Stqarrija
Il-Ħadd, 23 t’Awwissu, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Il-PM Robert Abela jsostni li l-għotja ta’ €10,000 għall-first-time buyers se jgawduha b’mod sħiħ anki dawk li xtraw propjetà wara li temmew relazzjoni u kienu diġà bdew igawdu minnha
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar numru ta’ miżuri u proġetti li l-Gvern qed jimplimenta fl-ewwel 100 jum mill-bidu ta’ din il-leġiżlaura. Meta kien qed jagħmel intervent waqt il-programm Paperscan fuq ONE, Dr Abela qal li l-iskema tal-first-time buyers evolviet matul is-snin u qed tkompli titwessa’ kemm għall-koppji separati kif ukoll għall-persuni b’diżabilità.
B’rabta mas-sitwazzjoni li kienu qed jiffaċċjaw koppji separati jew dawk li temmew relazzjoni, il-Prim Ministru qal li issa meta jbigħu l-ewwel proprjetà li jkunu xtraw flimkien u jkunu rċevew biss per eżempju l-ewwel €1,000 mill-€10,000 tal-iskema tal-first-time buyers, spjega kif meta jixtru t-tieni proprjetà separatament, se jikkwalifikaw biex jieħdu l-bqija tal-€10,000 li ma kinux ħadu fil-każ tax-xiri tal-ewwel proprjetà li kienet inxtrat flimkien. B’hekk l-għotja ta’ €10,000 tal-First-Time Buyers se jgawduha b’mod sħiħ dawk li xtraw propjetà wara li temmew relazzjoni u kienu diġà bdew igawdu minnha.
Għall-persuni b’diżabilità, Dr Abela qal li l-għotja ta’ €10,000 li kienu jingħataw se qed tirdoppja għal €20,000 u se tkopri lil min għandu l-EU Disability Card. Dan ifisser imwettaq aktar milli mwiegħed biex anki aktar persuni b’diżabilità jgawdu hekk fil-manifest kien ingħad li tirdoppja din l-għajnuna għal dawk b’diżabilità severa biss. Il-Prim Ministru sostna li dawn huma għajnuniet li jkomplu jsaħħu n-nukleju tal-familji u l-middleclass, li qed jagħmlu differenza kbira f’ħajjet in-nies.
Iktar investiment fi proġetti soċjali ġodda, fis-saħħa u fil-lokalitajiet
Dr Abela qal li il-prinċipji ta’ Gvern Laburista se jkunu riflessi wkoll fi proġett li se jitħabbar f’aktar dettall fil-jiem li ġejjin. Spjega kif ġie identifikat sit fil-Għargħur fejn se jibdew ix-xogħlijiet għal Secure Facility għall-Adoloxxenti ta’ taħt it-18-il sena. Qal li b’din il-faċilità tfal se jingħataw ċans ieħor jintegraw fis-soċjetà, u jgħixu ħajja bħal ħaddieħor, b’għajnuna professjonali li jkollhom bżonn biex jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Ħabbar ukoll investiment ġdid ta’ €12.8 miljun mifruxa fuq sentejn biex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-qalba tal-lokalitajiet. Spjega kif dan l-investiment se jkopri lill-kunsilli lokali u se jagħtihom iktar riżorsi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom skont il-prijoritajiet u r-realtajiet tal-lokalità.
Tkellem ukoll fuq l-investiment fis-sigurtà tal-pajjiż u qal li filwaqt li Malta hi pajjiż ospitabbli, b’settur turistiku li huwa pilastru ekonomiku importanti, iżda kien jeħtieġ jiġu ndirizzati ċerti inkonvenjenti. Semma kif min iżurna u jonqos irid iħallas għal għemilu u bl-introduzzjoni tal-multi fuq il-post għal min jikser il-bon ordni jew iwettaq vandaliżmu, kif ukoll id-deportazzjoni ta’ persuna juru sens ta’ dixxiplina biex il-pajjiż jimxi ferm aħjar.
Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-proġett li għadu kif beda tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-bini ta’ Sptar ġdid għall-kura tas-Saħħa Mentali. Dr Abela fisser kif dan se jkun l-ewwel tkabbir maġġuri mindu fetaħ l-Isptar Mater Dei, bil-kmamar fid-Dipartiment tal-Emerġenza se jirduppjaw minn 35 għal 70; filwaqt li se jinbena Sptar ta’ 135 sodda għall-kura għas-Saħħa Mentali bl-investiment għal dan il-proġett kollu huwa ta’ madwar €130 miljun.
L-ekonomija l-bażi ta’ kollox
Il-Prim Ministru qal li dan kollu jista’ jsir għax għandna ekonomija b’saħħitha, li għadha kif kisbet ċertifikat ieħor pożittiv mill-aġenzija ta’ kreditu Fitch. Spjega kif dan ir-riżultat ma jiġix b’kumbinazzjoni, imma b’ħidma ffukata u deċiżjonijiet strateġiċi li jridu jitqiesu fil-kuntest internazzjonali ta’ realtajiet ġeopolitiċi li qed jintensifikaw, prezz taż-żejt volatili, u ekonomiji Ewropej li qed jgħotru. Dr Abela sostna li l-iktar deċiżjoni li qed tikkontribwixxi għal dan kollu huwa s-sostenn tal-Gvern lill-familji u n-negozji bis-sussidju tal-enerġija, u minkejja din l-għajnuna qal li d-defiċit se jibqa’ taħt kontroll.
Il-Prim Ministru qal l-ekonomija hija l-bażi ta’ kollox biex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna. Żied jgħid li ġimgħat bogħod mill-ewwel budget ta’ din il-leġislatura, il-Gvern se jkompli b’dan ir-ritmu biex iwettqu iktar miżuri mill-manifest elettorali Int Malta u miri tal-Viżjoni Malta 2050. Temm jgħid li b’investiment u bi proġetti konkreti, in-nies jaraw id-differenza ta’ din il-ħidma tal-Gvern qed tissarraf fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista