Għin
lill-Partit Laburista
October 30, 2023
Se jirdoppjaw dawk li jgawdu mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja
Il-budget għas-sena d-dieħla għandu l-għan li jibqa’ jgħin il-familji u n-negozji quddiem l-isfida li qed tiffaċċja d-dinja, tal-għoli tal-ħajja. Mhux biss bl-investiment qawwi biex ma jogħlewx il-prezzijiet tal-enerġija, iżda wkoll bit-tisħiħ ta’ mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja li daħal għall-ewwel darba fil-budget tas-sena l-oħra. Filwaqt li s-sena l-oħra gawdew minnu madwar 50,000 familja, il-mekkaniżmu se jissaħħaħ b’mod li issa jgawdu minnu iktar minn 95,000 familja.
Tkellem dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela meta f’Ħaż-Żabbar afferma mill-ġdid it-twemmin tal-Gvern, li jrid jibqa’ jibni Malta Ġusta b’deċiżjonijiet li jħarsu u jsaħħu l-middle class, iwieżnu l-ħaddiema kif ukoll jgħinu n-negozji jikbru.
“Noħolqu l-ġid, biex minn dak il-ġid igawdi kulħadd. Għaliex nemmnu f’Malta Ġusta. Dan il-moviment twieled bħala l-Partit tal-ħaddiema.
Hekk kien u hekk għadu. Fl-aħħar snin urejna wkoll li jekk irridu li l-ħaddiem igawdi trid tikber l-ekonomija. U jekk irridu l-ekonomija tikber, irridu nappoġġjaw lin-negozji fil-ħidma tagħhom,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru fakkar kif għal snin twal kien hemm diskussjoni dwar il-COLA u l-Gvern immexxi minnu s-sena li għaddiet, ħa d-deċiżjoni li joħloq mekkaniżmu addizzjonali, li joħorġu kollu l-Gvern biex jgħin lill-għexieren ta’ eluf ta’ familji.
“Għotja li mhux tajniha darba u daqshekk, imma li din is-sena nibnu fuqha. Għax quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja aħna niġu b’għajnuna soda u fejn meħtieġ. Nista’ nħabrilkom li fil-budget ta’ għada hawn ukoll ma striħajniex fuq li għamilna s-sena li għaddiet. Rajna li jekk is-sena li għaddiet gawdew 50,000 familja, din is-sena jgawdu 95,000 familja li jifilħu l-inqas. Sejrin kważi nirdoppjaw in-nies li jgawdu minn din l-għajnuna,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ftehim storiku għall-ikbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali.
“Tajna kelma fil-manifest elettorali li se nżidu l-Paga Minima u hekk se nagħmlu mill-ewwel ta’ Jannar li ġej. Żieda ta’ wieħed u għoxrin ewro fil-ġimgħa iktar. Xi tfisser din iż-żieda? Tfisser li għal kull elf ewro li jitħallas sal-lum, minn Jannar ser jitħallas elf u mija. F’sena żieda ekwivalenti għal 40 jum tal-paga preżenti,” qal il-Prim Ministru li sostna li bil-mod kif ħdimna nafu diġa’ li din il-paga se terġa’ tiżdied is-sena d-dieħla, ta’ wara u ta’ wara.
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.