Il-Prim Ministru Robert Abela jtenni l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ is-sigurtà, l-infrastruttura u jkompli jwettaq riformi favur il-poplu

Stqarrija
Il-Ħadd, 26 ta’ Lulju, 2026

Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista

Il-Prim Ministru Robert Abela jtenni l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ is-sigurtà, l-infrastruttura u jkompli jwettaq riformi favur il-poplu

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tenna s-solidarjetà tiegħu maż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li sfaw vittmi ta’ attakk waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Intervistat mill-ġurnalist Nolan Camilleri fuq ONE, il-Prim Ministru qal li l-ġustizzja trid issir u trid issir fi żmien xieraq, filwaqt li esprima solidarjetà mal-uffiċjali involuti u mal-familji tagħhom.

Huwa qal li tul is-snin il-Gvern saħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-Korp tal-Pulizija permezz ta’ investiment fit-tagħmir protettiv, l-introduzzjoni tal-body cams, titjib fis-salarji u ftehimiet kollettivi. Fakkar ukoll fir-riforma li żiedet il-pieni għal min jattakka uffiċjal tal-Pulizija u li eliminat is-sentenzi sospiżi f’dawn il-każijiet.

Il-Prim Ministru semma wkoll ir-riformi dwar l-on-the-spot fines u s-setgħa li persuni barranin li jiksru l-liġi u jkunu ta’ theddida għall-ordni pubbliku jistgħu jitneħħew minn Malta. Huwa rringrazzja lill-korpi dixxiplinati kollha għax-xogħol tagħhom u assigurahom mill-appoġġ kontinwu tal-Gvern.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal ukoll li l-Gvern se jkompli jwieġeb għall-isfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż permezz ta’ investiment kontinwu, riformi kuraġġużi u deċiżjonijiet li jkomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Matul l-intervista tkellem ukoll dwar is-sistema tal-elettriku, l-isfidi internazzjonali, ir-riforma tal-ippjanar, id-diżabilità, l-ugwaljanza u l-IVF.

Miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-elettriku

Dwar il-qtugħ ta’ dawl, il-Prim Ministru qal li l-familji u n-negozji m’għandhom ebda responsabbiltà għall-inkonvenjenti li ġraw u sostna li l-Gvern huwa determinat li episodji bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

Spjega kif it-temperaturi estremi u l-effetti tal-bidla fil-klima qed joħolqu pressjoni ikbar fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Qal li l-Gvern diġà investa €161 miljun biex isaħħaħ il-grid nazzjonali u ħabbar li x-xogħlijiet infrastrutturali se jiġu aċċellerati, filwaqt li t-tieni interconnector se jkompli jsaħħaħ il-provvista tal-enerġija fil-pajjiż.


Investiment u sussidji biex Malta tibqa’ reżiljenti
 

Dr Abela qal li Malta mhijiex iżolata minn dak li qed jiġri fid-dinja u li l-gwerer, il-kriżijiet ġeopolitiċi u l-bidla fil-klima għandhom impatt dirett fuq il-pajjiż.

Huwa sostna li għalhekk il-Gvern se jkompli jżomm is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil sabiex jipproteġi lill-familji u lin-negozji mill-effetti taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali. Fl-istess waqt qal li Malta se tkompli tinvesti fl-enerġija nadifa, fid-diġitalizzazzjoni u fl-infrastruttura.


Sistema tal-appelli aktar ġusta u effiċjenti

Dwar ir-riforma tal-appelli fl-ippjanar, il-Prim Ministru qal li din għandha l-għan li ġġib iktar ġustizzja, ċertezza u bilanċ bejn il-partijiet kollha involuti.

Spjega li taħt is-sistema proposta l-iżvilupp ma jkunx jista’ jibda qabel jintemm il-proċess tal-appelli, filwaqt li ddaħħlu limiti ċari ta’ żmien biex il-proċeduri ma jdumux snin. Qal li dan se jevita sitwazzjonijiet fejn familji jispiċċaw jixtru proprjetajiet li iktar tard ikunu affettwati minn deċiżjonijiet tal-qorti.

Iktar drittijiet u awtonomija għall-persuni b’diżabilità 

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista qal li l-Gvern wettaq tliet riformi importanti favur il-persuni b’diżabilità, fosthom il-liġi dwar l-awtonomija personali, il-liġi li tipproteġi lill-adulti vulnerabbli u emenda kostituzzjonali li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità.

Huwa sostna li dawn ir-riformi jagħtu iktar dinjità u indipendenza lill-persuni b’diżabilità u tenna li l-Gvern se jkompli jinvesti f’servizzi, terapiji u miżuri oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.


Il-Gvern ikompli jsaħħaħ id-drittijiet ċivili

Dr Abela qal li l-liġi dwar l-Ugwaljanza tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u toħloq Kummissjoni u Kummissarju għall-Ugwaljanza. 

Huwa kkritika lill-Oppożizzjoni talli telqet mill-Parlament waqt il-votazzjoni fuq din il-liġi u qal li l-Gvern se jibqa’ fuq quddiem nett fit-tisħiħ tad-drittijiet ċivili.

Iktar opportunitajiet għal koppji li qed ifittxu li jsiru ġenituri 

Iktar minn elf tarbija twieldu grazzi għas-servizz tal-IVF f’Malta u fakkar li r-rata ta’ suċċess qed taqbeż il-medja Ewropea.

Huwa ħabbar li l-Gvern se jestendi t-testijiet ġenetiċi disponibbli billi jżid 17-il kundizzjoni oħra ma’ dawk diġà koperti. Qal li l-għan hu li iktar koppji jkunu jistgħu jirċievu t-trattament kollu f’Malta mingħajr il-ħtieġa li jfittxu kura barra minn pajjiżhom.
Dr Abela qal li m’għandux jitħalla ċertu moraliżmu żejjed iċaħħad lill-koppji mill-opportunità li jsiru ġenituri permezz tal-avvanzi fit-teknoloġija medika. Sostna li l-Gvern se jibqa’ jagħti prijorità lill-familji u jkompli jwettaq riformi li jippermettu lil iktar koppji jirċievu t-trattament kollu f’Malta. 

Il-Prim Ministru temm billi qal li l-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura kienu kkaratterizzati minn riformi mwettqa skont l-impenji elettorali u sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fis-sigurtà, fl-infrastruttura, fis-servizzi essenzjali u fid-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi. 

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista

Issieħeb mal-Partit Laburista

Għin lill-Partit Laburista permezz ta’ donazzjoni onlajn

Ingħaqad magħna billi tgħin bħala voluntier

Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista