Stqarrija
Il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Il-Partit Laburista jkompli jappoġġja l-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġija
Il-Membri Parlamentari Alex Muscat u Fleur Abela, f’isem il-Partit Laburista, żaru l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ TECHXPO 2026 li qed tittella’ fl-MFCC ġewwa Ta’ Qali, fejn ġew akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) Kenneth Brincat u c-Chairman Wayne Grixti.
Matul iż-żjara, id-delegazzjoni kellha l-opportunità tara mill-qrib diversi aspetti tal-innovazzjoni teknoloġika, kemm fis-settur pubbliku u edukattiv kif ukoll fis-settur privat. Din iż-żjara offriet ħarsa lejn il-potenzjal tat-teknoloġija biex tkompli ttejjeb is-servizzi, issaħħaħ in-negozji u toħloq opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Maltija.
L-edizzjoni ta’ din is-sena għandha sinifikat akbar hekk kif waqt il-ftuħ tagħha, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri nieda t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali. Din l-istrateġija tinkludi 86 miżura u tkopri l-perjodu bejn l-2026 u l-2030, bil-għan li Malta tkompli tibni fuq il-progress li sar u tħejji ruħha għall-opportunitajiet u l-isfidi li ġġib magħha l-evoluzzjoni teknoloġika.
Il-Partit Laburista jemmen li t-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali għandhom ikunu wieħed mill-pilastri ewlenin tal-futur ekonomiku ta’ pajjiżna. L-investiment f’dawn l-oqsma iwassal għal żieda fil-valur tal-ekonomija, joħloq impjiegi ta’ kwalità u joffri karrieri ġodda u ta’ livell għoli għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Dan kollu id f’id ma’ investiment kontinwu fl-edukazzjoni għaliex huwa essenzjali li l-istudenti tal-lum, li se jkunu l-ħaddiema ta’ għada, jingħataw il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex ikunu lesti għal ambjent tax-xogħol li qed jinbidel b’pass mgħaġġel minħabba t-teknoloġija u l-innovazzjoni. Għalhekk, il-ħidma ta’ Gvern Laburista mhux biss qed jidher fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, iżda wkoll fl-edukazzjoni permezz ta’ korsijiet speċjalizzati u l-ħolqien ta’ opportunitajiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Alex Muscat qal li t-teknoloġija tista’ tiġi applikati f’diversi oqsma biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, u semma kif kumpaniji Maltin qed jagħmlu avvanzi kbar billi japplikaw din it-teknoloġija fil-ħajja ta’ kuljum. Min-naħa tagħha, Fleur Abela semmiet kif l-ambizzjoni ta’ kumpaniji Maltin qed twassal biex isir progress f’numru ta’ oqsma teknoloġiċi u li qed iħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija tagħna.
Il-Partit Laburista se jkompli jappoġġja inizjattivi li jpoġġu lil Malta fuq quddiem nett fl-innovazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali biex il-benefiċċji ta’ dan il-progress jaslu għand kulħadd.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista