Skip to content

aħbarijiet

May 24, 2020

“Żidna t-testijiet u r-rata tal-każijiet pożittivi komplew jonqsu” – Il-PM

“Hija kwistjoni ta’ fiduċja u kemm in-nies huma lesti li jadattaw. In-nies huma mimlijin kuraġġ, lesti li jadattaw għall-miżuri li huma intenzjonati biex ikomplu jħarsu s-saħħa tagħna fl-istess waqt li n-negozji jitħallew joperaw. Aktar ma jgħaddu ġranet u nibqgħu nirreġistraw riżultati pożittivi, wieħed ikun jista’ jirrilaxxa l-protokolli, imma għalissa tajna nifs ġdid.”

 

F’intervista fuq ONE, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, tkellem dwar is-suċċess ta’ kif pajjiżna kkontrolla din l-imxija minn qabel ma faqqgħet.

 

Robert Abela qal li din il-ġimgħa nqabżu s-sittin elf test għall-Coronavirus mindu beda jsir l-ittestjar f’pajjiżna. Spjega li fl-ewwel xahar, mis-7 ta’ Marzu sas-7 ta’ April, l-ittestjar kien bejn terz għal nofs ta’ dak li qed isir illum, meta r-rata ta’ każijiet pożittivi kienet ta’ 2.7%. Xahar wara, żdied l-ittestjar, u r-rata ta’ każijiet pożittivi niżlet għal 0.7%.

 

“Wara li neħħejna l-miżuri restrittivi fl-4 ta’ Mejju kien hemm ħafna diskors fuq it-tieni mewġa. Il-fatti juru li mis-7 ta’ Mejju sal-lum żidna t-testijiet u r-rata ta’ każijiet pożittivi baqgħet nieżla ghal 0.6 percent. Kburi għax għandna awtoritajiet tas-saħħa li jafu x’qegħdin jagħmlu u jagħtuna pariri tajbin ibbażati fuq il-fatti. Din hija kwistjoni ta’ edukazzjoni, u l-biża’ trid tibdilha f’tama.”

 

Il-Prim Ministru rrimarka li Malta hija sigura għax f’pajjiżna r-rata ta’ mortalità mhux biss kienet baxxa, imma anki n-numru ta’ każijiet pożittivi baqa’ baxx ħafna u l-maġġoranza assoluta mill-persuni nfettati, fiequ fid-dar tagħhom mingħajr il-bżonn li jiddaħħlu l-isptar.

 

Lejliet li jerġgħu jibdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani, bil-miżuri u prekawzjonijiet kollha meħtieġa, il-Prim Ministru tkellem dwar il-weġġgħat ta’ persuni li fl-aħħar ġimgħat ma setgħux iżuru lill-għeżież tagħhom fid-djar tal-anzjani.

 

“Malli s-sitwazzjoni medika bdiet titjieb b’mod ċar, id-domanda naturali li qamet hija meta se nerġgħu naraw il-ġenituri jew nanniet tagħna li huma fid-djar tal-anzjani. Minn għada se jsir dan ir-rilassament imma bi prudenza. Mod qed titkellem tneħħija ta’ miżuri restrittivi, imma meta qed titkellem fuq djar tal-anzjani fejn għandek vulnerabbiltà ikbar, il-kriterji jkunu ikbar. Il-pass li se jsir għada se joħloq bilanċ importanti li jibqa’ jipproteġi lill-vunerabbli imma jagħmilha possibbli li jsiru żjarat. Kull ġurnata li ma tistax iżżurhom hija ġurnata misruqa. Ikun żball li wieħed jgħaġġel daqskemm huwa żball li ma timxix ’il quddiem meta x-xjenza tgħidlek, imxi ’l quddiem.”

 

Robert Abela saħaq li dan kollu qed isir possibli għax għandek saħħa u ekonomija li qed jiġbdu ħabel wieħed. “Is-saħħa u l-ekonomija huma kumplimentari għal xulxin – żewġ naħat tal-istess munita. It-tkabbir ekonomiku fl-aħħar snin issarraf f’investiment fil-qasam tas-saħħa li bis-saħħa tiegħu rreġistrajna dan is-suċċess enormi fl-aħħar ġimgħat fil-pandemija tal-Coronavirus.”

 

Ċertifikat tar-reżiljenza tal-poplu u n-negozji

 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-pakkett ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Gvern, li salva mitt elf impjieg.

 

“Illum qed inħarsu lejn inċentivi differenti. Minix ngħid li l-wage supplement se jieqaf mil-lum għal għada, imma hija realtà li int ma tistax tibqa’ tagħti wage supplement b’mod perpetwu għax ikun ifisser kollass tal-ekonomija. Dak qiegħed hemmhekk u se jibqa’ hemmhekk sakemm in-negozji jerġgħu jmorru lura għan-normalità imma llum huwa l-mument li nibagħtu sinjal ta’ fiduċja fl-ekonomija u li r-rota ekonomika għandha terġa’ taħrab. Filwaqt li fl-ewwel fażi tkellimna dwar wage suppliment ta’ sostenn, irridu nniedu aktar miżuri ta’ inċentiv biex inkomplu ndawru r-rota ekonomika kif kienet qed iddur b’mod b’saħħtu ftit tal-ġimgħat ilu.”

 

Robert Abela appella lin-nies biex jonfqu bil-galbu u jinvestu.

 

“Kemm għandna pajjiż reżiljenti mill-aspetti tas-saħħa u l-ekonomija. Din il-ġimgħa stess, il-kumpanija Baxter ħabbret li se żżid mitt impjieg. Dawn huma r-realtajiet f’pajjiżna. Minix qed ngħid li m’hemmx setturi li kellhom impatt u għalhekk ħriġna l-miżuri ta’ għajnuna, imma llum irridu nħarsu lejn il-fażi tar-recovery ekonomiku, illum qabel għada.”

L-għada li l-aġenzija Ġermaniża Creditreform Rating ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan huwa ċertifikat tar-reżiljenza tal-poplu u tan-negozji f’pajjiżna, li urew kuraġġ liema bħalu. Qal li llum kulħadd irid jifhem li l-għajnuna li ta l-Gvern kienet meħtieġ, u tibqa’ meħtieġ sakemm jiġi żgurat li n-negozji ma jaqgħux lura, imma li jridu jagħmlu kuraġġ u jmorru lura għan-normalità tax-xogħol.

 

“Fiċ-ċirkostanzi għamilna l-aqwa li stajna imma r-realtà hi li mmorru lura għan-normalità. Il-ftuħ taċ-childcare centres u ta’ SkolaSajf fil-ġimgħat li ġejjin se jkun pass tajjeb f’dik id-direzzjoni. Jaqbel li t-tfal imorru l-iskola u l-ġenituri jmorru lura għax-xogħol bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa. Irridu naġġustaw bilmod. Qatt ma aċċettajt li nħalli l-biża’ tikkundizzjona l-ottimiżmu.”

 

“Gżira ċkejkna li tkun katalista f’bidla li trid issir” – Il-PM

 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li lbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ta ċertifikat lill-ħidma tal-Gvern, meta qabel li dan il-Gvern qiegħed isalva l-ħajjiet. Dikjarazzjoni li tikkuntrasta mal-pożizzjoni li qed jieħdu membri oħra tal-Oppożizzjoni fosthom il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, li fetaħ kwerela kontra l-Prim Ministru, il-Brigadier u s-suldati, u akkużahom bi qtil tal-immigranti.

 

“Sal-lum għad għandna l-portijiet tagħna magħluqin – mhux għall-immigranti, imma għal kulħadd. Ħadna pożizzjoni li Malta ma tistax tassigura s-salvataġġ ta’ immigranti imma fl-istess waqt, qatt ma nqasna mill-obbligi tagħna fuq bażi umanitarja li nsalvaw il-ħajjiet. Kif tista’ tagħlaq l-ajruport u fl-istess waqt ikollna sitwazzjoni fejn immigranti jiddaħħlu f’pajjiżna? Qed nagħmlu minn kollox biex ninfurzaw il-kunċett ta’ solidarjetà bejn l-istati membri li fost l-oħrajn tissarraf fir-rilokazzjoni tal-immigranti. Din hija problema li dejjem eżistiet fl-aħħar snin u llum wieħed iħossha iżjed fil-kuntest ta’ stat ta’ emerġenza ta’ saħħa nazzjonali.”

 

Robert Abela saħaq li din mhix problema ta’ Malta, u li s-soluzzjoni mhix ir-rilokazzjoni wahedha imma li tiġi indirizzata l-problema fix-xtut tal-Libja.

 

“Irridu nindirizzaw il-problema fil-Libja, fejn hemm traffikanti li qed jagħmlu l-flus minn fuq it-tbatijiet tan-nies. Aħna rridu nkunu determinati li nkunu katalisti li s-soluzzjoni tkun waħda umanitarja. Dawn huma persuni li qed ibatu u din hija sitwazzjoni ta’ umanità. Qed nagħmlu dak kollu li nistgħu f’koordinament tas-salvataġġ u filwaqt li kulħadd jikkritika, ħadd mhu qed joffri s-soluzzjonijiet. Ir-realtà hija li min hu bejn sema u ilma, qed jiġi salvat bid-dgħajjes u bis-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta.”

 

Qal li s-sitwazzjoni li żżomm immigranti fuq dgħajjes barra minn xtutna mhix l-aqwa xenarju, imma l-ħajjiet ġew salvati u fl-istess waqt qed jintbagħat il-messaġġ li Malta ma tiflaħx iżjed, filwaqt li l-immigranti jiġu trattatti tajjeb kif jixraq bħala bnedmin bħalna.

 

“Dawk huma nies li jeħtieġu kull rispett, għandhom id-dinjità tagħhom, imma Malta hija dik li hi. Ħadd minna ma jrid jara trabi jegħrqu imma ma nistgħux inkunu a free for all port li jinfetaħ, jidħol min irid u ħadd ma jagħmel xejn. Dik hija pożizzjoni li se nibqa’ nżomm magħha u nappella għas-solidarjetà. Fl-aħħar ġimgħat u xhur bqajna għaddejjin b’taħdidiet intensivi ta’ kuljum biex das-sens ta’ solidarjetà li fuqu hija msejsa l-Unjoni Ewropea, jiġi msarraf fil-pratika. Aħna lesti li nkunu fuq quddiem nett biex noffru l-għajnuna u s-soluzzjoni, imma mhux waħedna. Soluzzjoni ta’ Unjoni Ewropea li ma tagħlaqx għajnejha għal din ir-realtà. Gżira ċkejkna li tkun katalista f’din il-bidla li trid issir.”

 

Aqsam ma' ħaddieħor

Share on facebook
Share on twitter
Share on linkedin