Għin
lill-Partit Laburista
October 8, 2023
“Viżjoni ċara ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna fl-għaxar snin li ġejjin” – il-Prim Ministru Robert Abela
“Matul dawn l-aħħar għaxar snin ta’ Gvern Laburista ksibna ħafna u ġġeddidna wkoll. Issa iffukati fuq l-għaxar snin li ġejjin. Għandna viżjoni ċara ħafna ta’ fejn irridu nieħdu lill-pajjiżna. Viżjoni kkumplimentata b’azzjonijiet. Id-deċiżjonijiet li qed nieħdu llum, se jkunu il-frott li nsaħħu Malta tagħna.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema Insaħħu Malta Tagħna.
Il-Prim Ministru semma kif matul l-aħħar jiem, bħala parti mill-Konferenza Ġenerali, ttellgħu diversi attivitajiet fejn semgħu mingħand id-delegati, l-attivisti, nies ta’ kull fehma u minn kull qasam tal-ħajja, l-fehma tagħhom ta’ fejn jridu jaraw lil Malta miexja ’l quddiem.
Il-Prim Ministru rrefera għall-kisbiet tal-Gvern Laburista matul dawn l-għaxar snin fejn minkejja l-isfidi tajna direzzjoni ġdida lil dan il-pajjiż, fejn ħloqna l-ġid, fejn għenna lil dawk l-aktar li kellhom bżonn fis-soċjetà, saħħaħna l-istipendji u l-pensjonijiet, tajna childcare b’xejn, ħdimna fuq l-inklussività, ftaħna skejjel ġodda, twettqu proġetti infrastrutturali kbar, żidna l-ispazji miftuħa, tajna trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd, fost ħafna aktar kisbiet.
“Matul dawn it-18-il-xhar ta’ din il-leġislatura, diġà wettaqna b’sentejn u nofs xogħol. Huwa għalhekk illi nista’ nitkellem fuq l-għaxar snin li ġejjin b’wiċċi minn quddiem. Ejjew ħalli flimkien inwettqu dan il-pjan għal Malta tagħna. Għax dak li ppjanajna għal din il-leġislatura huwa biss il-bażi tal-viżjoni tagħna għall-futur,” tenna Dr Abela.
Il-Prim Ministru saħaq li sabiex twettaq viżjoni jrid ikollok is-saħħa, il-kuraġġ u r-rieda li tieħu d-deċiżjonijiet. Bħad-deċiżjoni li ħadna dwar l-Air Malta fejn assigurajna li Malta jibqa’ jkollha linja nazzjonali tal-ajru b’saħħitha u jkollna konnettività kruċjali.
Dr Abela rrefera wkoll għat-tieni Budget ta’ din il-leġislatura li se jiġi ppreżentat fejn ta garanzija li ġej Budget ieħor b’investiment qawwi fin-nies u li n-negozji u l-familji se jkollhom jerġgħu prezzijiet stabbli, minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali. “Aħna għandna s-soluzzjonijiet, ħaddieħor jiġi bil-piżijiet. Ħaddieħor qata’ qalbu minn issa, aħseb u ara kieku xi ħadd jafdahom imexxu”, irrimarka l-Prim Ministru.
Stqarr kif fil-Budget se jippreżentaw pjan ekonomiku qawwi li se jkompli joħloq il-ġid u jtejjeb il-ħajja tan-nies, fl-istess ħin li jżomm fis-sod il-finanzi tal-pajjiż. Semma wkoll li tellaq proċess mal-awtoritajiet għal reviżjoni ta’ ċerti prezzijiet tal-mediċini. Tkellem dwar l-investiment li qed jiġi attirat lejn pajjiżna fejn jinħolqu niċeċ ġodda li jħallu iktar valur u joħolqu xogħolijiet ta’ kwalità għal uliedna.
Dr Abela għamel referenza wkoll għal-laqgħat internazzjonali li attenda għalihom f’dawn l-aħħar jiem fejn ħares l-interessi tal-Maltin u Għawdxin. Għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li ma tilifx ċans wieħed biex jipprova jattakka lil pajjiżna, fejn anke ipprova jhedded l-fondi Ewropej ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru semma wkoll diversi inizjattivi oħra li qed jittieħdu fosthom li nipproduċu enerġija nadifa, li nżidu d-dixxiplina fit-toroq tagħna, li ngħollu l-istandards fil-mod kif isir l-iżvilupp. Pajjiż li jieħu d-deċiżjonijiet skont dak li jeħtieġu l-ħafna u mhux il-benefiċċji tal-ftit. Hawn tenna fuq ir-riforma tat-temping agencies li għaddej xogħol dwarha biex f’pajjiżna jkun hawn biss ħaddiema barranin f’oqsma meħtieġa.
“Ejja ningħaqdu flimkien wara din il-viżjoni, għax aħna l-unika forza magħquda li tista’ tkompli ġġib il-bidla pożittiva fil-pajjiż. Xogħolna li nkunu ta’ spalla għaż-żgħir u għal min irid jagħmel passi ’l quddiem. Nippremjaw il-bżulija, nippremjaw il-ġid, ngħinu lil min l-iktar għandu bżonn. Inkomplu nsaħħu l-ekonomija biex tkun sostenibbli fit-tul. Nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna, is-sigurtà ta’ pajjiżna. Għax hekk nilħqu l-livell li jmiss. Din hija l-viżjoni tagħna għall-10 snin li ġejjin. 10 snin oħra ta’ ħidma u suċċessi, biex INSAĦĦU MALTA TAGĦNA,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.
Ibgħat id-domanda parlamentari li tixtieq titressaq minn deputat tal-Partit Laburista.
Biex tivvota trid tkun fir-reġistru elettorali. Iċċekja hawn jekk tinsabx fir-reġistru elettorali.
Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista billi tgħafas hawn.
Il-Partit Laburista huwa regolat minn statut. Ara kopja tal-istatut billi tgħafas fuq il-link hawn taħt.