Stqarrija
Is-Sibt, 5 ta’ Settembru, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
B’serjetà u prudenza quddiem proċess ġudizzjarju u mhux insulti lejn l-istituzzjonijiet
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li għamel dalgħodu l-Partit Nazzjonalista, huwa diżgustanti li l-Oppożizzjoni tkompli tinfexx f’attakki u insulti lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk irid jittieħed bis-serjetà meta jsemmi kliem tal-“bajda u l-ħamra”, illum qabel għada għandu jiddistakka ruħu minn dawn il-kummenti tad-Deputati tiegħu.
Dan mhux żmien għal kummenti partiġjani u disprejattivi. Lanqas huwa mument għal kalkoli u tattiċi politiċi, għal dikjarazzjonijiet mgħaġġla jew għal tentattivi biex deċiżjoni tal-Qorti tiġi sfruttata skont il-konvenjenza tal-mument.
Il-Partit Laburista jappoġġja l-pożizzjoni kawta u responsabbli tal-Gvern quddiem l-għoti tas-sentenza mogħtija fuq il-verdett tal-ġuri dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.
B’differenza minn oħrajn, il-Partit Laburista ma kellux żewġ skripts lesti: wieħed għal kull eżitu possibbli. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg tant deher maqbud bejn żewġ verżjonijiet li f’mument minnhom, deher jaqra minn waħda u fil-mument ta’ wara, jikkwota mill-oħra.
L-interess tal-Partit Laburista kien u jibqa’ wieħed: li jappoġġja lill-Gvern fit-tfittxija sħiħa u bla waqfien għall-verità, fir-rispett assolut lejn l-istituzzjonijiet u l-indipendenza tal-ġustizzja.
Għax il-verità, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom ma humiex għat-tgawdija tal-ebda partit partikolari. Tgawdi biss Malta u l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista