Stqarrija
It-Tlieta, 11 t’Awwissu, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Il-Partit Laburista jagħti l-kondoljanzi lill-familja tal-eks xandar veteran Norman Hamilton
Il-Partit Laburista jsellem il-memorja ta’ Norman Hamilton.
Illum pajjiżna tilef pijunier tax-xandir b’karriera ta’ iktar minn 60 sena kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni, kif ukoll imprenditur ta’ suċċess u diplomatiku li ħadem bla heda fl-interess ta’ pajjiżna.
Għal bosta snin, Hamilton kien vuċi sinonima fuq Radju Malta u l-wiċċ tas-Sibt wara nofsinhar bil-programm Sibtijiet Flimkien li kien jippreżenta ma’ martu Josette. Mal-istazzjon nazzjonali huwa kellu diversi rwoli matul is-snin matul il-karriera tiegħu li qdiehom bl-iktar mod professjonali u eżemplari.
Hamilton kien ukoll wieħed mill-preżentaturi ewlenin tal-istazzjon televiżiv ONE, bil-programm Bla Aġenda li dam għal madwar 20 sena jippreżentah. Jibqa’ mfakkar għall-istil inimitabbli tiegħu fil-mod kif kien jippreżenta u jintervista lill-mistednin tiegħu.
Il-kontribut tiegħu fl-istazzjon tal-Partit Laburista kien imur lil hinn mill-produzzjonijiet tiegħu għax kien jgħin b’kull mezz possibbli biex jara li l-media tal-partit tkompli twassal il-messaġġ tagħha bl-aħjar mod possibbli.
Hamilton kien ukoll attiv fix-xena mużikali għal iktar minn 50 sena f’festivals lokali u internazzjonali, xi edizzjonijiet tal-Malta Song for Europe u l-Eurovision Song Contests. Kien ukoll Chairman ta’ Festivals Malta u Viċi Chairman ta’ Mużika Mużika.
Minbarra karriera twila fix-xandir, Hamilton stabbilixxa ruħu wkoll fin-negozju bil-ftuħ ta’ aġenzija tal-ivjaġġar u għal xi snin kien jifforma parti mill-Korp Diplomatiku bil-ħatra ta’ Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit.
Il-Partit Laburista jagħti l-kondoljanzi lil martu Josette u wliedu Davinia u Yasmin.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista