100 Sena tal-Partit Laburista

Is-sena 2020 timmarka l-mitt anniversarju minn meta tnax-il Malti b’ħolma ta’ pajjiż iktar ġust welldu l-Partit Laburista.

L-istorja tal-Partit Laburista hija storja ta’ min minn dejjem emmen fil-ħila tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-kisbiet favur il-ġustizzja soċjali, favur it-tisħiħ tad-demokrazija, favur l-ilsien Malti, favur il-mara Maltija, favur edukazzjoni u saħħa bla ħlas għal kulħadd, favur il-ħolqien tax-xogħol, favur l-ugwaljanza u l-ġlieda biex pajjiżna jikseb il-ħelsien, huma lkoll simboli tal-moviment tagħna li aħna kburin bihom.

Dan il-mitt anniversarju għandu jservi bħala okkażjoni xierqa biex infakkru dak li għaddew minnu mhux biss il-fundaturi tal-Partit Laburista, iżda wkoll l-eluf ta’ Maltin u Ghawdxin li ġew warajhom matul is-snin.

Fl-istess ħin ma nistgħux nintilfu biss fin-nostalġija. Din is-sena għandha sservi wkoll biex filwaqt li niftakru minn fejn tlaqna u fejn wasalna, nirriflettu u nfasslu fejn irridu mmorru fil-ġejjieni. Il-mistoqsija li għandna quddiemna hi: X’Malta rridu nħallu għall-ġenerazzjonijiet li jmiss?

Iż-żminijiet u l-isfidi jinbidlu, kif jinbidlu wkoll kontinwament l-aspirazzjonijiet tan-nies u għalhekk irridu nġeddu l-moviment tagħna biex jibqa’ relevanti u l-ikbar forza għall-bidla f’dan il-pajjiż.  Dan fl-istess ħin li nibqgħu nibnu l-politika tagħna fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, il-mobbiltà soċjali u l-għaqda nazzjonali.