Stqarrija
Il-Ġimgħa, 14 t’Awwissu, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Il-Partit Laburista jagħti l-aħħar tislima lil Norman Hamilton
Il-Partit Laburista llum ta l-aħħar tislima lil Norman Hamilton, li kien ġentlom, ikona u pijunier tax-xandir, imprenditur ta’ suċċess u diplomatiku li ħadem għall-ġid ta’ Malta.
L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, id-diriġenti ta’ ONE, ħaddiema, kontributuri, attivisti u voluntiera tal-Partit sellmu lil Norman Hamilton waqt il-korteo funebri li għadda minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u l-kumpless ONE fil-Marsa, kif ukoll bis-sehem tagħhom fil-quddiesa tal-funeral li saret iktar kmieni llum fil-Knisja ta’ San Publiju fil-Floriana.
Norman Hamilton kien kontributur ewlieni fl-istazzjonijiet tal-Partit Laburista, kemm tar-radju u anke tat-televiżjoni, b’iktar minn 20 sena jippreżenta u jipproduċi l-programm televiżiv tant popolari Bla Aġenda fuq ONE.
Huwa ħalla legat fl-industrija tax-xandir lokali, bil-ħidma li wettaq f’karriera ta’ madwar 60 sena f’dan il-qasam, kif ukoll bl-impenn tiegħu fis-servizz diplomatiku u bil-ħidma fis-settur tal-ivjaġġar. Kien ukoll iwettaq ħafna karità fis-skiet u għen lil ħafna nies li kienu fil-bżonn.
Il-Partit Laburista jagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu, b’mod partikolari lil martu Josette u wliedu Davinia u Yasmin.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista