“Minflok il-populiżmu u l-partiġġjaniżmu għażilt il-maturità u l-prudenza” – il-Prim Ministru Robert Abela

Stqarrija
Il-Ħadd, 6 ta’ Settembru, 2026

Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista


“Minflok il-populiżmu u l-partiġġjaniżmu għażilt il-maturità u l-prudenza” – il-Prim Ministru Robert Abela

Waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist Reno Bugeja, ol-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tenna li quddiem il-verdett tal-ġuri fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa għażel it-triq tal-maturità u l-prudenza u mhux tal-populiżmu u l-partiġġjaniżmu. Dr Abela fakkar li dak li jingħad mill-politiċi jista’ jkollu effett negattiv fuq proċess ġudizzjarju u investigattiv.

“Jiena mhux se nesprimi ruħi naħa jew oħra. Minix se nkun il-Prim Ministru, li xi parti jew oħra tinqeda bi kliem li nista’ ngħid sabiex jaslu għall-għanijiet tagħhom fl-awli tal-Qorti”, qal Dr Abela. Irrimarka li potenzjalment l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għaddej bi proċess li jista’ jwassal biex jinfetaħ appell għall-verdett tal-ġuri. “L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fiduċja u appoġġ għandu bżonn bħalissa. Minflok kellna Deputat Nazzjonalista li infexx jgħajjar lill-Avukat Ġenerali, intamata u korrotta”, sostna l-Prim Ministru b’referenza għal dak li qal id-Deputat tal-PN Mark Anthony Sammut.

Huwa nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qed jagħżel triq differenti, it-triq tal-partiġġjaniżmu u t-triq tal-irresponsabbiltà. Dan qed jagħmlu b’diversi modi, fosthom billi ta pożizzjoni favur il-verdett tal-ġurati mill-ewwel u effettivament esprima ruħu kontra appell, qal Dr Abela. Innota wkoll kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma għandux fiduċja fl-investigazzjoni tal-Pulizija minħabba li l-Ministru Glenn Bedingfield huwa responsabbli mill-Intern. Dr Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni donnu qed jimplika li huwa l-Ministru li jmexxi investigazzjoni tal-pulizija. Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista kompla jgħid li meta l-Kap Nazzjonalista qal li l-investigazzjoni kien fiha nuqqasijiet, kien qed jiftaħ attakk ċar fuq l-esperti forensiċi Olandiżi, l-FBI u anke l-investigaturi Maltin li qal illi għandhom l-appoġġ tal-familja Caruana Galizia.

Il-Prim Ministru assigura li l-Gvern se jibqa’ jagħti r-riżorsi kollha meħtieġa lill-investigaturi biex jagħmlu xogħolhom skont dak ordnat mill-Qorti. Filwaqt li elenka numru ta’ riformi li saru mill-2020 ’l hawn, fosthom il-mod kif tinħatar il-ġudikatura, il-Kummissarju tal-Pulizija u anke l-President tar-Repubblika rrifjuta is-sentiment li bil-verdett, Malta marret lura għall-2017. “Fl-2017 ma kienx hemm persuna li hija sentenzjata 15-il sena ħabs għall-involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Lanqas ma kien hemm żewġ aħwa, meqjusa bħala l-eżekuturi ta’ dan l-omiċidju, li qed jiskontaw sentenzi twal ta’ 40 sena priġunerija. Lanqas ma kien hemm żewġ persuni oħra li qed jiskontaw għomor il-ħabs għaliex instabu ħatja li fornew il-bomba li ntużat dakinhar.”

Tender għal investiment fil-Malta Film Studios fis-sigħat li ġejjin

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista kien mistoqsi wkoll dwar l-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid Laburista. Huwa ħabbar li fis-sigħat li ġejjin se joħroġ it-tender għal sound stages ġodda fil-Malta Film Studios sabiex ikun attirat aktar investiment u jinħoloq aktar xogħol f’dan il-qasam.

Ħabbar ukoll illi quddiem sfidi marbuta mal-elettriku f’Għawdex, wieħed mill-proġetti li se jimbarka fuqu l-Gvern huwa li Għawdex ikollha element ta’ awtonomija fl-enerġija. Għalhekk huwa ppjanat li jsir back up plant f’Għawdex biex meta jkun hemm ħsara fuq tnejn mit-tliet cables tad-dawl, tintuża din l-infrastruttura.

Huwa tenna li f’dawn il-ġimgħat il-Gvern wera li jrid ikompli jittraduċi s-saħħa ekonomika fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji. Elenka diversi miżuri u passi li diġà ħa l-Gvern, fosthom ir-riforma fil-qasam tal-IVF bit-twessigħ tal-PGT-M u inqas burokrazija biex aktar koppji Maltin isiru ġenituri. “U għandna riżultati li jagħtuna kuraġġ: Is-sena li għaddiet twieldu rekord ta’ 254 tarbija permezz tal-IVF, u aktar minn elf tarbija minn meta beda jingħata s-servizz f’Malta.”

Dr Abela semma l-investiment ta’ €120 miljun biex jitkabbar id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei u faċilitajiet ġodda għall-kura akuta tas-saħħa mentali, proġetti li bdew proprju x-xahar li għadda. Semma’ wkoll kif f’100 jum inbdiet ir-riforma fil-qasam tal-appelli fl-ippjanar, beda il-proċess biex il-White Rocks ikun protett bħala Park Nazzjonali u ddaħħlu liġijiet biex jissaħħu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Mistoqsi dwar l-edukazzjoni Dr Abela qal li matul il-ġimgħa l-Gvern ħabbar li qed jaħdem fuq proposta biex tiġi diskussa għal skola sekondarja vokazzjonali. Fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li neħħa dawn l-iskejjel “u sal-lum għadna nisimgħu lil min kien responsabbli minn dik id-deċiżjoni jiġġustifikaha.” Elenka ħidma ukoll fuq is-sigurtà fil-pajjiż, bl-introduzzjoni tal-on the spot fines, li tista’ twassal għal deportazzjoni f’xi każijiet. “Il-messaġġ huwa li aħna nilqgħu lil min iżurna jew jgħix hawn. Daqstant importanti iżda hija l-osservanza tar-regoli.”

“Il-poplu tana l-fiduċja tiegħu għal mandat sħiħ, u r-responsabbiltà tagħna hija li kull sena, kull Budget u kull deċiżjoni jressquna eqreb lejn dak li wegħdna. Għalhekk iż-żmien li ġej se jkun wieħed ta’ aktar xogħol, aktar implimentazzjoni u fejn ikun hemm bżonn, anke deċiżjonijiet kuraġġużi”, temm jgħid Dr Abela fl-attività bit-tema ‘Viċin Tiegħek’.


Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista

Issieħeb mal-Partit Laburista

Għin lill-Partit Laburista permezz ta’ donazzjoni onlajn

Ingħaqad magħna billi tgħin bħala voluntier

Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista