Stqarrija
Il-Ħadd 29 ta’ Novembru, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Fil-jiem li ġejjin se nippreżentaw pakkett ta’ riformi leġiżlattivi li jkomplu jsaħħu s-saltna tad-dritt
Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar riforma importanti favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti waqt laqgħa diskussjoni maż-żgħażagħ
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jiġu preżentati biex imorru quddiem il-Parlament pakkett ta’ riformi leġiżlattivi importanti ħafna li jkomplu jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li qed nitkellmu dwar riformi serji, studjati u li jmissu oqsma sensittivi ħafna tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ħajja demokratika ta’ pajjiżna. Fosthom semma protezzjoni aktar b’saħħitha lill-ġurnalisti. Dr Abela ħabbar dan waqt laqgħa ta’ diskussjoni maż-Żgħażagħ, f’attività politika organizzata ma’ Żgħażagħ Laburisti. F’din l-attività bosta żgħażagħ kellhom l-opportunità jsaqsu lill-Prim Ministru fuq diversi temi.
Fid-diskussjoni l-Prim Ministru Robert Abela sostna wkoll li huwa maż-żgħażagħ li rridu nfasslu l-futur tal-Ewropa. “Ma’ min nistgħu nfasslu l-futur jekk mhux maż-żgħażagħ? Il-futur tal-Ewropa ma nistgħux inħallu lil ħaddieħor jiddeterminah. Intom il-protagnonisti li bih irridu nfasslu x’tip ta’ Ewropa rridu għal għada. Jekk hux Ewropa li tinvesti aktar f’armamenti jew fis-soċjal u f’setturi emerġenti bħall-Intelliġenza Artifiċjali”, saħaq Dr Abela hu u jgħid li hu jaqbel kif investu f’Ewropa soċjali u f’dik li jkollhom ekonomija ta’ valur miżjud.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif id-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna hi dik ta’ valur miżjud fejn l-Intelliġenza Artifiċjali tkun kollaboratur ewlieni f’pajjiżna biex nindirizzaw lejn aktar ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità aktar minn sempliċi ħolqien ta’ impjiegi. Il-Prim Ministru wieġeb għall-mistoqsijiet taż-żgħażagħ u qal li llum nistgħu nweġbuhom anki minħabba l-pożizzjoni vantaġġjuża li għandu pajjiżna mqabbel mas-26 ta’ Stat Membru ieħor. “Kieku ma għandniex ekonomija li trendi u finanzi fis-sod ma nistgħux insaħħu inizjattivi li ġejt mistoqsi miż-żgħażagħ”, qal il-Mexxej Laburista.
Mistoqsi dwar korsijiet speċjalizzati, irrimarka li din is-sena l-Gvern żied l-istipendji għal kulħadd b’investiment ta’ €6 miljun f’16,600 student billi żied l-istipendji bi 15%. “Aktar minn biss l-għajnuna finanzjarja, il-messaġġ ta’ investiment fl-edukazzjoni huwa minnu innifsu b’saħħtu”, qal Dr Abela. Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħidma għaddejja fi sptar speċjalizzat għall-kura tas-saħħa mentali fl-isptar Mater Dei għal episodji akuti flimkien. Qal li dan qed isir biex nindirizzaw frontalment il-fattur tal-istigma flimkien mas-servizzi fil-komunità.
Mistoqsi dwar it-trasport tal-massa, il-Prim Ministru rrimarka mhux biss dwar il-proġett massiċċ tat-trasport tal-massa li fuqu għaddejjin l-istudji b’mod responsabbli iżda rrimarka dwar inizjattivi oħra li qed jagħmel il-pajjiż fosthom it-trasport bil-baħar. Dwar mistoqsija fuq sistema ċentralizzata li tirċievi ilmenti mill-komunitajiet, il-Prim Ministru wieġeb li għaddej xogħol biex il-Kunsilli Lokali jkollhom informazzjoni li tidħol għandhom biex ikomplu jindirizzaw l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini.
Dr Abela wieġeb ukoll fuq l-affordabbiltà fl-akkomodazzjoni fejn semma li jeżistu realtajiet iżda r-rata ta’ Maltin sidien ta’ darhom hija waħda b’saħħitha ta’ 85%. Qal li iżda biex inkomplu ngħinu l-Gvern mhux biss qed jgħin b’mod dirett fl-iskemi tal-akkomodazzjoni affordabbli iżda miżuri oħra li jinvestu fil-bwiet tal-familji bħat-tnaqqis fit-taxxa u l-għotja tas-Super Bonus ta’ €1,000 mhux taxxabbli. Semma wkoll miżuri li daħlu fl-aħħar xhur mill-manifest elettorali Int Malta, fosthom li persuni first-time buyers li jkunu diġà bdew igawdu mill-għotja iżda ma baqgħux f’relazzjoni u reġgħu xtraw proprjetà, qed jiġu meqjusa bħala first-time buyers u b’hekk jirċievu l-għajnuna li jkunu għadhom ma ħadux mill-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-involviment tal-għaqdiet studentestiki u l-attiviżmu taż-żgħażagħ li huwa wieħed kruċjali favur il-futur tas-soċjetà Maltija. Qal li huwa importanti li l-partiġjaniżmu fil-politika studentestka nħalluh ’il bogħod. “Jien ma jinteressaniex xi twemmin politiku jħaddnu ż-żgħażagħ, jinteressawni l-ideat tagħhom biex inkomplu nfasslu l-futur ta’ pajjiżna”, qal il-Prim Ministru Robert Abela. Semma l-ħolqien tal-Youth Advisory Forum u meta ġie biex iwieġeb lill-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Miguel Abela dwar il-futur ta’ ŻL anki fl-okkażjoni tal-75 sena mit-twaqqif tal-fergħa, il-Prim Ministru qal li ż-żgħażagħ mhux biss jarahom fiċ-ċentru tal-Partit iżda fiċ-ċentru tal-qalba tad-deċiżjonijiet.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista