Stqarrija
Il-Ħamis 19 ta’ Novembru, 2026
Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
Leak ieħor, din id-darba dokument b’emendi proposti għall-istatut tal-PN – xhieda ta’ dwejjaq bit-tmexxija preżenti .
- Il-Partit Nazzjonalista jippriedka t-trasparenza iżda f’daru jimmanuvra biex inaqqas il-governanza u d-demokrazija.
Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Partit Laburista, inkixef dokument b’emendi proposti għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista, mgħoddi minn persuni ta’ ġewwa nett fil-Partit Nazzjonalista li jkompli jikxef il-kontradizzjoni bejn dak li jippriedka l-Partit Nazzjonalista dwar it-trasparenza u l-governanza, u dak li qed jipproponi li jagħmel fi ħdanu. Il-leaks jixhed ukoll id-dwejjaq bit-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministri Jonathan Attard u Glenn Bedingfield ippreżentaw kopja tad-dokument lill-midja preżenti, li saħansitra jinkludi t-track changes tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello. Huma spjegaw kif fost il-bidliet proposti hemm miżuri li jqajmu tħassib serju dwar min se jkollu verament il-poter ġewwa l-Partit Nazzjonalista, it-tneħħija ta’ salvagwardji importanti u t-tnaqqis fl-iskrutinju intern tal-istess partit.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li demokrazija b’saħħitha teħtieġ Oppożizzjoni serja u kredibbli li tkun alternattiva kredibbli għall-Gvern. Madankollu, qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri nuqqas ta’ sustanza u konfużjoni fit-tmexxija tiegħu, u dan iżid ir-responsabbiltà ta’ Gvern Laburista biex ikompli jmexxi lill-pajjiż ‘il quddiem.
Dwar l-emendi proposti għall-istatut tal-PN, Attard spjega li fost il-bidliet hemm dik li tirrigwarda l-importanza tal-Viċi Kapijiet, fejn il-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit titla’ għat-tieni l-ogħla pożizzjoni, filwaqt li dik ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament titniżżel għat-tielet post.
Qal li dawn il-bidliet, flimkien ma’ oħrajn fid-dokument, iqajmu mistoqsijiet dwar l-iskop tagħhom u dwar il-proċess li bih qed jittieħdu d-deċiżjonijiet. Żied jgħid li hemm ukoll nuqqas ta’ ċertezza dwar jekk il-ħatra tal-Viċi Kapijiet hix se ssir qabel jew wara l-emendi fl-istatut.
Il-Ministru Attard qal li l-informazzjoni waslet għand il-Partit Laburista minn persuni li jinsabu mdejqa bl-istil ta’ tmexxija ta’ Alex Borg u li, skonthom, id-deċiżjonijiet diġà ttieħdu minn numru żgħir ta’ persuni, minkejja li d-dokument suppost għadu għad-diskussjoni.
Huwa fakkar ukoll li din il-konfużjoni interna qed isseħħ f’mument meta l-Oppożizzjoni lanqas kienet kapaċi tippreżenta dokument ta’ qabel il-Budget, filwaqt li l-Gvern ressaq Budget b’saħħtu li jkompli jsaħħaħ lill-familji u lin-negozji.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Glenn Bedingfield qal li d-dokument iqanqal mistoqsijiet serji dwar il-mod ta’ kif il-Partit Nazzjonalista jrid jopera, minkejja li jippriedka kontinwament dwar il-governanza u t-trasparenza.
Bedingfield spjega li fost l-emendi proposti hemm l-eżenzjoni mid-due diligence għall-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika mill-Eżekuttiv. L-Artikolu 96, li jirrigwarda dawn il-verifiki, ikun estiż ukoll għall-Viċi Kapijiet. Huwa qal li l-emendi proposti jinkludu wkoll tibdil fil-proċeduri u t-tneħħija tas-salvagwardji preżenti f’każijiet dixxiplinarji.
Skont id-dokument leaked, se jkun hemm kompożizzjoni ferm aktar ristretta għal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hekk kif se jitneħħew il-President tal-Kunsill Ġenerali, iż-żewġ Chairpersons tal-Eżekuttiv u tal-Amministrattiv, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv. B’hekk, il-Kumitat ikun magħmul mill-Kap, iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali biss.
Il-Ministru Bedingfield qal li dawn il-proposti jsaħħu l-poter f’idejn il-klikka ta’ Alex Borg u jqajmu dubji serji dwar kemm verament hemmx spazju għal aktar parteċipazzjoni u skrutinju intern fil-Partit Nazzjonalista.
Huwa sostna li hemm differenza ċara bejn il-mod li bih qed jaġixxu ż-żewġ partiti. Minn naħa Oppożizzjoni mħassba bil-manuvri interni, b’nuqqas ta’ direzzjoni u b’konfużjoni dwar it-tmexxija tagħha, u min-naħa l-oħra Partit Laburista fil-Gvern iffukat fuq il-ħtiġijiet tan-nies.
Il-Ministri fakkru li quddiem l-isfidi internazzjonali, Malta għandha Gvern Laburista stabbli taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, li qed ikompli jimplimenta miżuri favur il-familji Maltin u Għawdxin. Fost dawn hemm is-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils, iż-żieda fil-pensjonijiet għat-tnax-il sena konsekuttiva, l-irduppjar tat-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema ġenituri, it-tnaqqis fit-taxxa għan-negozji u s-Super Bonus ta’ €1,000 mhux taxxabbli għall-ħaddiema, li minnu jibbenefikaw ukoll dawk li jaħdmu part-time.
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista