal-port. Għax għal kuntarju ta’ ħaddieħor, il-maltemp lilna jgħaqqadna iktar mhux jifridna. Għax hekk biss nafu nkunu aħna l-Laburisti.

Bqajna fuq din ir-rotta għax hekk jitlob minna l-mandat li ngħatajna. Imma mhux biss. Ħadnieha wkoll għax stajna nieħduha. Ghax fl-aħħar għaxar snin issudajna l-qafas ekonomiku, soċjali u istituzzjonali ta’ dal-bastiment. Flaħna u se nibgħu nifilħu għall-mewġ u l-maltemp għax għandna biex nilqgħulhom.

Għalhekk ħriġna minn pandemija u qed nirkupraw b’rata ekonomika li hija l-għira tal-Ewropa. Għalhekk bqajna ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, inkluża dik tal-pensjonanti u oħajn bi dħul baxx. Għalhekk ħadna ħsieb lil kull settur ekonomiku minn dawk tradizzjonali sa dawk ġodda bħal platform workers, dawk li jaħdmu fil-gig economy u oħrajn.

Fuq kollox żammejna mar-rotta għax għandna fiduċja sħiħa fikom, fin-nies u fin-negozji tagħna. Bil-kapaċità, kreattività u reżiljenza tagħkom qed tagħtuna l-kuraġġ biex inwasslu l-bastiment fil-port.

L-aħħar sentejn kienu bla preċedent – mhux għal pajjiżna, iżda għad-dinja. Il-pandemija u l-gwerra fl-Ukraina ġabu sfidi kbar li r-riperkussjonijiet tagħhom ser jibqgħu jinħassu għal snin. Ħarbtu wkoll mhux ftit il-kalendarju politiku tagħna bħala partit, fejn għal numru ta’ xhur lanqas stajna norganizzaw attivitajiet b’normalità u bi frekwenza meħtieġa.

Minkejja dan, il-ħidma riedet tkompli. Addattajna ruħna għaċ-ċirkostanzi, u wara leġislatura ta’ ħames snin, il-poplu Malti u Għawdxi reġa’ ta lil dan il-partit mandat ieħor b’saħħtu f’Marzu li għadda.

Hekk kif ġejt fdat b’dan l-irwol lura f’Lulju 2022, poġġejt quddiemkom sħabi Delegati żewġ objettivi. Wieħed kien it-tiġdid intern u tal-istrutturi tal-partit, liema tiġdid għadu għaddej b’ritmu b’saħħtu, u l-ieħor kien it-tiġdid politiku, fejn flimkien ma’ sħabi mexxejna l-proġett 100-idea. Din l-inizjattiva rat l-involviment ta’ mijiet ta’ persuni, u kienet il-pedament li fuqha nbena l-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, manifest li llum huwa l-programm tal-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela.

Il-100 idea kienu l-bażi tal-1000 proposta li morna bihom quddiem il-poplu Malti u Għawdxi, u li f’dawn l-ewwel 8 xhur tal-leġislatura diġà rajna għexieren minnhom jitwettqu, u ħafna oħrajn li ġew imħabbra bħala parti mill-Baġit għas-sena finanzjarja li ġejja.

Dan kollu jimliena b’sodisfazzjon. Li naraw il-viżjoni tagħna bħala Partit Laburista tingħata l-fiduċja tal-poplu u titwettaq hija r-raġuni għalfejn neżistu. Iżda xogħol partit politiku ma jdurx mal-elezzjonijiet biss.

Huwa minnu li 18-il xahar ieħor għandna l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Huwa minnu wkoll li 52 xahar ieħor tkun għaddiet il-ħames sena tal-mandat mogħti mill-poplu f’Marzu li għadda.

Iżda fil-frattemp ir-rwol tal-Partit huwa wkoll li jkompli jkun stakeholder ewlieni fid-djalogu soċjali f’pajjiżna. Il-Partit b’mod distint mill-Gvern irid ikun dak li jixpruna ċertu disksussjonijiet ’il quddiem. Għamilnieha fl-aħħar snin, u rridu nżidu r-ritmu fis-snin li ġejjin. Flimkien mal-kuntatt kontinwu man-nies, din ser tkun il-prijorità għas-sena li ġejja. B’hekk biss nassiguraw li bħala Partit nibqgħu nirriflettu l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Dawn is-sentejn kienu sentejn li fihom flimkien xammarna l-kmiem, biex il-Partit Laburista jiġġedded. Għaliex irridu lill-Partit Laburista jkompli jiġġedded? Għaliex hekk biss nistgħu nkunu viċin in-nies u viċin il-bżonnijiet li n-nies ikollhom ta’ kuljum.

Kien għalhekk li tul dawn is-sentejn flimkien ma’ sħabi tal-Amministrazzjoni, il-fergħat tal-Partit Laburista, l-Eżekuttiv tal-Partit, membri u diversi voluntiera, dejjem żammejna l-kuntatt man-nies ħaj, kemm fid-diversi laqgħat u attivitajiet politici fil-lokalitajiet, kif ukoll fil-kuntatt dirett li jkollna meta mmorru nagħmlu door to door jew laqgħat oħra li jkollna fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Kellna diversi laqgħat ma’ stakeholders ewlenin bħala parti mill-proċess tal-Mitt Idea, li permezz tiegħu fi ħdan l-għaxar policy fora, iffurmajna l-bażi tal-Manifest Elettorali Malta Flimkien li mexxa d-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef u t-tim ta’ voluntiera mmexxi minnu.

Dan il-manifest elettorali ntgħażel mill-poplu Malti fl-aħħar rebħa f’elezzjoni ġenerali li qatt seħħet fl-istorja ta’ pajjiżna.

Dan ix-xogħol kollu sar filwaqt li pajjiżna kien u għadu qed jegħleb sfidi importanti grazzi għat-tmexxija soda tal-Prim Ministru Robert Abela. Permezz ta’ deċiżjonijiet tajbin u f’waqthom, l-ekonomija u x-xogħol baqgħu b’saħħithom filwaqt li s-servizz tas-saħħa taħt it-tmexxija ukoll tad-Deputat Prim MInistru Chris Fearne, wera x’isarraf.

Għax kellna moħħna mistrieħ, li l-ekonomija tagħna hi soda, permezz ta’ riformi kontinwi ekonomici li ilhom iseħħu mill-2013, stajna ukoll inkomplu bil-programm ta’ riformi oħra sabiex inbiddlu lil Malta. Riformi li nibtu mill-Partit Laburista, bħal liġi tal-kannabis għall-użu personali, twessiegħ tal-liġi tal-IVF, liġi għall-użu personali tal-kannabis, u issa mistennija diskussjoni fuq emendi legali sabiex it-tobba jkunu protetti f’każ li jkun meħtieġ terminazzjoni ta’ tqala għax il-ħajja tal-omm tkun periklu, u diskussjoni fuq l-ewtanasja. Dan il-Partit kien dejjem il-Partit li tul iż-żminijiet wassal għall-akbar riformi li seħħew f’pajjizna. Jekk ma nagħmlux aħna diskussjonijiet li ilhom fuq l-ixkaffa, inkunu tlifna opportunità li nbiddlu sabiex uliedna jsibu Malta aħjar milli sibna aħna.

Wasalna għal din il-Konferenza Ġenerali Annwali, l-ewwel waħda minn wara r-rebħa elettorali, l-ewwel rebħa tal-Prim Ministru Robert Abela u wara li ġie preżentat l-ewwel Baġit minn ħamsa taħt l-istess Prim MInistru.

Filwaqt li din hi l-ewwel Konferenza Ġenerali Annwali, kellna konferenzi oħrajn, bħal dik ta’ April ta’ din is-sena li kkonfermat lill-Mexxej Laburista u liż-żewġ Deputati Mexxeja. Kull konferenza hija okkażjoni oħra sabiex flimkien inkomplu nibnu l-futur tal-Partit Laburista u ta’ pajjiżna u dan nagħmluh għax għandna fiduċja fil-Partit Laburista.

Bħal ma kienet sfida għall-pajjiż kollu l-pandemija, l-istess kienet għall-Partit Laburista speċjalment fl-organizzazzjoni tal-attivitijiet. Il-pandemija ġiet eżatt wara li l-Partit Laburista ħatar Mexxej ġdid, Mexxej li waħda mill-iktar affarijiet li jħobb jagħmel hija li jiltaqa’ man-nies. Ma kinitx faċli biex norganizzaw attivitaijiet li fihom stajna nkomplu niltaqgħu man-nies imma bir-restrizzjonijiet li kien hemm minn żmien għall-ieħor żgur li rnexxielna nagħmlu dak li stajna biex il-Partit Laburista wassal il-messaġġ tiegħu.

Waħda mid-dispjaċir li għandi huwa li l-pandemija ġiet mal-100 sena tal-Partit Laburista fejn il-Partit kien prepara numru ta’ attivitjiet u dawn ma setgħux isiru. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kellhom isiru b’mod restritt u revidut. Hemm proġetti li kienu f’moħħna għall-100 sena tal-Partit u għadni qed nittama li dawn isiru xorta fiż-żmien li ġej. Minn hawn nirringrazzja l-kollaborazzjoni li dejjem sibt mingħand il-Kap Eżekuttiv l-Onorevoli Dr Randolph Debattista.

Ma nistax ma nsemmix iż-żmien li fih kellna nagħmlu ħafna xogħol biex organizzajna l-elezzjoni tal-Mexxej ġdid tal-Partit Laburista. Din kienet l-ewwel darba li organizzajna l-kungress għall-membri tal-Partit. Il-loġistika wara kienet sfida u interessanti. Ħdimt fil-qrib mal-kummissjoni elettorali biex stajna noħorġu tajjeb ma’ kull min kien qed isegwi dak li preparajna. Wieħed ma jridx jinsa li din l-elezzjoni saret meta l-Ewropa kollha kienet qed tħares lejna u tistenna l-Mexxej u Prim Ministru ġdid ta’ pajjiżna. Biss biss insemmi l-ammont kbir ta’ ġurnalisti barranin li kienu preżenti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex isegwu l-għadd tal-voti. Ninsab kburi li r-riżultat ta’ dak li ħdimna għalih kien wieħed sodisfaċenti għax irnexxielna nkunu organizzati tajjeb ħafna u qlajna biss kummenti ta’ tifħir fuq kemm konna organizzati u kemm kollox mexa b’mod tajjeb.

Minn kif laħaq Robert Abela bħala Mexxej tal-Partit Laburista, mill-ewwel bdejna norganizzaw attivitajiet b’differenza. L-attivitajiet li għamilna l-Ħdud filgħodu għamilniehom barra, bi sfida li nsibu postijiet b’xenarju sabiħ. Din kienet sfida kbira wkoll minħabba li apparti x-xenarju ridna naraw d-direzzjoni tax-xemx u r-riħ. Ma nistax ma nsemmix li kellna attivitajiet li minħabba l-maltemp t-tim tal-armar fi ftit ħin kien ikollu jarma f’post differenti. Wara ftit il-Partit Nazzjonalista ikkupjana. Ma għandiex għalfejn inkun sorpriż !!

Il-ħidma mwettqa minni fl-aħħar sena kienet karatterizzata mill-Elezzjoni Ġenerali, fejn bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera, irnexxielna nagħmlu kampanja professjonali u kampanja fejn għal darba oħra wrejna lil kulħadd kemm aħna kapaċi nilqgħu l-isfidi li jkollna quddiema u norganizzaw attivitajiet li bihom inwasslu b’mod ċar il-messaġġ tal-Partit Laburitsa. Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja b’mod formali lill-Prim Ministru Robert Abela tal-fiduċja li wera fija biex stajt inkompli bil-ħidma tiegħi f’din il-kariga u biex inkompli noħroġ b’ideat logistiċi għall-attivitajiet li nkunu qed norgannizaw.

Il-preparazzjoni ta’ Kampanja Elettorali ma jibdewx minn meta l-Prim Ministru jħabbar id-data tal-elezzjoni imma jibdew ferm qabel, b disinn ta’ settijiet, disinn ta’ l-għamara li tintuża fl-attivitajiet, kif ukoll il-bini u l-preparamenti ghalihom. Hawn hekk nixtieq insemmi lit-tim li ħdimna ferm tajjeb flimkien, fejn minn ħafna qabel l-elezzjoni ddiskutejna għal siegħat twal biex wasalna għal pjan ta’ kull ġurnata fil-kampanja elettorali, x’tip ta’ attivitajiet se jkollna u x’se nkunu qed inwasslu lill- elettorat minn kull attività.

Wara li l-pjanijiet saru, jien ma stajtx naħdem waħdi u minn qalbi nirringrazzja lit-tim tal-loġistika li għamel xogħol kbir taħt it-tmexxija tiegħi biex dak li ppjanajna seta’ jsir realtà. Flimkien għażilna l-postijiet ta’ fejn se jsiru l-attivitajiet, morna fuq il-postijiet, rajna xi problemi nistgħu nsibu waqt l-armar u preparajna għalihom biex meta jsir l-armar dan isir b’inqas intoppi. Kemm jien kburi bil-ħidma tagħkom u żgur li se nkomplu naħdmu flimkien għal futur li ġej.

Ma nistax ma nsemmix lil numru kbir ta’ volontiera li kienu involuti mat-tim tiegħi biex wasalna dak li rajtu jiġri fil-kampanja. It-tim tal-armar dejjem ikun protagonista fl-attivitajiet li norganizzaw għax dawn jaħdmu qatiegħ biex jippreparaw u jarmaw partijiet mis-settijiet. Minn hawn nieħu l-opportunità u nħeġġeġ lil dawk kollha li kapaċi jagħmlu xogħol manwali biex jersqu lejna u jingħaqdu f’dan it-tim biex inkomplu nkunu nistgħu nagħmlu iktar xogħol u niffrankaw l-ispejjeż. Nixtieq ukoll nirringrazzja lit-tim tas-security tal-Partit li jagħtuni l-għajnuna f’kull attivita biex in-nies li jiġu għall-attvitajiet jidħlu b’mod organizzat. Fl-aħħar u mhux l-inqas ma nistax ma nirringrazzjax lit-tim li tawni l-għanuna amministrattiva li f’din il-kampanja kienet iktar importanti minħabba li kull min attenda kellu jibbukkja. Din kienet bicca xogħol li haditilna ħafna ħin imma bis-saħħa ta’ dan dawn il-volontarji rnexxielna ukoll ngħelbu din l-sfida.

Ma nistax nitkellem fuq il-kampanja elettorali u ma nsemmiex iz-żewġ kunċerti kbar ‘Together in Concert’. Kulħadd qalli li lħaqna livelli mill-iktar għoljin u li kienu żewġ attivitajiet li kull min attenda ħa gost bihom u anki dawk li segwewhom mid-dar apprezzaw il-ħidma li saret. B’dawn il-kunċerti tajna l-assigurazzjoni lill-elettorat li aħna lesti ngħelbu kull sfida anki fi żminijiet diffiċli. Tajna prova li lesti nkomplu niggvernaw. Għal dawn il-kunċerti kellna numru ta’ volontiera oħra li kienu qed jaħdmu fuqu ghal diversi ġimgħat matul il-kampanja elettrorali. Mill-qalbi nirringrazzja lit-tim kollu b’mod speċjali lit-tim tal-produzzjoni tal-kunċert. Kemm għandna biex inkunu kburin kemm għandna talent. Mhux ta’ b’xejn qegħdin immexxu lil dan il-pajjiż b’mod tajjeb ħafna.

Meta nħarsu lura naraw li fl-attivitajiet tagħna dejjem ippruvajna nkunu innovattivi. L-isfida għall-futur hija ta kif se nkomplu nikbru f’dan is-settur. Miniex se naqta’ qalbi u ħa nkompli naħdem biex ikollna sorpriżi ġodda u li mill-aspett loġistiku nkunu dejjem ħafna aħjar mill-avversarji tagħna. L-għan aħħari tagħna huwa li bl-attivitajiet li norganizzaw inkomplu nwasslu l-messaġġ tal-Partit b’mod ċar u nkomplu nressqu lejna nies li forsi għadhom mhux konviniti bil-politika tal-Partit Laburista.

Bħalissa l-Parit Nazzjonalista huma maqsumin f’elf biċċa u ma jistax jieħu r-ruħ. Kburi ngħid li aħna nibqghu naħdmu f’tim wieħed magħqud u mimli talenti. Sħabi Delegati ejja nibqgħu magħqudin wara l-Prim Ministru Robert Abela biex ikompli jmexxina halli nibqgħu nikbru, nibqgħu nissaħħu u nibqgħu nkunu l-għira tal-Partit Nazzjonalista. Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa u b’hekk biss inkunu nistgħu nkomplu nirbħu l-isfidi elettorali li jkollna quddiemna.

 

William Lewis
Segretarju Organizzativ

RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

Wara s-suċċess elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2022, l-uffiċċju tar-relazzjonijiet internazzjonali iffoka sabiex ikompli jsaħħaħ r-relazzjonijiet tiegħu barra minn xtutna b’mod speċjali mal-Partiti Soċjalisti Ewropej.

 

BERLIN 2022 – Konferenza

Delegazzjoni tal-Partit Laburista mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela attendiet għall-Kungress tal-Partit Soċjalisti Ewropej ġewwa Berlin. Il-Prim Ministru ipparteċipa f’diskussjoni waqt il-Kungress flimkien mal-Prim Ministri ta’ Spanja, il-Portugall u l-Isvezja.

 

Laqgħat – PES

Komplejna naħdmu biex insaħħu l-pożizzjoni tal-Partit Laburista fil-Partit tas-Soċjalisti Ewropej. Dan billi attendejna għal diversi laqgħat dwar il-hidma tal-Unjoni Ewropea organizzati għall-Partiti li jifformaw parti minn dan il-Partit Soċjalista Ewropej.

 

Laqgħat – Bilaterali

Il-Partit Laburista ma ħadimx biss fuq relazzjonijiet ma’ Partiti Ewropej, iżda żamm il- committment storiku tiegħu biex il-Partit ikollu l-aqwa relazzjoni maċ-Ċina u biex il-Partit Laburista jkompli jkun il-punt ta’ referenza għal CPC ġewwa l-Ewropa. Matul is -sena saru diversi laqgħat online bejn membri taż-żewġ partiti.

Din is-sena saret żjara mil-Libjan Youth Dialogue Forum ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn saret laqgħa ma’ membri tal-Amministrazzjoni. Matul din il-laqgħa, spjegawlna dwar is-sitwazzjoni preżenti ġewwa l-Libja, ix-xogħol li qegħdin jagħmlu, kif ukoll kif aħna bħala Partit nistgħu ntejbu r-relazzjonijiet tagħna magħhom.

 

Il-Korp Diplomatiku

Inżamm kuntatt kontinwu matul is-sena kollha mal-Korp Diplomatiku ġewwa ċ- Ċentru Nazzjonali Laburista kif ukoll ġewwa l-Ambaxxati tagħhom. Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi x-xogħol tal-Partit fil-Gvern kif ukoll ċertu problemi li l-komunitajiet rispettivi qed jaffaċjaw fis-soċjetà Maltija. Saru wkoll laqgħat matul is-sena ma’ membri ta’ komunitajiet differenti biex inkomplu nifhmu iktar il-problemi tagħhom u naraw kif il-Partit Laburista jista’ jkompli jkun ta’ għajnuna għal dawn il-komunitajiet.

Il-Partit Laburista jagħti garanzija li f’kwalunkwe diskussjoni li ssir barra minn Malta, se jaħdem biex ifaħħar lil Malta u jġib l-interess ta’ Malta qabel kollox.

Il-ħidma Parlamentari għal din il-leġislatura bdiet ftit ġimgħat wara li ngħalaq il-proċess elettorali, li għall-ewwel darba wassal biex fil-Grupp Parlamentari Laburista għandna mhux biss l-akbar rappreżentanza femminili fl-istorja tal-Partit, imma l-akbar Grupp fl-istorja.

L-għan tagħna fuq livell ta’ Grupp Parlamentari huwa li l-elf proposta tal-Manifest Elettorali “Malta Flimkien” jiġu implimentati. Għaldaqstant bdejna biex mill-kliem ngħaddu mill-ewwel għat-twettiq.

Filfatt fl-ewwel mitt jum wettaqna riformi importanti, hekk kif kien imwiegħed tul il-kampanja elettorali. Bgħatna messaġġ wieħed – li dak li nwiegħdu nwettquh.

Kien għalhekk li fost l-ewwel items li ddiskutejna kienet biex il-Kodiċi Kriminali, sa fl-aħħar, jipprovdi għal piena għal tentattiv ta’ omiċidju volontarju meta dan ikun jammonta għal femiċidju jew tentattiv ta’ femiċidju – kif ukoll għall-esklużjoni tal-femiċidju billi jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli abbazi ta’ passjoni istantanja.

Liġi oħra importanti li għaddejna mill-Parlament kienet dik dwar il-Prokreazzjoni Assistita. Kif tkellimna u smajna tul il-Kampanja Elettorali – esperjenzi ta’ qsim il-qalb – li wasslu biex saħħaħna l-qafas leġislattiv biex jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-oocytes u tal-isperma u sabiex tiżdied l-opportunità li aktar individwi jkollhom riżultat ta’ suċċess bl-IVF. Apparti minn hekk, dan il-qafas legali, issa jiffaċilita l-adozzjoni tal-embrijuni għall-ġenitur jew ġenituri prospettivi.

Il-kuxjenza ambjentali kienet ukoll strumentali biex fl-ewwel mitt jum ta’ dan il-Gvern assigurajna li nagħtu art taż-Żonqor f’Marsascala lura lin-nies, filwaqt li f’Bormla insebbħu u nagħtu spazju ieħor miftuħ lin-nies tal-Kottonera u l-madwar.

Dan kollu sar filwaqt li f’Ottubru, preżentajna wkoll Budget bl-akbar investiment soċjali fl-istorja sabiex nassiguraw li fis-snin li ġej, minkella d-diffikultajiet internazzjonali li l-ekonomiji globali għaddejjin minnhom, in-nies ma jġorrux l-piżijiet fuqhom. B’hekk inkomplu noħolqu aktar opportunitajiet għal aktar progress filwaqt li tkun assigurata ċ-ċertezza u l-istabbiltà.

Ninsabu kommessi biex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin inkomplu niddiskutu u ndaħħlu fis-seħħ aktar liġijiet li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan diġà qiegħed isir billi daħħalna fis-seħħ liġijiet intiżi biex jintlaħaq bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata u liġijiet oħra li jkomplu jsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-Partit Laburista, fl-istorja tiegħu qatt ma beża’ milli jiġġieled l-istatus quo. Ir-riformi, dejjem kienu essenzjali sabiex nassiguraw progress u avvanz soċjali filwaqt li naraw li tkompli tinħoloq ġustizzja soċjali u ugwaljanza. Permezz tal-kuraġġ għal emendi leġislattivi, li se jittellgħu għad-diskussjoni Parlamentari anke fil-ġimgħat li ġejjin, se naraw li pajjiżna jkompli javvanza.

MPE

ALFRED SANT

Bħala negozjatur għall-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (S&D), kelli responsabbiltà fit-tħejjija ta’ dawn il-liġijiet Ewropej u rapporti fil-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew dwar:

–miżuri ġodda u komprensivi għall-banek u istituzzjonijiet finanzjariji Ewropej kollha dwar sigurtà fit-tmexxija tas-sistemi diġitali tagħhom – f’liġi msemmija DORA li se tkun essenzjali għas-sigurtá ta’ kif il-fondi ta’ biljuni ta’ depożitanti se jiġu mħarsa minn serq u tbagħbis;

–l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea fis-swieq monetarji u kapitali;

–emendi fil-proposti li jridu jippubblikaw kumpaniji żgħar u medji meta joħorġu offerti għall-ishma ġodda fi żmien ta’ kriżi;

–id-differenza bejn dak li l-gvernijiet suppost idaħħlu mit-taxxa tal-VAT u dak li tassew idaħħlu (“VAT gap”);

–l-Att dwar is-Servizzi Diġitali;

–ir-Regolament ġdid dwar is-sussidji barranin, fejn spiċċajt f’minoranza assoluta għax b’xejn ma naqbel ma’ din il-liġi u nqis li la hi fl-interess ta’ Malta u lanqas tal-Unjoni Ewropea.
Ressaqt emendi sinjifkattivi, ħafna minnhom aċċettati, uħud għadhom pendenti – l-aktar mil-lat tal-ħarsien tal-interessi ta’ gżejjer (bħal Malta) u ta’ żoni periferali fl-Unjoni Ewropea – fuq dawn il-liġijiet Ewropej u rapporti:

–l-EU Chips Act, maħsuba biex tippromwovi l-produzzjoni ta’ elementi ta’ kompjuter fosthom elementi bħal dawk li tipproduċi l-ST f’Malta;

–id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija (Energy Taxation Directive) li qed tipproponi żieda qawwija fuq it-taxxa tal-pitrolju li jużaw l-ajruplani;

–Regolament propost dwar l-“Alternative Investment Fund Managers”;

–id-direttiva Ewropea hekk imsejħa “Unshell”, dwar kumpaniji li jġorru fihom kumpaniji oħra biex jevitaw it-taxxa;

–il-Pakkett Bankarju (Banking Package);

–il-miżuri li qed jitqiesu biex jingħarfu s-sogri fil-qasam tal-“crypto assets”;

–ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni;

–REPower EU, fl-oqsma dwar kif se jiġi finanzjat il-Green Deal.

Ħadt sehem f’dawn il-konferenzi Ewropej bħala wieħed mill-kelliema ewlenin, dwar:

–Big Data and Cloud;

–Cyber Security : QED;

–Resiljenza Finanzjarja (FERMA);

–Il-futur tal-insurances taħt Solvency 2 (Kangaroo group);

–Relazzjonijiet Ewropa-Ċina (Chinese Chamber of Commerce).

Ipparteċipajt f’konferenza bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali tal-pajjizi membri tal-Unjoni fi Praga dwar ir-riformi meħtieġa biex titjieb it-tmexxija taż-żona ewro.
Ħadt sehem fil-laqgħat regolari tal-mexxejja tad-delegazzjonijiet nazzjonali fi ħdan il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratici (S&D) b’linja kostanti kontra t-tneħħija tar-regola tal-unanimità fil-qasam tad-deċiżjonijiet Ewropej, speċjalment f’materji ta’ taxxa; l-introduzzjoni ta’ kostitwenzi magħmula minn pajjiżi different fl-elezzjonijiet Ewropej; u d-dħul ta’ taxxi ġodda Ewropej – u favur politika Ewropea aktar effettiva fil-qasam tal-immigrazzjoni.

L-uffiċċju tiegħi tella’ bl-appoġġ tal-grupp tal-S&D sensiela ta’ programmi televiżivi informattivi dwar temi Maltin u Ewropej fuq il-kanal televiżiv Fliving, kull ġimgħatejn, bis-sehem ta’ esperti. Issir riċerka apposta għal kull programm.

 

Alex Agius Saliba

L-MPE Alex Agius Saliba huwa attiv f’xejn anqas minn seba’ kumitati fil-Parlament Ewropew li fihom, matul dawn l-aħħar snin, wettaq ħidma f’setturi varji favur l-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u l-interess aktar wiesgħa taċ-ċittadini Ewropej kollha. Fost dawn is-setturi, il-MPE Agius Saliba huwa magħruf bi prominenza għall-ħidma li wettaq fis-settur diġitali fejn matul dawn l-aħħar sentejn ħadem fuq leġislazzjoni revoluzzjonarja f’dan is-settur, inkluż l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-liġi dwar iċ-Ċarġer Komuni tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll l-estenzjoni tar-regoli tar-roaming fl-Unjoni Ewropea. Fuq livell lokali, huwa wettaq ukoll studju innovattiv dwar l-użu tal-internet f’pajjiżna li wassal għal aktar għarfien dwar is-sigurtá fuq l-internet. Dan ix-xogħol ġie rikonoxxut mill-ġurnal awtorevoli Politico, li din is-sena, għat-tieni darba semmiet lill-MPE Agius Saliba bħala wieħed mill-politiċi ewlenin fil-Parlament Ewropew u f’okkażjoni oħra semmietu bħala wieħed mill-għaxar politiċi importanti fis-settur diġitali. Aktar minn hekk, wara li kiseb appoġġ b’saħħtu, Agius Saliba ġie maħtur Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u huwa responsabbli mill-Innovazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali u Ewropa diġitali b’saħħitha għal kulħadd.

Il-MPE Agius Saliba ħadem ukoll fis-settur soċjali u tax-xogħol, fejn b’mod partikolari rnexxielu jinnegozja b’suċċess il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u abbozza rakkomandazzjonijiet għal Direttiva Ewropea ġdida dwar ir-Right to Disconnect. Huwa ħejja wkoll rapport dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitá u jifforma parti mill-grupp ta’ ħidma tal-Parlament li qed isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNCRPD).

Minbarra l-ħidma fil-kumitati Parlamentari, il-MPE Agius Saliba huwa attiv ukoll fi gruppi ta’ ħidma oħra fejn fost oħrajn kien wieħed mill-fundaturi tal-Alleanza tal-Kannabis Mediċinali fil-Parlament Ewropew u Chair tal-Alleanza Ewropea Brain, Mind, Pain. Bħala President tal-Forum dwar is-Saħħa tas-Smiegħ tal-Unjoni Ewropea, huwa ħadem mal-Ministeru għall-Inklużjoni fuq proġett pilota biex jgħin fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ smiegħ.

Aktar minn hekk, il-MPE Agius Saliba kompla bil-ħidma tiegħu favur kaċċa u nsib sostenibbli mal-gruppi li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba f’Malta sabiex tkompli tasal il-vuċi tagħhom fl-Istituzzjonijiet Ewropej. Huwa ħadem ukoll biex iwassal il-vuċi ta’ bdiewa u raħħala Maltin fil-fora Ewropej mhux lanqas fil-kwistjoni dwar il-problema tal-art agrikola, u fuq livell lokal mexxa ‘l quddiem l-inizjattiva ‘Adopt a Tree’ bil-għan li jinxtered l-għarfien u t-tkabbir ta’ pjanti endemiċi Maltin.

 

Josianne Cutajar

Fiċ-ċentru ta’ ħidmietha l-MPE Josianne Cutajar żammet l-interessi ta’ Malta u Għawdex; f’mumenti fejn kien hemm riżoluzzjonijiet inġusti fil-konfront ta’ pajjiżna, u fil-kumplament ta’ xogħolha; b’ħidma sfieqa f’setturi bħat-trasport, it-teknoloġija, it-turiżmu u l-politika tal-gżejjer; dejjem xprunata mill-valuri soċjalisti t’ugwaljanza u inklużjoni u li ma nħallu lil ħadd warajna fir-riformi kbar li rridu nwettqu.

Bħala Viċi President tal-Intergrupp dwar il-Gżejjer u membru tal-Kumitat tal-Politika Reġjonali, Cutajar kompliet taħdem biex il-gżejjer jiġu mismugħa aktar fuq livell Ewropew. Permezz ta’ Rapport relatat mal-Gżejjer li jsejjaħ għal “patt ġdid” bejn l-Unjoni Ewropea u l-gżejjer tagħha, hi kkontribwixxiet b’mod dirett mill-esperjenza tagħha t’Għawdxija u Maltija. Dan sabiex l-isfidi ta’ gżejjer bħal tagħna jiġu rikonoxxuti, bħala punt ta’ ġustizzja soċjali maċ-ċittadini u l-intrapriżi li ġejjin minnhom.

Bħala membru fil-Kumitat tal-Enerġija u t-Trasport, Dr Cutajar ħadmet biex ir-realtà differenti ta’ pajjiżna tiġi kkunsidrata anke fil-pakkett ta’ liġijiet ambjentali msejjaħ ‘Fitfor55’. Aħna u nagħmlu l-qalba ambjentali ma nistgħux inħallu warajna gżejjer bħal tagħna li għandhom realtajiet differenti mill-kontinent, inkluż id-dipendenza fuq it-trasport bl-ajru u l-baħar. Intant, hi ppreżentat diversi emendi fl-aħħar xhur u rnexxielha tassigura li vapuri bħal Gozo Channel li joperaw lejn gżejjer żgħar bħal Għawdex, ikunu eżentati minn ċertu regolamenti.

Dr Cutajar wettqet ukoll ħidma importanti fil-qasam diġitali bħala n-negozjatriċi tas-Soċjalisti għall-programm tad-Deċenju Diġitali, li jinkludi miri diġitali importanti li rridu nilħqu sal-2030, anke fejn jidħlu l-ħiliet tal-ħaddiema u l-anzjani tagħna. Hi qed timbotta wkoll għall-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali, flimkien mal-importanza li l-ebda persuna u l-ebda reġjun ma jitħallew jaqgħu lura fil-qalba teknoloġika. Cutajar mexxiet ukoll il-pożizzjoni tal-Kumitat tat-Trasport fuq liġi Ewropea ġdida dwar l-intelliġenza artifiċjali.

Fi żmien ta’ sfidi mill-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra attwali fl-Ukrajna, Cutajar kompliet timbotta sabiex iċ-ċittadini, speċjalment dawk vulnerabbli, ma jħallsux il-prezz qares huma.

 

Cyrus Engerer

Ħidma effettiva favur Malta u l-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew huma essenzjali biex immexxu ‘l quddiem l-interessi tagħna u l-pożizzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżna, kif ukoll biex titkattar il-kredibiltà kemm tal-Membri tal-Parlament Ewropew infusna, kif ukoll tal-Partit u l-pajjiż li nkunu qegħdin nirrappreżentaw.

Matul dawn is-sentejn ġejt fdat mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew biex nirrappreżenta l-grupp fl-oqsma tal-Ambjent, is-Saħħa, il-Ġustizzja, l-Intern, il-Libertajiet Ċivili (inkluż dawk tan-nisa) u l-mod ta’ kif għandha tiffunzjona l-Unjoni Ewropea tal-futur. Kollha temi iebsa għal pajjiżna li però bħala uffiċċju qegħdin inħallu r-riżultati fihom:

  • Deroga għal Malta għall-importazzjoni ta’ mediċini li mdorrijin bihom mir-Renju Unit wara Brexit;
  • Qbil fuq il-liġi tal-emmissjonijiet għal kwalità ta’ arja aħjar;
  • Ippreżentajt il-ħsibijiet tas-Soċjalisti dwar it-Tibdil fil-Klima waqt il-laqgħa COP;
  • Esportajt is-suċċessi ta’ Malta, b’dikjarazzjoni għall-ewwel darba tal-Unjoni Ewropea bħala żona ta’ libertà għal persuni LGBTIQ;
  • Rikonoxxut il-progress ta’ Malta fil-qasam tal-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt;
  • Qbil dwar pjan Ewropew fil-ġlieda kontra l-kanċer;
  • Proposti Ewropej biex nattiraw il-ħaddiema li għandna bżonn lejn l-Ewropa;
  • Tmexxija tan-negozjati dwar il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea;
  • Qbil dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos;
  • Diskussjonijiet għall-ewwel darba ma’ partijiet differenti tal-Parlament Ewropew dwar temi skomdi għal pajjiżna;
  • Waqqaft id-diskussjonijiet dwar ir-reception centres għall-immigranti rregolari, qabel ma’ jkun hemm qbil dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti rregolari;

Però fuq kollox l-ikbar sodisfazzjon ma kienx wieħed relatat mal-liġijiet, regolamenti jew direttivi tal-Unjoni Ewropea, iżda għax ftaħt l-uffiċċju tiegħi għal żgħażagħ Laburisti u progressivi biex iqattgħu ġimgħa miegħi u l-assistenti tiegħi fl-uffiċċju jesperjenzaw, jmissu direttament il-ħidma ta’ Membru tal-Parlament Ewropew. Matul din il-leġislatura se nkun ospitajt mal-200 żagħżugħ fl-uffiċċju.

Matul din is-sena Żgħażagħ Laburisti kienu primarjament impenjati bil-kampanja għall-Elezzjoni Ġenerali bit-tema ‘Together We Are’ b’kontenut mifrux fuq id-diversi mezzi soċjali tal-fergħa. Tul il-kampanja saru diversi attivitajiet fejn kellhom iċ-ċans jitkellmu l-kandidati u żgħażagħ oħrajn. Saru numru ta’ action days, inkluż fil-Junior College, Għawdex u l-MCAST kif ukoll ipparteċipajna fl-attivitajiet prinċipali mtellgħa mill-Partit Laburista. Ir-rata ta’ suċċess tal-kandidatura żagħżugħa kien ta’ 69% taż-żgħażagħ li ġew eletti, filwaqt li s-sitt nisa żgħażagħ li kkontestaw, illum kollha huma Deputati Parlamentari.

Żgħażagħ Laburisti fakkar Jum iż-Żgħażagħ Soċjalisti flimkien mal-Prim Ministru, il-GWU u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista fejn sar tqegħid ta’ fjuri mat-tifkira ta’ din il-ġurnata f’Raħal Ġdid. Ġiet organizzata wkoll diskussjoni mal-membri bl-isem ‘Is-Soċjaliżmu Illum’. Il-kelliema mistiedna kienu d-Deputat Mexxej Daniel Micallef u l-Eks Ministru għall-Affarijiet Barranin, in-Nutar Dr Alex Sceberras Trigona.

Aktar kmieni din is-sena ġie elett Eżekuttiv ġdid fejn komplejna niġġeddu b’membri ġodda li ngħaqdu magħna.

Intant, minnufih xammarna l-kmien u bdejna naħdmu fuq proġetti ġodda. Nedejna l-kampanja ‘Indaqs’ bil-għan aħħari jkun li matul it-terminu ta’ dan l-eżekuttiv ikompli jitwassal messaġġ ta’ ugwaljanza, iżda wkoll noħorġu ideat u proposti sabiex inkomplu mmexxu din l-isfera ‘l quddiem.

Bħala parti minn din il-kampanja, Żgħażagħ Laburisti organizza blood drive hekk kif wara numru ta’ snin fejn tulhom Żgħażagħ Laburisti imbuttaw ‘l quddiem il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-għoti tad-demm, il-Gvern aġġorna l-protokolli tiegħu f’dan ir-rigward. Għal din id-drive, ipparteċipaw ukoll membri tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Konna wkoll parteċipi waqt il-Pride March.

Bħal snin preċedenti, konna preżenti waqt Freshers’ Week ġewwa l-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u fil-Grupp S&D. Żgħażagħ Laburisti komplew ukoll bl-impenji tagħhom fuq livell nazzjonali bħal Budget u anke fuq livell internazzjonali b’impenji fil-Presidium taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej, hekk kif fl-2021, għall-ewwel darba, Żgħażagħ Laburisti ospitat il-Kungress tal-YES u ġiet ikkonfermata l-Viċi-Presidenza ta’ Malta fil-YES wara li aktar kmieni fl-istess sena, Malta rebħet din il-kariga.

 

 

Maria Ellul
Segretarju Ġenerali

Minkejja l-isfidi ta’ sentejn ta’ pandemija, Fondazzjoni iDEAT baqgħet għaddejja bil-ħidma tagħha li fuq kollox tassigura diskussjoni fuq aspetti varji li jolqtu lis-soċjetà Maltija.

Policy

Waħda mill-għanijiet prinċipali ta’ Fondazzjoni iDEAT hi li tħeġġeġ id-diskussjoni. Nemmnu li iDEAT għandha jkollha l-kuraġġ li tiddiskuti anke dawk is-suġġetti meqjusa ta’ taboo fis-soċjetà Maltija. iDEAT għandha l-irwol li tisma’, tevalwa u twassal dak li s-soċjetà ċivili b’mod wiesgħa qiegħda tħoss jew tiddiskuti u dan sabiex il-Partit Laburista jżomm kuntatt dirett maċ-ċittadini hemm barra.

Matul l-2021 u l-2022, il-fergħa tal-policy fi ħdan Fondazzjoni iDEAT kompliet taħdem proprju fuq dan sabiex tassigura li tagħti ideat differenti fuq suġġetti varji u dan għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi u dan billi jelenka punti kruċjali li l-Partit Laburista għandu jaħseb u janalizza dwarhom fi żmien li ġej.

Matul l-2021 u 2022, iDEAT ippreparat diversi policy documents bi proposti fuq materji differenti li ġie ppreżentat u diskuss mad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u dan qabel ma ġie varat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Il-proposti kienu jittrattaw materji bħall-edukazzjoni, turiżmu, l-ambjent u l-ekonomija. Kien ta’ sodisfazzjon għalina bħala Fondazzjoni iDEAT li dawn il-proposti ġew milqugħa b’mod pożittiv mill-Partit Laburista.

Barra minnhekk, Fondazzjoni iDEAT ħadet ukoll sehem f’diversi konsultazzjonijiet pubbliċi varati minn Ministeri differenti inkluż il-konsultazzjoni pubblika bl-isem “A social Vision for Malta 2035”, “Strateġija Nazzjonali Ambjent 2050” u bl-aktar waħda riċenti bl-isem “Riforma Kunsill Lokali”.

Edukazzjoni

Waħda mill-għanijiet prinċipali ta’ Fondazzjoni iDEAT hi fuq kollox dik li sservi bħala ċentru għall-istudji politiċi u li jkollha rwol ċentrali u proattiv fil-promozzjoni ta’ edukazzjoni kemm akkademika kif ukoll politika.

Matul l-2021 u l-2022, iDEAT tellgħet żewġ korsijiet bl-isem ta’ Introduction to Politics u Introduction to International Politics li offrew iżjed għarfien dwar il-politika kemm dik nazzjonali u kemm dik internazzjonali għal dawk kollha li attendew.

Barra minn hekk, f’Mejju 2022, Fondazzjoni iDEAT, bil-għajnuna tal-membri tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, mexxiet ukoll kors introdutorju għal dawk il-kandidati ġodda f’isem il-Partit Laburista, kors li offra l-għodod neċessarji għall-politiċi żgħażagħ bi wħud saħansitra wkoll jagħmula fil-Parlament.

Fix-xahar ta’ Novembru 2022, Fondazzjoni iDEAT qed ittella’ kors ieħor din id-darba bl-isem ta’ Public Speaking li joffri wkoll għarfien dwar kif persuna għandha twassal u tikkomunika l-messaġġ tagħha kemm jekk fil-politika iżda wkoll fil-ħajja u fix-xogħol.

Sehem fil-Konfrenza tal-Partit Laburista bl-isem Inġeddu Malta Flimkien

F’Settembru 2021 l-iDEAT ħadet sehem fil-konferenza tal-Partit Laburista bl-isem Inġeddu Malta Flimkien, konferenza li fiha ġiet diskussa materja importanti dwar it-tisħiħ tad-demokrazija ta’ pajjiżna ossia r-riforma fis-sistema elettorali ta’ pajjiżna.

Fi żmien li ġej iDEAT qed timpenja ruħha li tkompli tiddiskuti dan f’iżjed dettal u riċerka sabiex jinxteħet dawl fuq l-aħjar sistema għal pajjiżna.

Barra minn hekk fis-sena 2021, l-iDEAT ukoll xpurant diskussjoni dwar riforma fil-liġi dwar l-Ewtanażja suġġett li saħansitra kien propost li ssir diskussjoni iżjed wiesgħa fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ta’ Gunju 2022.

Preżenza onlajn

Fid-dinja teknoliġika tal-lum, preżenza fuq social media hija kruċjali sabiex il-messaġġ jasal għand iżjed nies b’mod partikolari żgħażagħ. Għaldaqstant iDEAT impenjat ruħha sabiex twassal il-messaġġ fuq suġġetti varji permezz ta’ VLOGS fejn kienu jiġu mistiedna nies minn sferi differenti u jitkellmu b’mod liberu fuq suġġetti speċifiċi fosthom l-ambjent, trasport u sigurtà.

Barra minn hekk, l-iDEAT tħares dejjem li dejjem twessa’ l-udjenza tagħha billi żżid il-preżenza onlajn permess ta’ posts u ritratti.

Pjan ta’ ħidma

iDEAT preżentament qed taħdem fuq proċess ta’ re-branding bil-għan illi l-għaqda tibqa’ friska. Filwaqt illi huwa kruċjali li l-għeruq tal-għaqda jibqgħu b’saħħithom, madankollu huwa kruċjali li l-għaqda tibqa’ tattira nies differenti ġejjin minn kull sfera tal-ħajja u dan sabiex l-iDEAT tibqa’ msawra bi ħsibijiet differenti.

Barra minn hekk ma jonqsox ukoll iżjed kampanji u diskussjonijiet għal riformi kbar anke leġiżlattivi u forsi għaliex le b’uħud ikunu anke dibattibbli. Fl-aħħar mill-aħħar bħala think tank tal-Partit Laburista huwa l-irwol prinċipali li nisimgħu u niddiskutu dak li n-nies qegħdin jitkellmu dwaru bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Fl-aħħar nett iDEAT tirringrazzja lil kull membru passati u preżenti tal-istess għaqda għaliex mingħajr is-sagrifiċċju ta’ kull wieħed u waħda ċertament li l-attivitajiet li jsiru ma jkunux ta’suċċess.

Rapport Veterani Laburisti

Minħabba ż-żminijiet diffiċli li għaddejna minnhom, il-ħidma tal-Għaqda tagħna kienet imxekkla sewwa billi l-pandemija tal-Covid kienet qed tolqot l-aktar bil-kbir lill-Anzjani, li għal ċertu żmien, kienu ngħataw il-parir biex jekk mhux għal bżonn kellhom jibqgħu d-dar u aktar tard fortunatament lejn tmiem is-sena li għaddiet l-affarijiet marru għall-aħjar u allura l-anzjani setgħu jkunu aktar attivi.

Il-Veterani Laburisti, kemm bħala Għaqda, kif ukoll individwalment kienu fuq ta’ quddiem fil-ħidma kemm għall-preparazzjoni kif ukoll waqt il-kampanja elettorali.

Huma propju numru ta’ Laburisti ta ‘l fuq minn sittin sena, u allura membri tal-Għaqda, li taw sehemhom waqt it-tqassim tal-voti, it-telefonati li jsiru qabel u waqt il-votazzjoni, kif ukoll bħala aġenti tal-Partit fil-postijiet tal-elezzjoni, biex ma nsemmix id-daqqa t’id li taw lil diversi kandidati fiż-żjarat tagħhom lill-familji u attivitajiet oħra.

Il-Veterani Laburisti, permezz tal-President tagħha, ippreżentaw sensiela ta’ programmi fuq One Radio bit-tiltu ‘Kliem ix-Xiħ żomm Fih’ sabiex iwasslu għand is-semmiegħa anzjani dak li kien qed ikun diskuss fil-proċess tal-Mitt Idea kif ukoll jisma’ dak li kellhom xi jgħidu l-anzjani dwar dak li kien qed ikun diskuss.

L-Għaqda ħadet ħsieb ukoll biex tipproduċi folja informattiva biex jiġu evitati l-istereo tipi meta kelliem jitkellmu dwar l-anzjanità u persuni anzjani. Dan biex jgħin lill-kelliema, kandidati għall-elezzjoni u l-media Laburista waqt il-kampanja elettorali.

Studju u Seminar

Biex jgħin il-Partit fil-ħidma tiegħu favur l-Anzjani l-Veterani Laburisti qabdu lill-Professur Bezzina jagħmel rapport dwar ‘l hekk msejħa Silver Economy f’Malta li jittratta dwar il-kontribut tal-Anzjani lejn l-ekonomija Maltija mhux biss permezz tal-ħidma tagħhom, iżda wkoll il-konsum u ħtiġijiet oħra tal-Anzjani li jikkreaw għadd ta’ impjiegi u kummerċ.

Ġie ukoll organizzat Seminar bit-tema: L-Anzjani: mobbilità, aċċess u infrastruttura. Fejn ġie diskuss il-ħtiġijiet tal-Anzjani fejn tidħol l-infrastruttura l-aktar fejn din tolqot il-mobbilità tal-anzjani u l-aċċess għal ċertu postijiet u faċilitajiet.

Attivitajiet Soċjali

Wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19, il-Kumitat Soċjali kompla bil-ħidma tiegħu u beda jorganizza mill-ġdid l-attivitajiet tas-soltu

Inħarsu ‘l quddiem

Billi l-Veterani Laburisti ser jagħlqu 35 sena mit-twaqqif tagħhom din is-sena, ħejjew pjan ta’ attivitajiet li fost kollox jinkludu:

  • Pubblikazzjoni ta’ ktieb dwar l-Attivisti, flimkien ma’ esebizzjoni dwar l-istess tema
  • Laqgħa Internazzjonali tal-European Senior Organisation (PES) Ġunju 2023.
  • Okkażjoni ta’ Outreach din id-darba lejn surmastrijiet tal-banda u kompożituri bil-kollaborazzjoni tal-banda tal-Partit.
  • Seminars qosra dwar temi li jmissu l-anzjani bħal kura medika, l-akkomodazzjoni jew id-digital divide.

Ħidma Internazzjonali

Il-President tal-Għaqda għat-tielet darba ġie kkonfermat Viċi President tal-European Senior Organisation u barra milli ħa sehem regolament fil-laqgħat tal-Bureau u l-laqgħa ġenerali ġewwa Brussell huwa wkoll irrappreżenta l-ESO fil-kungress tal-PES ġewwa Berlin.

Il-President jirrappreżenta lill-Veterani fil-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani fejn iservi wkoll bħala Segretarju Internazzjonali. Huwa ġie maħtur l-ewwel Viċi President Malti fl-AGE Platfrom Europe u rrappreżenta din l-organizzazzjoni fil-Konferenza Ministerjali dwar l-Anzjanità mtellgħa mill-MIPAA ġewwa Ruma.

Din is-sena, rajna l-frott tal-ħidma tal-Partit Laburista fil-qasam tal-Ugwaljanza permezz tal-użu, għall-ewwel darba, tal-mekkaniżmu tar-rappreżentanza ugwali tal-ġeneri fil-Parlament. B’hekk għal darba oħra l-Partit Laburista wera li mhuwiex partit mitluf fir-retorika, iżda huwa partit li jimbotta riformi tanġibbli u storiċi.

Bħala Uffiċjal għall-Opportunitajiet Indaqs kelli l-opportunità li nuża l-mezzi tax-xandir sabiex nispjega iżjed il-ħsieb wara din ir-riforma, ġaladarba ġiet implimentata biż-żieda ta’ tnax-il Deputat mara addizzjonali fil-Parlament. Sħaqt pubblikament, f’numru ta’ okkażjonijiet, kif ir-riżultat ta’ Parlament iktar ibbilanċjat se jħalli impatt fuq il-leġislazzjoni mgħoddija mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż permezz tal-inklużjoni ta’ perspettivi femminili, filwaqt li l-preżenza t’ iktar nisa fil-grupp Parlamentari Laburista żgur li se jwassal għal politika iżjed ħolisitka dwar suġġetti li jirrappreżentaw il-bżonnijiet ta’ kulħadd. Dan bl-istess mod kif ir-rappreżentanza bbilanċjata tal-ġeneri fi ħdan l-istrutturi interni tal-Partit Laburista twassal sabiex tkun xprunata politika li tolqot il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-gruppi kollha fis-soċjetà Maltija. Dan kif rifless tant tajjeb fil-manifest elettorali li l-Partit Laburista ppreżenta lill-elettorat għall-elezzjoni ġenerali iktar kmieni din is-sena. Fil-fatt il-ħidma fi ħdan il-Partit Laburista bil-għan li iżjed gruppi u minoranzi fis-soċjetà jingħataw opportunitajiet indaqs kienet evidenti fl-elf proposta tal-istess manifest elettorali.

Kburija, li tajt il-kontribuzzjoni tiegħi fit-twettieq, fl-ewwel mitt jum tal-leġislatura l-ġdida, tal-proposta tal-emendi fil-liġi tal-IVF li ntroduċiet il-possibilità tal-użu tal-PGTM f’ pajjiżna stess għall-koppji li ġenwinament għandhom bżonn dan is-servizz. Kommessa li nsegwi, bl-istess reqqa, l-implimentazzjoni tal-politika soċjali u liberali tal-Partit Laburista kif riflessa f’ għadd ta’ proposti oħra tal-manifest elettorali li se jħallu impatt tanġibbli fuq ħajjet mijiet, jekk mhux eluf ta’ individwi.

Il-prijoritá tas-Sezzjoni Kunsilliera Partit Laburista kienet u għadha l-komunikazzjoni mar-residenti tagħna. Dan għax temmen li dawn jistennew ħafna mingħand ir-rappreżentanti lokali tagħhom. Filfatt, l-aspettativa tar-resident kompliet tikber u nemmnu li għaldaqstant huwa importanti li l-Kunsilliera jkollhom l-għodda u l-għarfien meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu din l-aspettativa.

F’ dan il-kuntest, ipparteċipajna fl-eżerċizzju tal-Mitt Idea fejn ġew imressqa għad ta’ proposti li ġenwinament nemmnu jistgħu jagħtu sens ta’ tiġdid lill-Gvern lokali ġewwa Pajjiżna.

Fid-dokument li ġie ppubblikat apposta, tajna prijorità lil Komunikazzjoni interna u esterna, is-sehem tal-Kunsilli Lokali fl-iżvilupp lokali, l-ambjent urban, riżorsi umani u finanzjarji, id-dekasteri tal-Kunsilliera, l-immaniġġjar tal-iskart, mobbiltà sostenibbli u d-diċentralizazzjoni.

Dan għaliex nemmnu li r-resident irid jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali. Dan sabiex l-istess residenti jkunu parti mid-diskussjonijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet. Dan jagħti sens ta’ appartenenza u b’ hekk il-ħidma tal-Kunsilliera tkun waħda sinerġika mal-bżonnijiet u l-aspettivi tal-istess residenti.

PQs

Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.

Reġistru Elettorali

Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.

Media

Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.

Statut

Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.

Għin

lill-Partit Laburista

Sħubija

Donazzjoni

Merchandise