Stqarrija
It-Tlieta 17 ta’ Novembru, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Jerome Caruana Cilia jikxef kif Alex Borg jfajjar bl-addoċċ
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni kompla jikxef kif fl-argumentazzjoni politika tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg jfajjar bl-addoċċ. Din hi raġuni oħra għaliex ikollu kalkoli totalment żbaljati. Aġir li mhux ta’ politiku serju.
Jerome Caruana Cilia mar fil-Parlament jistaqsi kemm huwa n-numru ta’ klassijiet fl-iskejjel tal-Istat f’Malta u Għawdex li m’għandhomx sistema tal-arja kkundizzjonata, u talab ukoll lista tal-iskejjel u n-numru ta’ klassijiet mingħajr arja kkundizzjonata li hemm f’kull skola.
Iżda l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, fakkru kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien diġà qal fid-diskors tiegħu tat-2 ta’ Novembru 2026 li b’€4.5 miljun kien jagħmel l-air-condition kollha tal-iskejjel ta’ pajjiżna.
“Din il-mistoqsija Parlamentari tirrifletti li l-Oppożizzjoni l-ewwel tfajjar iċ-ċifri u d-dikjarazzjonijiet u wara tistaqsi sabiex tiprova tistabilixxi l-fatti. Kont nippretendi li din l-informazzjoni jafuha sew biex setgħet issir stima, u mhux qed tintalab mill-Oppożizzjoni wara! Mhux ta’ b’xejn l-istima kienet waħda ħażina mill-bidu sal-aħħar u wera li m’għandomx idea tal-affarijiet”, wieġeb il-Ministru Camilleri.
Fir-risposta tiegħu l-Ministru Camilleri rrefera għall-ispjegazzjonijiet li diġà ta dwar il-ħidma f’dan is-settur biex għal darb oħra ħareġ id-differenza bejn min imexxi bi pjan realistiku li jkompli jtejjeb l-affarijiet u min mhedi fil-politika partiġjana li tikxef ukoll l-inkompetenza.
Nota: Din l-istqarrija tirreferi għal risposta Parlamentari ta’ mistoqsija numru 4965: https://pqs.parlament.mt/?pqid=6aeafd6bc25a71b98bc5c0b0
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista